Legislature:
Category:
Reset
Active:

kejl tax-xejriet tar-riħ

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-daily data sheets tal-aħħar xahar tal-kejl permezz tal-wind mast tax-xejriet tar-riħ li qed isir fil-Mellieħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qiegħda tintalab hija waħda ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.

art esproprijata

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm-il biċċa art ġiet esproprijata matul l-aħħar għaxar snin sabiex tinfetaħ jew titwessa' xi triq ġo żona indikata għall-iżvilupp fejn tali triq tkun skemata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jagħti l-isem tat-triq u l-lokalità għal kull biċċa art rispettiva? Kemm tħallsu flus mill-gvern sabiex inxtrat kull biċċa minn dawn l-artijiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

child care centres — proċedura tal-entrance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inhi l-proċedura tal-entrance għaċ-childcare centres fl-iskejjel tal-gvern u għaliex qed jintalab l-income tal-familji li japplikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-servizz Smartkids Childcare huwa offrut mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi u mhux mill-iskejjel tal-gvern. Dan is-Servizz jingħata lit-tfal bejn it-tlett xhur u tlett snin u l-familji tagħhom. Il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għal dan is-servizz hi permezz ta’ eżami tal-mezzi. Għaldaqstant biex tinħadem din il-kontribuzzjoni hemm bżonn ta’ dokument uffiċjali li juri d-dħul tal-familja.

Proġett tal-boroz griżi

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32823, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim tal-14 ta’ Mejju 2008 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ġiex segwit minn kuntratt ieħor bil-parteċipazzjoni ta’ skemi, kif previst fl-istess ftehim? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid ukoll liema skemi tal-ġbir/riċiklaġġ ta’ waste packaging eżistenti f’pajjiżna f’dak il-perjodu ġew mistiedna biex jipparteċipaw jew ikunu parti mill-ftehim tal-14 ta’ Mejju 2008 illi l-gvern iffirma mal-kunsilli lokali u mal-GRTU?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehim imsemmi kien sar fuq rakkmandazzjoni tal-stess għaxar operaturi li dak iż-żmien kienu jiffurmaw parti mill-iskema imsemmija u dan sabiex iservi bħala mudell ta’ prova. Fid-dawl tar-riżultati pożittivi miksuba permezz ta’dan il-fethim, is-suq kien eventwalment liberalizzat u għaldaqstant ma kienx hemm ħtieġa li jiddaħħlu skemi oħra jew li dan il-ftehim jiġi estiż..

Wied il-Għajn — ex pixxina nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'titolu għandu l-gvern fuq l-ex Pixxina Nazzjonali f'Wied il-Għajn? F'idejn min qiegħed il-pussess ta' din l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament? Jekk kien hemm trasferiment tal-pussess mill-gvern favur terza persuna, x'kundizzjonijiet kien hemm għal tali trasferiment? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv? Min hu s-sid taż-żona prestina li hemm biswit l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament, liema żona pristina tibqa' tieħdok sax-Xgħajra? Hemm xi piżijiet/drittijiet reali favur terzi f'din iż-żona?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #34521 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Wied il-Għajn — ex pixxina nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'titolu għandu l-gvern fuq l-ex Pixxina Nazzjonali f'Wied il-Għajn? F'idejn min qiegħed il-pussess ta' din l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament? Jekk kien hemm trasferiment tal-pussess mill-gvern favur terza persuna, x'kundizzjonijiet kien hemm għal tali trasferiment? Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv? Min hu s-sid taż-żona prestina li hemm biswit l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament, liema żona pristina tibqa' tieħdok sax-Xgħajra? Hemm xi piżijiet/drittijiet reali favur terzi f'din iż-żona?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern huwa s-sid tal-ex Pixxina Nazzjonali f’Wied il-Għajn. L-użu u l-pussess tal-ex Pixxina Nazzjonali huwa f’idejn il-Marsaskala Sports Club għal terminu ta’ 16-il sena li jista’ jkun imġedded għal żewġ temini oħra ta’ 16-il sena. Il-klabb qed iħallas is-somma ta’ €3,494 fis-sena għall-użu u l-pussess skont kif stabbilit fil-kuntratt li kopja tieghu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex il-kumplament tal-mistoqsijiet jirreferihom lill-Ministru konċernat.

