Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux politika dwar it-turbini tar-riħ, fuq bażi ta' ċittadin b'mod individwali u fuq livell governattiv għall-produzzjoni tal-elettriku għall-poplu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-politika dwar it-turbini tar-riħ, fuq bażi ta' ċittadin b'mod individwali u fuq livell governattiv għall-produzzjoni tal-elettriku għall-poplu hija dokumentata fid-dettal fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Energija Renovabli.
Preżentement hemm skema ta’ għajnuna ta’ 25% (sa massimu ta’ €232. 94) tal-ispiża għall-istallazzjoni tat-turbini tar-riħ domestiċi. Għal konsumaturi rurali jew industrijali hemm skemi ta’ għajnuna oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri minn dawk il-pazjenti nisa li għandhom storja ta' problemi relatati ma' mard tas-sider u għandhom iktar minn 62 sena? Jista' jgħid jekk dawn jistgħux jidħlu fl-iskema ta' skrenjar ukoll?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer tas-sider bħalissa qed jistieden lin-nisa f’Malta u Għawdex ta’ bejn il-50 u s-60 sena (madwar 42,000 mara) fuq medda ta’ tliet snin. Il-Programm jistieden lil nisa li huma b’saħħithom u jirrakkomanda bis-saħħa li kull min għandu xi dubju jew diffikulta’ dwar is-sider, anki jekk eliġibbli għall-iScreening, jieħu parir immedjat mit-tabib. Dan ikun jista’ jiggwidahom dwar bżonn ta’ aktar investigazzjoni jew riferiment.
Matul il-ġimgħat li ġejjin ser issir evalwazzjoni tal-programm mill-International Agency for Research on Cancer (IARC), li gew ingaġġati ukoll biex jagħtu parir dwar estensjoni tas-servizz hekk u fejn meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk biex tagħmel mammografija tridx tkun ta' ċertu età biss, u xi proċedura trid issegwi mara li tixtieq teżamina sidirha b'dan it-test?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-deċiżjoni biex isir it-test tal-mammografija mhijiex ibbażata biss fuq l-età iżda hija deċiżjoni li tittiehed b’mod ħolistiku wara eżami kliniku, analiżi tas-sintomi u l-istorja tal-mara u indikaturi kliniċi oħrajn.
Kull min għandu xi dubju jew diffikulta’ dwar is-sider għandu jieħu parir immedjat mit-tabib. Dan ikun jista’ jiggwidahom dwar bżonn ta’ aktar investigazzjoni jew riferiment.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 37903 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm huwa n-numru ta' ġibjuni li għandu konjezjoni tagħhom il-gvern f'Għawdex? Tista' tgħid kemm fil-preżent huwa numru ta' dawk il-ġibjuni li għadhom qed jintużaw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 38046.
San Pawl il-Baħar — persuni li għandhom il-karta roża u s-safra
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li għandhom il-karta r-roża f'San Pawl il-Baħar u kemm minn dawn għandhom il-karta s-safra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru ta' kartun isfar fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar huwa ta’ 7,235. Ninforma lill-Onor. Interpellant biex rigward il-karta r-roża jistaqsi lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37386 u 37071 u jgħid meta bdew in-negozjati ma' St. Philips Hospital li eventwalment wasslu għal ftehim propost? Jista' jagħti t-time lines tal-istadji kollha tan-negozjati u minn min saru min-naħa tal-gvern? Meta ddaħħlu fl-istorja kollha l-Foundation for Medical Services? Min rrapreżenta lill-fondazzjoni fl-istadji varji tan-negozjati u dan ix-xogħol ġie farmed out lil terzi? Jekk iva, lil min? Jikkonferma rapporti li n-negozjati bdew madwar sitt xhur wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2008? X’kienu l-alternattivi li ġew ikkunsidrati? Minn min saru dawn l-istudji dwar siti jew premises alternattivi? Jista' jippublika l-minuti u d-dokumenti kollha marbutin ma' dawn in-negozjati inklużi minuti tal-laqgħat kollha li saru? Liema kienu l-auditing firms allegatament involuti fin-negozjati f’isem il-gvern u anki s-sidien?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37501, jista' l-Ministru jikkonferma li kemm-il darba qed jiġi kkonfermat li din l-art hija tal-gvern hijiex tinġi użata minn terzi skont jew kontra l-liġi u jekk inkriet huwiex isir xi abbuz mill-kirja innifisha li setgħa ħareġ il-gvern?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda kirja fuq din l-art u minn spezzjoni li saret dan l-aħħar irriżulta li din qed tiġi okkupata illegalment.
