Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru lqugħ fuq il-pontijiet li hawn fit-toroq madwar Malta u Għawdex, sabiex ikun hemm is-sigurtà meħtieġa għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn taħt dawn il-pontijiet u dan sabiex jiġu evitati inċidenti li jistgħu jkunu fatali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm korsijiet tal-life long learning kemm Malta kif ukoll f'Għawdex u tagħti d-dettalji opportuni inklużi wkoll dettalji ta' kull kors, min jgħallem, kemm hemm studenti, kemm jingħataw sigħat ta' tagħlim u jekk il-premises fejn isiru dawn il-korsijiet jistgħux jintużaw mill-għalliema barra l-ħinijiet tal-korsijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-garaxx għall-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei hux irranġat bl-impjegati tal-gvern u għaldaqstant humiex imħallsin mill-istess gvern? Jekk le, liema kumpanija hija responsabbli għall-irranġar u jekk din il-kumpanija rebħitx xi kuntratt? Jekk rebħet kuntratt, b'liema mod? Kemm-il sular fih dan il-garaxx u jekk hemmx xi parti li ġiet mikrija, jew jekk hux il-garaxx kollu huwa mikri? Jekk parti biss mikrija, liema parti? Jekk mhux mikri kollu, liema huma s-sulari mwellija lil din il-kumpanija? Jekk dan il-garaxx ingħata b'kirja jew b'titolu ieħor, għal kemm żmien u meta jagħlaq il-kuntratt? Kemm huwa n-numru ta' parkeġġ f'kull sular? Min iffissa r-rati għal ħlas tal-ħinijiet tal-parkeġġ? Ġie ikkunsidrat jekk persuna li ma taħdimx, tistax tieħu parkeġġ għal ċertu żmien, bla ħlas?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titppġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Żejtun — Ġebel San Martin - servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi tibdil mill-kumpannija Arriva ħalli ż-żona ta' Ġebel San Martin fiż-Żejtun tiġi moqdija kif kien isir fil-passat? Jekk iva, x'tibdil seħħ u jekk le ghaliex hemm din ir-reżistenza ħalli dawn in-nies għallanqas jieħdu l-istess servizz li kellhom qabel u forsi aħjar ukoll?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mis-27 ta’ Mejju 2012, se tiġi emendata ir-Rotta 84 sabiex tibda tipprovdi servizz lir-residenti ta’ Ġebel San Martin. Infurmat ukoll li se tiġi emendata l-frekwenza ta’ din ir-rotta fejn minn kull 60 minuta l-frekwenza se tiġi għal kull 30 minuta.
Ħ'Attard — Triq l-Imdina u Triq Ħaż-Żebbuġ - ilment dwar rwejjaħ
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ħa, jew qed jieħu, jew inkelli x'bi ħsiebu jieħu rigward ir-riħa qawwija li ħierġa mid-drenaġġ f'Ħ'Attard l-aktar fl-inħawi tat-Triq l-Imdina u Triq Ħaż-Żebbuġ peress li din ir-riħa ilha ħierġa għal aktar minn sena bl-inkonvenjenza kbira għar-residenti, u anki b'periklu għas-saħħa tagħhom? Jista' jara x'jista' jsir peress li r-residenti ġew informati, minn rapreżentanti tad-Dipartiment tas-Saħħa li din hija riżultat li hemm min qed jitfa' l-ħmieġ tal-annimali mill-inħawi tal-Imdina?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Kummissarju tat-Taxxi Interni — ħlasijiet ta’ spejjeż legali
Question
Jista' l-Ministru jispjega għaliex qed jintbagħtu avviżi legali permezz tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika , “in rapprezentanza tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni”, għal ħlasijiet ta’ spejjeż legali li ma kenux tħallsu, iżda li huma preskritti skont il-liġi? Jaqbel li dan ma kellux isir? Kien jaf b’dan? F’każ li kien jaf, x’passi ħa biex dan ma jibqax isir għax qiegħed jikkawża ħafna inkwiet bla bżonn, speċjalment lil min ikun anzjan u ma jkunx jaf li dik it-talba għal ħlas kienet preskritta? F’dawk il-każijiet fejn min irċieva minn dawn l-avviżi, minkejja li l-ħlas kien preskritt iżda li min irċieva l-avviż b’theddid ta’ mandat, mar iħallas, se jingħataw il-flus li ħallsu lura?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-attenzjoni tal-Onorevoli Membru qed tigi attirata għall-fatt illi jekk ammont ikun dovut id-dejn ma jinħallx bis-sempliċi trapass taż-żmien, izda jekk persuna tkun trid tqajjem il-preskrizzjoni dan trid tagħmlu permezz ta’ eccezzjoni jew ta’ azzjoni apposita.