taħdidiet dwar l-interconnector

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija jiġu konklużi t-taħdidiet mal-aġenzija statali Taljana Terna dwar l-interconnector kif wkoll li jinħarġu l-permessi meħtieġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-taħdidiet mal-Operatur tas-sistema tat-trasmissjoni Taljana Terna dwar l-interconnector mistenni li jiġu konklużi sa Lulju 2012. Il-permess tal-MEPA f’Malta inħareġ fis-26 t’April 2012, filwaqt li l-permess meħtieġ mill-awtoritajiet fl-Italja hu mistenni li jinħareġ sa Settembru 2012.

xiri ta' elettriku bl-interconnector

Question

Billi l-Ministru ftit ilu qal li bl-interconnector se nixtru enerġija b’rati irħas minn tal-lum, jista' l-Ministru jgħid b’kemm mistenni jinxtara l-elettriku permezz tal-interconnector u jekk sarux xi taħdidiet dwar dan diġà? Jekk iva, meta mistennija li jiġu konklużi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-prezz tal-elettriku fl-Italja u l-Ewropa huwa prezz kompetittiv tas-suq u mhux fiss; dan ivarja siegħa b’siegħa. Il-prezz medju attwali fi Sqallija huwa ta €92.40/MWh (l-ewwel erba' xhur tal-2012). Dan jista’ jiġi mqabbel mal-ispiża attwali ta' żejt użat biex jiġġenera lokalment għall-istess erba' xhur li huwa €178/MWh u li ma jinkludix spejjeż ta' ħaddiema jew spejjeż oħrajn. Kien hemm diskussjonijiet kemm mal-produtturi tal-elettriku u operaturi oħrajn tas-suq fuq ix-xiri tal-elettriku iżda dawn għadhom għaddejjin u ma ġewx konklużi.

Kontijiet tad-Dawl u ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34160, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-problema li għandu l-persuna msemmija rigward kontijiet ta' dawl u ilma tiġi solvuta biex imbagħad jibda jirċevi l-voucher dovut lilu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jien infurmat illi d-Dipartiment qiegħed jieħu l-passi neċessarji. Fil-fatt għandna konferma mingħand il-Kumpanija ARMS li fi żmien ġimgħa ser tiġi trasmessa l-informazzjoni neċessarja lid-Dipartiment sabiex ikun jista’ jinħareġ il-voucher li jmiss.

Tqasima Konsulari tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli — investigazzjonijiet

Question

Billi ftit ilu kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien ġie rrapurtat li qal lill-ġurnal The Times li l-Pulizija kienet qed tinvestiga allegazzjonijiet dwar abbużi u tixħim fit-Taqsima Konsulari tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli b’konnessjoni mal-ħruġ tal-visas, jista' l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet tal-pulizija minħabba ż-żmien li għadda minn dak iż-żmien 'il hawn?

Response (BORG, TONIO)

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Ġejt informat li diversi persuni, Maltin u barranin ġew interrogati.

Applikazzjoni għad-dar tal-Anzjani tal-Imtarfa

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li jixtieq jidħol fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjan li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie approvat mill-Board. B’hekk dan tqiegħed fil-lista ta’ stennija għal dar tal-anzjani.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — korsijiet tal-priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin qed isegwu korsijiet fl-Università u liema huma dawn il-korsijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm priġunier li qed jattendi kors li jwassal għall-Baċellerat fl-Antropoloġija.

Kirja tal-Ġnien ta' Hastings

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34380 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti d-dettalji tal-kirja li teżisti fir-rigward tal-Ġnien ta' Hastings? Jista' jgħid kif intgħażlu l-kumpaniji li għandhom id-dritt esklużiv li jagħmlu t-tiġijiet u funzjonijiet oħra f'dan il-post u kemm idaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-informazzjoni li għandu ma jidhirx li hemm kirja formali fir-rigward tal-Ġnien ta’ Hastings. Il-Kunsill Lokali tal-Belt jamministra dan il-ġnien u jagħti permessi biex isiru attivitajiet bħal tiġijiet fuq ‘first come first served basis’. F’dan ir-rigward il-Kunsill qed jintalab biex jirregolarizza ruħu u jitlob biex jagħmel ftehim formali mad-Dipartiment tal-Artijiet, għall-użu ta’ dan il-ġnien billi jitlob id-devoluzzjoni tiegħu.

