Legislature:
Category:
Reset
Active:

kwestjoni fuq il-karta r-roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'effett se jkun hemm fuq dawk il-persuni li qed jiġu infurmati li m'għadhomx eligibbli għal karta r-roża, u li issa se jaqgħu fuq kartuna s-safra għal mediċini li għandhom bżonn? Veru jew le li dawk li kienu jieħdu ċertu servizzi b'xejn bħal hearing aid, nuċċali u dentura permezz tal-karta r-roża, issa se jispiċċalhom dan is-servizz bl-għeluq tal-karta r-roża?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li fuqhom jkun approvat l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażżati fuq l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Art 23 u Skeda V ta’ l-istess Att. Dawk il-pazjenti li jkollhom marda kronika skont Skeda V, jirċievu d-dokument magħruf bħala l-kartuna s-safra. Dawk il-persuni li jkollhom dħul finanzjarju inqas mill-medja skont id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali japplikaw għal Skeda II (il-kartuna r-roża). Il-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Id-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi li qabel kienet tingħata l-kura b’xejn permezz tal-kartuna r-roża u li issa żdiedet mal-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V. Pazjenti li kienu jieħdu l-kura tad-dijabete permezz tal-kartuna r-roża ser ikunu jistgħu jagħżlu jekk ikomplux jieħdu l-kura meħtieġa tad-dijabete permezz tal-kartuna safra jew roża. Pazjenti dijabetiċi li ser jagħżlu li jkomplu jieħdu l-kura meħtieġa permezz tal-kartuna r-roża mhux ser jispiċċalhom s-servizzi b’xejn imsemmija.

Mellieħa — traffic management

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema talbiet pendenti għandha quddiemha Transport Malta għal dak li jirrigward traffic management fil-Mellieħa? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet u meta hu mistenni li jkun hemm risposti dwarhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm talba waħda pendenti. L-informazzjoni kompluta, intbagħtet mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa nhar il-Ġimgħa, 11 ta' Mejju 2012. Infurmat li għandha tingħata risposta lill-kunsill lokali fil-ġranet li ġejjin.

car park attendants

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet hemm car park attendants li huma liċenzjati li jagħmluha ta' attendants f'Malta? X'tip ta' liċenzja toħroġ Transport Malta għal dawk li huma attendants? X'sehem għandhom il-kunsilli lokali biex jiddeċiedu fejn jista' jkun hemm car parks bil-ħlas? Liema hi l-lista ta' car parks li fihom Transport Malta għandha attendants liċenzjati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali m’għandhom ebda sehem f’deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu minn Transport Malta dwar postijiet ta’ parkeġġ skedati, li huma kollha mingħajr ħlas. L-għażla ta’ fejn jistgħu jsiru postijiet ta’ parkeġġ bi ħlas u x’sehem għandhom il-kunsilli lokali fejn jistgħu jsiru tali parkeġġi, ma' jaqgħux fil-kompetenza ta’ Transport Malta u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-parti tad-domanda lill-Ministru kkonċernat. Rigward il-bqija tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 16377 u Nru 34422.

Xemxija — kwestjoni dwar triq arterjali

Question

Billi fil-passat kien hemm suġġerimenti li t-telgħa tax-Xemxija (Xemxija Hill) ma tibqax isservi ta' triq arterjali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi studji partikulari li għaddejjin bħalissa dwar tali xogħol? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-proposti li kien hemm fil-passat għadhomx għad-diskussjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħalissa m' hemmx studji partikulari għaddejjin dwar ix-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Kienu saru studji fil-passat u mhux eskluż li dawn l-istudji jkunu għad-diskussjoni fil-futur.