Ammont dovut in forza ta’ sentenza ma jaqax preskritt qabel ma jgħaddu tletin sena u huwa ghalhekk kemmxejn stramb dak allegat fid-domanda peress illi ma ntbagħtu ebda kontijiet għal ammonti li jmorru lura daqshekk.
S’intendi l-Onorevoli Membru huwa ukoll imfakkar illi ghad li ħadd ma jieħu gost iħallas il-kontijiet, dak li jkun dovut lill-erarju pubbliku irid jitħallas.
Jista' l-Ministru jgħid jekk in-numru ta' siringi għal dawk li jbatu mid-diabete u jieħdu l-insulina hux se jiżdiedu u dan għaliex in-numru li qed jingħata bħalissa mhux biżejjed?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012.
Id-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi li qabel kienet tingħata l-kura taghħa b’xejn, permezz tal-kartuna r-roża u li issa żdiedet mall-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V. Pazjenti li kienu jieħdu l-kura tad-dijabete permezz tal-kartuna r-roża ser ikunu jistgħu jagħżlu jekk ikomplux jieħdu l-kura meħtieġa tad-dijabete permezz tal-kartuna safra jew roża.
Il-pazjenti dijabetiċi li japplikaw skont l-emendi tas-Skeda V fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) u li parti mit-trattament tad-dijabete jikkonsisti minn insulina ser ikunu intitolati għal tletin siringa tal-insulina fix-xahar minflok għaxra fix-xahar.
B'referenza għall-ittra mill Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern tat-18 ta' Settembru 2008 li referenza tagħha qed tintbgħat separatament, jista' l-Minsitru jgħid x’azzjoni ħadet Transport Malta billi l-korrispondenza kienet ġiet mghoddijja lilhom mid-Director Estate Management Department of Government Property Division?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Street venders ħdejn id-daħla tal-Qorti — Liċenzji meħtieġa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 33685 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u, flimkien mal-pulizija, jara li l-istreet vendors li jkun hemm ħdejn id-daħla tal-Qorti u ħdejn id-daħla tal-ġenb tal-Konkatidral ta' San Ġwann humiex kollha qed joperaw bil-liċenzji meħtieġa?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar jaqa' direttament taħt il-pulizija u li ninsab infurmat li regolarment jiċċekjaw jekk entitajiet u individwi jkunux liċenzjati biex jagħmlu l-attivita' kummerċjali tagħhom. Madanakollu, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Kummerċ marru jiċċekkjaw nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju u t-Tnejn 14 ta' Mejju u sabu li ħlief għal żewġ persuni, dawk li kien hemm preżenti kollha kellhom il-liċenzja ta' busker. Dawk li ma kellhomx liċenzja ġew mitluba biex jitilqu minn fuq il-post.
