Legislature:
Category:
Reset
Active:

talba għal operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34009 u jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha problema fl-ispina tagħha tingħata prijorità għall-operazzjoni li għandha bżonn tagħmel minħabba l-uġigħ li qed issofri peress li hi nfurmata li għandha xhur tistenna jekk mhux snin għal din l-operazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-konsulent responsabbli mill-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant irreveda n-noti u t-testijiet radjoloġiċi ta’ din il-persuna. Dan il-pazjent jidher li għandu problemi f’partijiet ta’ l-ispina dorsali u xi ħsara ħafifa ma nerfijiet assoċjati ma din. Huwa tpoġġa fuq il-lista għal operazzjoni mit-tim tal-konsulent mill-20 ta’ Marzu 2012. Kif wieħed jista jifhem hemm numru ta’ pazjenti oħra li qed jistennew għal interventi simili u fortunatament il-każ tal-persuna kkonċernata mhuwiex wieħed urġenti. Il-konsulent ser jopera lil dan il-pazjent x’ħin ikun il-waqt jew qabel, dejjem jekk ikollu xi kanċellazjonijiet ta’ interventi oħra.

Refund fuq VAT tat-tieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-refund tal-VAT fuq it-tieġ tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadhom ma ngħatawx?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Sqaq Ħarruba — spezzjoni mill-Area Enforcement Officer tal-MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar Sqaq Ħarruba li ġie spezzjonat mil-Area Enforcement Officer tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba perikolu li din toħloq għar-residenti tal-inħawi?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'April 2007 kien aċċettat li l-Enemalta tgħaddi trinka għall-cable minn dan il-passaġġ eżistenti (DNO 280/07). F'Mejju 2009, is-Sezzjoni tal-Infurzar tal-MEPA pero` ħarġet Enforcement Notice, ECF 619/09, kontra l-Kummissarju tal-Artijiet (bħala s-sid) u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa talli l-passaġġ eżistenti twessa' u ngħata l-konkos sabiex tfasslet triq. Il-Kunsill Lokali appella minn dan l-Enforcement Notice fit-terminu li tipprovvdi l-liġi (PAB 102/09) u għalhekk l-Awtorita' hija legalment obbligata li tistenna l-konkluzjoni ta' dan l-appell qabel tkun f'pozizzjoni li tipproċedi ulterjorment.

Tfal li mhumiex imorru skola minħabba li m'għandhomx learning support Assistant

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal bħalissa li mhumiex jattendu l-iskola fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex għax m'għandhomx learning support assistant għal xi raġuni jew oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Individual Education Program fuq tfal tal-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal li għadu ma sarx l-Individual Education Program tagħhom għas-sena skolastika 2011-2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — sospensjoni tal-kollaborazzjoni mas-SIB Laboratories Ltd

Question

Minkejja li l-Università ta' Malta ssospendiet il-kollaborazzjoni tagħhom mas-SIB Labortatories Ltd minħabba l-iskandlu tal-Fondazzjoni Salvatore Maugeri ta' Pavia, tista' l-Ministru tgħid għaliex għadha qed tħalli lil din il-kumpanija ġġib il-logo tal-Università fil-website tagħha u l-link għall-Università u għadha qed tingħata l-impressjoni li ma nbidel xejn ma' din il-kumpanija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università kienet infurmat kemm lil SIB Laboratories Ltd kif ukoll lill-Fondazione Salvatore Maugeri li l-ftehim ta’ kollaborazzjoni magħhom kien ġie sospiż, però sa llum l-Università ma talbitx lil SIB Laboratories Ltd biex tneħħi referenzi dwarha fuq is-sit tagħha peress li l-investigazzjonijiet għadhom pendenti.

Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti — żgħażagħ b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu żgħażagħ b'diżabilità li jattendu xi ċentru ta' taħriġ għall-adulti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onoerevoli Interpellant li ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum qed jipprovdu servizz lil 397 klijenti li minnhom 86 huma żagħżugħ jew żagħżugħa ta’ bejn it-22 sena (li twieldu fin-1990) u t-tletin sena (li twieldu fin-1982).

Żgħażagħ b'diżabilità li qed jistennew biex jidħlu f'Ċentru għat-taħriġ tal-adulti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ b'diżabilità li qed jistennew li jidħlu f'xi ċentru għat-taħriġ tal-adulti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm 86 żgħażagħ b’diżabiltà li applikaw biex jieħdu servizzi miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. Dawn huma maqsuma kif spjegat hawn taħt : Mis-sistema edukattiva* 48 Mill-Komunità 38 * Xi whud minnhom ghadhom fis-sistema edukattiva.

persuni li għandhom skorta tal-pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33084, filwaqt li l-prassi tista' tinbidel speċjalment fejn hemm persuni pubbliċi li kulħadd jaf li għandhom xi forma ta' skorta jew għassa, jista' l-Ministru għallinqas jagħti dettalji mingħajr ma jissemmew il-persuni u l-ispejjeż jew in-nefqa marbuta ma' dawn kif mitlub fil-mistoqsija oriġinali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 10 persuni li għandhom sorveljanza tal-Pulizija.