Tender dwar energy saving li għadu ma ġiex aġġudikat
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li tender dwar energy saving li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li għalaq fil-15 ta' Mejju 2012 għadu ma ġiex aġġudikat s'issa u dan meta energy saving campaigns għandhom jkunu ta' prijorità ta' kull amministrazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni biex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul. B’hekk din l-applikazzjoni tqegħdet fil-lista ta’ stennija skont il-mertu tal-każ.
Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li kienet applikat għal children allowances u għadha mhux tieħodhom?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata dwar il-każ tagħha.
Ħaż-Żebbuġ — Triq Ġuże Abela - triq li għadha mhux asfaltata
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Triq Ġuża Abela f'Ħaż-Żebbuġ, sal-lum għadha ma ġietx asfaltata? Jista' jipprovdi d-dati ta' meta t-triq ġiet maqlugħa u ta' kemm ilhom lesti s-servizzi u l-pavimentari? Jista' jagħti d-data ta' meta se tkun lesta din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tagħmel parti mill-programm eżistenti tax-xogħlijiet ta’ Transport Malta. Għaldaqstant, inħarġet sejħa għall-offerti fid-9 ta’ Novembru 2012. Ma tistax tingħata data eżatta ta’ meta ser jinbeda ix-xogħol, qabel il-kuntratt jiġi aġġudikat.
Tranport Malta — vakanzi li kienu rriklamanti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-vakanzi mill-2010 sal-lum li ġew irriklamati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ f'isem it-Transport Malta? Jista' jgħid kemm ġew irriklamti vakanzi diretti minn Transport Malta? Jista' jgħid il-vakanzi msemmija x'titlu kellhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati li kienu jaħdmu b'self mat-Transport Malta mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li llum ġew ingaġġati mal-awtorità? Jista' jgħid x'pożizzjoni ngħatatilhom u f'liema direttorat u dipartiment huma assenjati? Jista' jgħid kif seħħ il-proċess sabiex jiġu mogħtija dawn il-gradi? Jista' jgħid inħarġux call for applications u jekk fl-affermattiv jista' jgħid fejn dawn ġew riklamati? Jista' jipprovdi kemm kien il-perjodu tal-kandidati magħużla minn meta bdew jesegwixxu xogħolhom fil-bini tat-Transport Malta mill-kumpanija privata msemmija sal-ingaġġ dirett mat-Transport Malta? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ngaġġati aktar ħaddiema mat-Transport Malta minn din il-kumpanija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Baħrija — Kontijiet tad-dawl u ilma li għadhom pendenti għal divesri xhur
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38080 u cioè: Billi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tar-resident tal-Baħrija waqgħu lura għal aktar minn tmien xhur milli jintbagħtu, jista’ l-Ministru jinforma x’qed jikkaża dan id-dewmin? Jista’ jinforma ukoll liema bliet u rħula f'Malta, li bħar-residenti tal-Baħrija, l-kontijiet waqgħu lura daqstant? Jista’ jinforma raħal b’raħal, belt b’belt, meta se jintbagħtu dawn il-kontijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Enemalta — ċifra ta' flus għall-elettriku ġġenerat
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38045, 37817 u 37644 u jgħid kemm hi ċ-ċifra tal-flus globali li l-Korporazzjoni Enemalta għandha tħallas illum bħala kumpens għall-elettriku ġġenerat permezz tas-sistemi fotovoltajici lill-familji li zviluppawha u bdew joperaw fid-djar privati u jew stabilimenti kummercjali? Jista’ jgħid meta fil-fatt se jitħallsu? Għaliex fil-fatt għadhom ma tħallsux?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — pendenzi fil-pagamenti għal xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38087 u jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — pendenzi fil-pagamenti ta' xogħlijiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 38088, jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-parti l-oħra u cioè dwar il-pendenzi tal-pagamenti għar-rigward tat-tenders li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u dekasteri l-oħra li jaqgħu taħtu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq niċċara ma’ l-Onorevoli Interpellant li rigward ir-risposta li tajt f’Mistqosija Parlamentari 38088, dwar pagamenti pendenti għal xogħolijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ direct order u tender, li l-unika pagament pendenti huwa dak indikat fir-risposta. Dan l-Uffiċċju ma’ għandu l-ebda pagamenti pendenti għal xogħolijiet approvati b’riżultat ta’ tender.