Jista' l-Ministru jara jekk Transport Malta tistax tinvestiga aktar fil-fond possibilitajiet aktar prattiċi li permezz tagħhom residenti fit-triqat (naħa ta’ fuq) Triq it-Torri, Triq Dinjonisju Famucelli kif ukoll Triq Mons. Innocenz Zammit fis-Swatar, ikunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra ta’ ħdejn l-Università mingħajr perikli kif ukoll biex jinstab mezz biex huma jkunu jistgħu jsuqu l-karrozzi tagħhom lejn l-istess direzzjoni mingħajr ma jirrikorru għar-rotta twila u t-tidwir bla bżonn kif qed jiġri fil-preżent?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm underpass sabiex il-pedonali jaqsmu min-naħa tas-Swater għan-naħa tal-Università fejn underpass hija meqjusa bħala l-aktar mod sikur biex taqsam it-triq. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara l-mistoqsija tiegħu u jinforma lejn liema direzzjoni qed jitlob li jistgħu jsuqu l-karozzi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Minsitru tal-Affarijiet Barranin jiċħad jew tikkonferma jekk il-ħatriet kollha li saru f’din il-leġislatura fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin sarux b’konformità sħiħa mar-regolamenti tal-Public Service Commision?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant u nikkonferma li l-ħatriet li saru f'din il-leġislatura fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kienu kollha b'konformità sħiħa mar-regolamenti tal-Public Service Commission.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istat tal-Prosecution Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u fiex jikkonsisti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26502, bid-differenza li fil-preżent hemm stazzjonati Supretendent u Spettur.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Korp tal-Pulizija se jkollu apparat għal video recording tal-investigazzjonijiet/stqarrijiet u kemm se jiġi jiswa dan l-apparat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-proċess sabiex il-Korp tal-Pulizija jkollu apparat għal video recording wasal fi stadju avvanzat, għad mhux magħruf kemm se jkun jiswa.
Faċilità Karrettiva ta' Kordin — ħlas ta' overtime
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'overtime l-impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin sena b'sena fl-aħħar ħames snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fl-aħħar ħames snin tħallsu kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Sena Ammont overtime
2007 €1,298,483
2008 € 1,442,088
2009 € 1,498,028
2010 € 1,674,682
2011 € 1,903,450
Dawn l-ammonti jinkludu ħlasijiet lill-Pulizija ta’ skorti li jsiru ma’ priġunieri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm esebiti kienu mitlufa mill-Qorti fl-aħħar ħames snin u kemm minn dawn għadhom ma nstabux sal-lum?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Fil-Qrati ta’ Gudikatura Kriminali (Malta), f’dawn l-aħħar ħames snin, kien hemm każ wieħed biss fejn l-esibiti kienu mitlufa u għadhom ma nstabux sal-lum.
Fil-Qrati ta’ Ghawdex: f’dawn l-aħħar ħames snin, ma kienx hemm każ fejn l-esibiti kienu mitlufa u għadhom ma nstabux sal-lum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-parole sal-lum u x'kien l-eżitu ta' dawn it-talbiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li s'issa saru 159 talba għall-Parole. Kien hemm diversi talbiet li ma jistgħux jiġu ikkunsidrati għax mhumiex eliġibbli skont il-Liġi. It-talbiet l-oħra għaddejin mill-proċess stabbilit skont il-Liġi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34120 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’għamel jew x’qed jagħmel il-gvern biex ineħħi u jiddisponi t-tunellati kbar ta' fuel ash, iġġenerat mill-Korporazzjoni Enemalta u mormi Bengħajsa li jingħad li huwa tossiku?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-flyash li kien mirdum mill-Enemalta fid-disgħinijiet, fil-barriera tal-Marsa, limiti tal-Bengħajsa, ġie maħluq b’konsegwenza tal-kombustjoni tal-faħam fil-Marsa. Dan il-flyash huwa meqjus inert u stabbli u għalhekk r-rimi tiegħu fil-barriera kien konformi mar-regolamenti li kienu applikabbli f’dak iż-żmien. Materjal bħal dan huwa ġeneralment mirdum b’dan il-mod kemm f’pajjiżi Ewropej u anke internazzjonali. Il-materjal mhux meqjus li hu tossiku. Għalkemm il-flyash jista’ jerġa’ jintuża’ bħala materjal għall-konkrit u l-produzzjoni tal-asfalt, u għalkemm l-użu tal-materjal li ġie mirdum f’Benghajsa ġie studjat għal dan il-għan, għalissa l-Enemalta m'għandux pjanijiet għal dan.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34119 u 33181 u jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available online biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stmat li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għaliex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?
Readers elettorniċi, programmi u equipement għat-tfal li huma visually impaired
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm readers elettroniċi, programmi u equipment ieħor fl-iskejjel tagħna għat-tfal li huma visually impaired u tgħid f'liema skejjel qegħdin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.