Benefiċċju — ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali

Question

Fil-każ ta' persuni li qed jieħu l-benefiċċju talli qed jieħu ħsieb il-ġenituri tagħhom, jista' l-Ministru jgħid għalfejn dawn ikollhom xorta waħda jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali? Għalfejn fl-istess waqt mhux intitolat għal żieda sħiħa li tingħata għal għoli tal-ħajja?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm żewġ tipi ta’ benefiċċji li jitħallsu lil persuni li jkunu jieħdu ħsieb ġenituri. Il-kriterji biex persuna tikkwalifika għal wieħed jew ieħor mill-benefiċċji huwa differenti. L-ewwel tip ta’ benefiċċju huwa l-Għajnuna Soċjali (Wens) li jitħallas lil persuni li jkollhom jieqfu jirreġistraw għax-xogħol għax ikun qed jieħdu ħsieb xi qarib li minħabba l-kundizzjoni tiegħu jew tagħha jkollha bżonn il-wens. F’dan il-każ min qed jirċievi din l-Għajnuna Soċjali talli qed iddur bil-qarib, din mhux obbligata li tħallas kontribuzzjoni tas-Sigurta Soċjali kemm il-darba tkun tikkwalifika għal kontribuzzjoni akkreditata. Jista’ jkun hemm każ fejn kontribuzzjoni akkreditata ma tkunx applikabbli. Għaldaqstant ikun tajjeb li l-benefiċċjarju jitlob gwida minn uffiċċjali tad-Dipartiment tas-sigurta’ soċjali dwar il-kaz tiegħu. Inżid ukoll li fil-każ ta’ kull għajnuna soċjali, ż-żieda fir-rata tal-Għajnuna minn sena għal sena huwa ta’ żewġ terzi taż-żieda ta’ l-għoli tal-ħajja. It-tieni tip ta’ benefiċċju soċjali għal persuni li jduru bil-ġenituri huwa il-Pensjoni għal-Wens li tingħata li persuni li jkun qed iduru b’qarib li huwa wheelchair bound jew bed bound. F’dan il-każ, il-benefiċċjarju wkoll jista’ ikun intitolat għall-kontribuzzjonijiet akkreditati taħt ċertu kriterji. Barra minn hekk f’dan il-każ iż-żieda għall-ogħli tal-ħajja tingħata sħiħa. Peress li hemm kriterji differenti li jirregolaw id-dritt għal dawn il-benefiċċji kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali huwa dejjem importanti li l-applikanti jagħmlu kuntatt mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għal gwida.
Leg 11 PQ #34589 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Persuna barranija li għandha dritt ta' domiċilju biex tgħix f'Malta — attendenza għall-kors fl-Università

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li persuna barranija li għandha d-dritt ta' domiċilju biex tgħix f'Malta u għandha Karta tal-Identità (A) biex tattendi xi kors l-Università jkollha tħallas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #34590 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Korsijiet fl-ingliż lill-barranin li jgħixu Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-università tagħtix korsijiet fl-ingliż lill-barranin li jgħixu Malta u li ma jkollhomx kwalifika bil-għan li jiksbu din il-kwalifika meħtieġa? Jekk fl-affermattiv, dan isir bi ħlas u jekk iva, tista' tindika kemm huwa l-ħlas li jintalab?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-preżent l-Università ta’ Malta ma toffrix korsijiet fl-Ingliż lill-barranin li jgħixu Malta bil-għan li jiksbu l-kwalifika meħtiega biex ikunu jistgħu jsegwu kors fl- Università. Il-Malta University Language School, li tagħmel parti mill-Malta University Holding Company, toffri korsijiet fl-Ingliż bil-għan li persuni barranin jiksbu kwalifiki fl-Ingliż, inkluż dawk il-kwalifiki meħtiega f’din il-lingwa biex ikunu jistgħu jsegwu kors fl-Università.
Leg 11 PQ #34591 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tax-Xandir — programi

Question

Jista' jwieġeb mistoqsija parlamentar 34362 u jitlob l-Awtorità tax-Xandir biex tgħaddi lista ta' kemm kien hemm Ministri, Segretarji Parlamentari u deputati tal-Gvern mistiedna fuq programmi ta' TVM minn Ottubru 2011 s'issa? Jista' jitlob li din il-lista tingħata programm programm? Jista' jgħid kemm kien hemm deputati tal-Oppożizzjoni mistiedna fl-istess perjodu? Il-monitors tal-Awtorità tax-Xandir qett irrilevaw nuqqas ta' bilanċ f'dawn il-programmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dan l-istadju m’għandix x’inżid mat-tweġiba li pprovdiet l-Awtorità tax-Xandir għall-mistoqsija numru 34362.
Leg 11 PQ #34592 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta tax-Xandir — impjegati fit-taqsima monitoring