Belt — kiri tas-Saluting Battery

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34379 li oriġinajrament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti dettalji dwar il-kirja tas-Saluting Battery fil-Belt? Jista' jgħid kif intagħżlet il-kumpanija li għandha dritt esklussivli tagħmel tiġijiet u funzjonijiet oħra f'dan il-post u kemm qiegħed idaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Is-Saluting Battery fil-Belt ġiet restawarata għall-istat w l-użi storiċi oriġinali tagħha mill-Fondazzjoni Wirt Artna wara qbil ma’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fl-2004. Sa minn dak inhar l-istess Fondazzjoni reġgħet bdiet l-użanza li jkun sparat kanun f’nofs inhar u kif ukoll saluti ta’ l-artillerija fil-jiem pubbliċi ewlenin, funerali statali u kif ukoll f’okkażżjonijiet ta’ dħul jew ħruġ ta’ bastimenti navali jew tat-turisti mill-Port il-Kbir. Barra dan il-post jinfetaħ għall-viżitazzjoni tal-pubbliku bi ħlas kuljum bejn l-10.00 u s-1.00 ta’ wara nofs inhar fejn ukoll jintwerew filmati storiċi dwar il-post u kif ukoll isiru mawriet gwidati mill-impjegat tal-Fondazzjoni Wirt Artna lebsin uniformijiet tal-perjodu Vittorjan. L-istess post flimkien ma’ l-inħawi li darba kienu jiffurmaw parti mill-Combined H.Q. tal-Forzi Ingliżi f’Malta ġew mgħoddija mill-ġdid taħt il-harsien u t-tmexxija tal-Fondazzjoni Wirt Artna permezz ta’ Guardianship Deed mal-Gvern nhar 26 ta’ Jannar 2009. Permezz ta’ dan il-ftheim u kif ukoll dak ta’ qablu l-FWA hi responsabbli għat-tmexxija w l-manteniment ta’ dawn il-postijiet mingħajr dritt ta’ kumpens minn naħa pubblika. Il-kumpanija Island Caterers Ltd ġiet magħżula mill-Fondazzjoni Wirt Artna fuq bażi esklussiva sabiex tipprovdi servizzi ta’ catering kemm fis-Saluting Battery u kif ukoll fil-bqija tal-propjetajiet storiċi l-oħra li l-Fondazzjoni Wirt Artna għandha taħt il-kura tagħha. Kull fondi ġenerati minn din l-attvita’ jibqgħu għand l-istess Fondazzjoni ħalli jintużaw fil-kura ta’ l-istess sit jew oħrajn li hi tkun qed tirrestawra minn żmien għal żmien. Il-kumpanija msemmija intgħażlet a bażi’ ta’ l-iktar offerta vantaġġjuza li hi offriet wara konsultazzjoni ma’ numru ta’ operaturi oħra fil-qasam. Il-Fondazzjoni Wirt Artna hi għaqda mhux governattiva (Numru 0117) li twaqqfet fl-1987 bil-ħsieb li tgħin fil-ħarsien u l-kura tal-wirt kulturali Malti. Hi topera’ numru ta’ siti bħala attrazzjonijiet turistiċi li lkoll kemm huma hija bniet mix-xejn permezz tal-ħidma sfieqa ta’ l-impjegati u l-voluntiera tagħha.