care workers — kundizzjoni tax-xogħol imtejba

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32840 u jgħid x'passi konkreti ttieħdu ħalli l-care workers li qed jaħdmu fil-qasam tas-saħħa ma jkomplux jiġu sfruttati u abbużati minħabba kundizzjonijiet ħżiena fl-impjieg tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kuntratturi li għandhom kuntratt mad-Dipartiment tas-Saħħa biex jipprovdu servizzi ta’ care workers, huma responsabbli biex jassiguraw il-kundizzjonijiet tax-xogħol skont il-liġijiet tal-pajjiż. Id-Dipartiment tas-Saħħa huwa l-klijent li jirċievi dawn l-impjegati u minkejja dan, qed jistudja kif itejjeb il-kuntratti fit-tenders futuri. Barra minn hekk, qed jipprepara korsijiet ta’ informazzjoni u struzzjoni ghal care workers sabiex jiġu nfurmati biex jifhmu n-natura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

serq minn numru ta' djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33052 u 32418 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32225, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mis-sena 2008 'l hawn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Tqassim ta' ktieb: Minn Qalbna... Għalik

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33490 u 33044 u jgħid kemm ġie jiswa il-ktejjeb ta' propoganda li jismu Minn Qalbna...Għalik? Kif tqassam u kemm ġie jiswa t-tqassim tiegħu? Kemm-il kopja ġiet imqassma? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol u jekk ingħatax b'direct order jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 33044.

Bormla — xogħol fiċ-ċentru

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fl-area taċ-ċentru f'Bormla, peress li issa ilu aktar minn ħmistax-il ġurnata li waqaf ix-xogħol ? Jista' jagħti timeframe għax-xogħlijiet li baqa'?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li x-xogħlijiet in kwistjoni mistennija li jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin u għandhom ikunu lesti sa nofs is-sena d-dieħla, dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevvist.

Xgħajra — f'Ta Barkatt - irwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju li trakkijiet mgħobbija waste ġej mill-impjant f'Ta Barkatt Xgħajra, qed jgħaddu miċ-ċentru ta' Bormla, u jħallu irwejjaħ kbar? Jista' jgħid jekk dawn hux se jibqgħu jgħaddu mill-istess rotta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

spezzjonijiet u testijiet fuq dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet u testijiet fuq dgħajjes ta' kull daqs li jsorġu fil-marinas tagħna u dan sabiex ma jagħmlux ħsara lill-ambjent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li huwa l-obbligu tal-operaturi u dawk li jużaw marinas li jobdu u jirrispettaw il-liġijiet inkluż dawk ambjentali u kif ukoll il-Yachting Centres Regulations, 2011. Operaturi ta' marinas huma wkoll obbligati li joffru faċilitajiet jew servizzi għall-ġbir ta’ skart lill-klijenti li jużaw il-marina. F'dan ir-rigward, operaturi tal-marinas huma obbligati li jkollhom "Waste Management Plan" approvata mid-Direttorat tal-Portijiet u Yachting fi ħdan Transport Malta. Uffiċċjali tal-Awtorita` jagħmlu spezzjonijiet ġewwa l-marinas biex jivverifikaw dak li hemm stipulat fil-“Waste Management Plan” u biex josservaw il-baħar fil-madwar. Fejn jiġi osservat tniġġis dan jiġi investigat. Ma jsirux testijiet b'mod ta' rutina pero` meta jiġi osservat tniġġis ta' żejt, sakemm ikun possibli, jittieħed sample bħala parti mill-investigazzjoni.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Farfett tal-Fejġel - xogħol fuq it-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret Triq il-Farfett tal-Fejġel f'Ħaż-Żabbar? Jista' jgħid jekk qattx kellu kummenti u ilmenti minn residenti dwar xogħol ħażin meta saret din it-triq? Jekk fl-affermattiv, jista' jghid x'kienu dawn il-kummenti u ilmenti, u x'azzjoni ttieħdet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-katarretti minn Jannar 2012 sal-lum fl-Isptar Mater Dei u fi sptarijiet ohra, bl-ispiża tinġarr mill-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-15 ta’ Mejju 2012 f’Malta saru 805 operazzjoni tal-katarretti fejn 320 operazzjoni tal-katarretti saru fl-Isptar Mater Dei filwaqt li 485 operazzjoni tal-katarretti saru fi kliniċi privati bl-ispiża tinġarr mill-Gvern. Għall informazzjoni dwar Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

operazzjonijiet tan-knee replacement

Question

Jista' l-Ministru jghid kemm saru operazzjonijiet tan-knee replacement minn Jannar 2012 sal-lum fl-Isptar Mater Dei u f'isptarijiet oħra, bl-ispiża tinġarr mill-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-15 ta’ Mejju 2012 f’Malta saru 224 operazzjoni tan-knee replacement fl-Isptar Mater Dei. Ma saret l-ebda operazzjoni tan-knee replacement fi sptarijiet oħra bl-ispiża tinġarr mill-Gvern. Għall-informazzjoni dwar Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #34572 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Filmjar f'proprjetajiet privati mingħajr permess

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34462, jikkonferma l-Prim Ministru li kull filming fuq proprjetà privata u fuq individwi jiġi minn min jiġi huwa illegali u jikkostitwixxi ksur ta' privatezza tal-individwu kemm-il darba mhux sanċit mil-liġi? Jekk dan hu l-każ, allura CABS li jiffilmjaw mingħajr l-ebda permess, qed jagħmlu dan b'mod irregolari u illegali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-uffiċċju tal-Protezzjoni tad-Data li, biex ikun hemm ksur ta’ privatezza skont il-provedimenti tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, sakemm ma jsirx għall-skop purament personali, l-filming irid ikun ta’ persuna identifikata jew iwassal għall-identifikazzjoni ta’ persuna, u dan il-filming isir mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna jew mingħajr ma tkun sodisfatta xi waħda mill-kriterji l-oħra għall-ipproċessar ta’ data, kif stabbiliti fl-imsemmija liġi. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 34131.