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm hemm impjegati jaħdmu fit-taqsima tal-monitoring tal-Awtorità ta' Malta tax-Xandir? X'xogħol isir f'din it-taqsima ta' kull jum? Jista' jindika jekk isirx rapport fuq kull programm imxandar? Jista' jgħid jekk jinżammx record ta' dawn il-monitoring reports? Kemm qed tiswa din it-taqsima lill-budget tal-Awtorità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità tax-Xandir għandha d-dmir li tirregola l-kontenut ta’ sitta u għoxrin (26) il-stazzjon televiżiv (inklużi dawk satellitarji) u tnejn u ħamsin (52) stazzjon tar-radju, (inklużi dawk tal-komunita permanenti) li l-maġġoranza tagħhom ixandru erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Huwa evidenti li mhux possibbli li jsir monitoraġġ tal-programmi kollha fuq kull stazzjoni televiżiv u tar-radju li huwa liċenzjat mill-Awtorità. Infurmat li d-Dipartiment tal-Monitoraġġ tal-Awtorità huwa kompost minn Head of Monitoring u Deputy Head flimkien ma’ tnax il-membru ieħor li xogħolhom huwa li jimmonitorjaw il-programmi u li huma kollha gradwati. Il-maġġoranza tagħhom għandhom esperjenza twila f’dan il-qasam. Id-dipartiment jiswa’ lill-Awtorità madwar € 345,000 fis-sena. Naturalment dan l-ammont ivarja, għax huwa dipendenti minn jekk ikunx hemm elezzjonijiet jew referenda f’dik is-sena partikolari, minħabba li fi snin bħal dawn ikun hemm il-ħtieġa ta’ xogħol wara l-ħin normali. Biex tkun tista twettaq ix-xogħol tagħha b’responsabbiltà, l-Awtorità, b’konsultazzjoni mal- Head of Monitoring u l-Kap Eżekuttiv tfassal “policies” biex jimxi fuqhom id-Dipartiment tal-Monitoraġġ. Dawn il-“policies” jieħdu in konsiderazzjoni ir-“Risk Assessment” ta’ kull programm u fuq din l-evalwazzjoni jiġu identifikati dawk il-programmi li għandu jsir monitoraġġ tagħhom fuq bażi regolari. Dawn jinkludu il-programmi kollha ta’ aħbarijiet u programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti u oħrajn ta’ ġeneri differenti. Isir monitoraġġ fuq bażi ta’ perjodi definiti jew meta l-Awtorità tkun taf li l-kontenut tas-suġġett li jkun ser jiġi ttrattat jimmerita tali monitoraġġ tal-programmi l-oħra li ma jkunux qed jiġu segwiti fuq bażi regolari. Il-monitoraġġ tal-programmi ma jkoprix biss il-bilanċ u l-imparzjalità meħtieġa fil-kontenut politiku u policy pubblika kurrenti, imma dak kollu li huwa kopert mill-Att Dwar ix-Xandir u jinkudi, imma mhux biss, elementi bħal trattament ta’ nies vulnerabbli, reklamar u protezzjoni tal-minorenni. Kif diġa għedt, il-programmi kollha ta’ aħbarijiet, diskussjoni u dawk li jittrattaw ġrajjiet kurrenti kemm ta’ TVM, TVM2 u anke tal-istazzjonijiet l-oħra jiġu monitored kollha fuq bażi regolari u jsir rapport fuqhom. Dawn il-Rapporti jiġu evalwati u tittieħed azzjoni fuqhom skont il-ħtieġa. L-Awtorità żżomm record ta’ dawn ir-rapporti. Minn barra r-rapporti fuq il-monitoraġġ tal-programmi, isiru wkoll perjodikament Rapporti Tematiċi dwar aspetti differenti bħalma huma Trattament ta’ Persuni Vulnerabbli fix-Xandir; l-Użu tajjeb tal-Malti u l-implimentazzjoni tal-provvedimenti ġodda b’riżultat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-AVMS tal-Unjoni Ewropeja. Dawn ir-Rapporti jiġu evalwati mill-Awtorità u fuqhom tiġi fformulata interpretazzjoni u tittieħed azzjoni meta u jekk ikun hemm mill-ħtieġa. Barra minn hekk id-dipartiment tal-Monitoraġġ jorganizza “Reach Out” seminars indirizzati lejn l-industrija fejn jiġu diskussi dawn it-temi partikolari u kif dawn jirrelataw fil-qafas legali.
Leg 11 PQ #34593 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta tax-Xandir — nuqqas ta' moniteraġġ kontinwu tal-programmi

Question

Jista' l-Prim Ministru jindika jekk hux minnu li l-Awtorità ta' Malta tax-Xandir mhux qed tagħmel moniteraġġ kontinwu tal-programmi kollha mxandra fuq TVM u TVM 2? Jekk dan minnu, tista' tingħata raġuni għalfejn hemm dan in-nuqqas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34592.