informazzjoni dwar it-tul tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34366, 34170 u 34034 u jgħid x'inhu t-tul ta' toroq f'Malta u Għawdex separatament li huma kklassifikati bħala arterjali, distributorji u lokali separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33962 u 32951 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33961 u 32953 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħad-Dingli — ġibjun li mhux jintuża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34236 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33024, jista' l-Ministru jgħid x'jinvolvu x-xogħlijiet? Kemm huwa stmat li jiswew? Kemm hija l-ħażna tal-ilma li jesa' l-ġibjun?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar tas-snin disgħin, dan il-ġibjun żviluppawlu xi problemi strutturali kif ukoll kien hemm il-bżonn ta’ kisi b’water-proofing membrane. Kien hemm ukoll problema ta’ overhanging structures li kienu fil-periklu li jaqgħu u b’hekk ta’ riskju kbir għal min imur ħdejn il-ġibjun. (Dawn issa tneħħew). Hemm diffikultajiet loġistiċi biex isir dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni peress li l-aċċess għall-ġibjun huwa diffiċli għall-vetturi u makkinarju. Ninsab infurmat ukoll li l-ġibjun jesa’ biss madwar 1,300 metri kubi. Kif intqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33024, fl-1999, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ddeċidiet li dan il-volum żgħir ma jiġġustifikax l-ispejjez li kien hemm biex jitranġa u l-problemi tal-operat u għaldaqstant il-ġibjun tneħħa minn fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma. Il-Korporazzjoni m’għandhiex records ta’ kemm kienet l-istima biex dan jitranġa dak iż-żmien.

Kunsill Lokali Mellieħa — karozzi li jkunu ġejjin minn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34443 u jgħid x'inhu r-raġuni li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa imexxi mis-Sindku tiegħu qed jitħalla arbitrajament u kontra l-liġi li permezz ta' wardens stazzjonati fil-bajja tal-Għadira jinibixxi milli jgħaddi mir-raħal tal-Mellieħa vetturi li jkunu ġejjin minn Għawdex, b'konsegwenza li dawn qegħdin jintbagħtu jgħaddu mit-triq ħdejn Popeye's Village li hija jeqa, perikoluża u b'konsegwenza ta' dan il-vjaġġ minn Għawdex lejn Malta twal bejn 15 u 30 minuta u ħafna drabi ukoll persuni jitilfu l-appuntamenti tagħhom jew jidħalu tard għax-xogħol jew anki t-titjiera li jkollhom jaqbdu mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jista' jispjega b'liema dritt qiegħda ssir din id-destinazzjoni bejn persuni bl-ID li joqogħdu l-Mellieħa jew li jkollhom pass speċjali li jgħaddu mill-Mellieħa u oħrajn li għandhom ir-residenza tagħhom Għawdex? Ma jaħsibx li din mhi xejn ħlief diskriminazzjoni li tkisser sfaċċatament id-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif hemm fil-kostituzzjoni ta' Malta u msaħħa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-Bniedem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kwistjoni tal-aċċess mill-Mellieħa ġiet riżolta u li Triq Ġorġ Borġ Olivier infetħet two-way bi qbil mal-kunsill lokali.

Gozo Business Chamber — press release

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34444 u cioè: In vista tal-press release maħruġa mill-Gozo Business Chamber, tista' l-Ministru tispjega x'passi qiegħda tieħu sabiex tassigura li l-ksur sfaċċat tal-liġi mwettqa mis-Sindku tal-Mellieħa kontra l-Għawdxin u dawk li jżuru Għawdex titneħħa fis-sens li dan is-Sindku m'għandu l-ebda dritt li jimpedixxi lil dawk kollha residenti f'Għawdex jew li jkunu marru Għawdex milli jgħaddu mill-Mellieħa? Ma tafx li dan qiegħed iżid il-hardship lill-Għawdxin u jnaffar iżjed it-Turiżmu (speċjalment dak intern) lejn Gżira Għawdxija speċjalment f'dan iż-żmien meta t-triq taċ-Ċirkewwa hija kollha maqluha bil-konsegwenza li min fejn qieħed jgħaddi t-traffiku l-istess Sindku tal-Mellieħa, il-vjaġġ qiegħed jitawwal bejn 15 u 30 minuta u mhux l-ewwel darba li jkun hemm xi inċident tal-karozzi fejn Popeye's Village u l-konsegwenza ta' dan huma li jwassal għal aktar dewmien u tbatija u hemm niex inkluzi turisti li tilfu il-flight tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34539.