Korp tal-Pulizija — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta' Mejju 2012 fis-segwenti gradi: a) assistenti kummissarji; b) supredententi; ċ) spetturi; d) maġġuri u e) surġenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'1 ta’ Mejju ta’ din is-sena il-membri fil-Korp tal-Pulizija fil-gradi imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu kif ġej: Grad Membri Assistant Kummissarju 8 Supretendent 25 Spettur 102 Surġent Maġġur 49 Surġent 325

reati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm saru reati fis-snin 2012 u 2011, lokalità b'lokalità u x'tip ta' reati kienu dawn? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-reati kienu solvuti mill-Korp tal-Pulizija kategorija b'kategorija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

strateġija fil-Qasam tal-Intern

Question

Fid-dawl tal-istqarrija pubblika li għamel il-Ministru riċentament fis-sens illi, "l-istrateġija fil-Qasam tal-Intern qed tirnexxi...", jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din l-istrateġija? Jista' jgħid kif saret din l-istrateġija? Min kien involut fit-tfassil tagħha u min kienu l-konsulenti involuti? X'inhi t-timeframe ta' din l-istrateġija u fejn hu mistenni li din twassalna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-istrateġija li saret referenza għaliha hija riflessa fil-politika tal-gvern f’dan il-qasam u fid-diversi miżuri li ttieħdu f'dawn l-aħħar snin permezz ta’ leġiżlazzjoni, inizjattivi u attivatijiet varji biex iġibu 'l quddiem dan is-settur.

Mellieħa — toroq li ngħataw it-tarmac

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm toroq fl-inħawi tal-Mellieħa (bejn il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa) li ngħataw it-tarmac bħala parti mix-xogħol preparatorju, biex ikunu jistgħu jiġu pprovduti toroq alternattivi, waqt li jkun għaddej ix-xogħol fuq it-toroq arterjali? Kemm sewa dan ix-xogħol għal Transport Malta, u kemm kien it-tul ta' toroq li ġew miksija?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar — faċilitajiet turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti taghrif dwar liema huma l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Ministeru għat-Turiżmu, biex l-inħawi ta' San Pawl il-Baħar ikollhom titjib f'dawk li huma l-faċilitajiet turistiċi li jipprovdu?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorità tat-Turiżmu minbarra li tieħu ħsieb faċilitajiet bħal perched beach ta’ Buġibba qed tieħu numru ta’ inizjattivi sabiex isir titjib fil-prodott turistiku ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ kilometru promenade fil-qalba ta’ San Pawl il-Baħar, żvilupp ta’ attrazzjoni turistika ta’ akkwarju pubbliku u r-restawr tal-faċċata tat-torri ta’ Wignacourt.

Fireworks Festival — nefqa

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar kemm nefqet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bħala sehem tagħha fl-organizazzjoni tal-Fireworks Festival li nżamm din is-sena fl-inħawi tal-breakwater ta' Bugibba? Minbarra l-awtorità min ħallas għall-istess festival?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

ETC — persuna li kienet tagħti l-konsulenzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li waqt iż-żmien li kien jagħti konsulenza fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bħala legal counsel, kellux ukoll xi rapporti kontra tiegħu għand id-Data Protection Commission?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Xagħra, Għawdex — Triq Dr. George Macadam

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34217 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta ħa tiġi asfaltata Triq Dr. George Macadam fix-Xagħra Għawdex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-Triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant tlestiet il-ġimgħa l-oħra.

Vetturi kummerċjali — biljetti biex jaqsmu bejn Għawdex u Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm biljetti nbiegħu kull sena mill-2004 ‘l hawn għal vetturi kummerċjali biex jaqsmu bejn Għawdex u Malta? Jista’ jagħti din l-informazzjoni skont il-kategorija tal-vetturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini ta' triq alternattiva għall-Imġarr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux programmat li tinbena triq alternattiva għall-Imġarr? Jekk fl-affermattiv, x’sar s’issa għat-twettiq ta’ dan il-proġett? Saru xi studji fuq il-proġett? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Saru xi pjanti tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.