Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — maintenance agreement tal-bibien

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' maintenance agreement hemm fuq il-bibien fl-Isptar Mater Dei? Min hija l-kumpanija li ħadet dan l-agreement? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-ftehim? Kemm qed jiswa dan l-agreement f'sena? Jista' jagħti sena b'sena n-nefqa fuq il-manutenzjoni tal-bibien, mis-sena 2008 sas-2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Furjana — Triq l-Argotti u Triq l-Iljuni - binjiet tal-apparti - riasfaltar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'żamm u x'qed iżomm milli jiġu riasfaltati t-toroq Argotti u Iljun fil-Furjana fejn tlestew ix-xogħlijiet tal-binja tal-appartamenti li ġa bdew jiġu allokati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jamel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Kulleġġ San Injazju — Kors tal-BTEC

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-kors li qed jingħata lill-istudenti fil-kulleġġ San Injazju tal-BTEC qed jiġu mġiegħla jħallsu madwar €130 biex ikunu jistgħu jagħmluh anke lil dawk il-familji li għandhom il-ġenituri li jinsabu bla xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M'hemm l-ebda ħlas għat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali. Huwa l-assessjar u l-kwalifika tal-BTEC Engineering li qed jingħata lill-istudenti fil-Kulleġġ San Injazju li jiswew €130. L-istudenti kollha li qed jistudjaw il-kors tal-BTEC ngħataw il-possibiltà li jħallsu dan l-ammont fi ħlas ta’ darba jew tul it-3 snin li jkunu qed jistudjaw għal din il-kwalifika. Fil-każ ta’ familji li jkunu fuq is-servizzi soċjali jew ikollhom problemi ta’ ħlas, tintuża l-istess proċedura adottata fl-eżamijiet tas-SEC fejn istudenti minn familji b’diffikultajiet finanzjarji ma jħallsux għall-eżamijiet. Il-Kulleġġ San Injazju ma rċieva l-ebda komunikazzjoni li hemm studenti milli ntgħażlu għall-kors tal-BTEC li l-ġenituri tagħhom jinsabu bla xogħol. Id-Dipartiment tal-Eżamijiet għadu ma bagħatx il-formola tal-ħlas għall-kwalifika tal-BTEC lill-ġenituri.
Leg 11 PQ #555 Sitting 475 2012-05-21 Written · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Faċilità għall-ħarsien tat-tfal

Question

Peress li klabb sajf jibda minn year 1, peress li f'Għawdex hemm nuqqas ta' faċilitajiet għall-ħarsien tat-tfal minkejja li hemm domanda kbira tista' l-Ministru tara jekk klabb sajf jistax jiġi estiż almenu għat-tfal ta' kinder 1 u 2?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Klabb sajf f’Għawdex huwa proġett miftuħ għal tfal li jkunu minn Year 1 'l fuq fejn ikun beda il-proċess ta' qari u kitba formali. Fil-kindergarten dan il-proċess ikun għadu ma bediex.

MEPA — applikazzjoni withdrawn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew withdrawn minħabba li l-applikanti ma ssottomettewx l-informazzjoni tagħhom u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew riattivati wara deċiżjoni tal-awtorità stess?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qed tintalab ma kinitx tinżamm qabel is-sena 2011. Mill-ewwel ta' Jannar 2011 sa nofs Marzu 2012, skont is-sistema tal-informatika, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar itterminat (withdrew) mitejn u disa' applikazzjonijiet (209) wara li l-Perit ma bagħatx l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat li għaxra minnhom (10) ġew rijattivati (reactivated).

Ħal Qormi -Triq Dun Ġorġ Fenech — għalqa mimlija ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tinforza l-bini ta' ħajt ta' għalqa fi Triq Dun Ġorġ Fenech f'Ħal Qormi, liema għalqa timtela biż-żibel u b'konsegwenza b'infestazzjoni ta' ġrieden?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kienet diġà ttieħdet azzjoni t'infurzar dwar l-għalqa in kwistjoni, skont ECF 895/09, minħabba li l-art vakanti kienet qed tħassar id-dehra u s-siwi taż-żona. Il-propjetarju, li sal-lum għadu mhux magħruf, irid inaddaf l-għalqa minn kull ħmieġ, iżommha fi stat tajjeb u jagħlaqha b'ħajt għoli ta' tmien filati mal-linja uffiċċjali sabiex ma jitwaddabx iżjed ħmieġ. Skond ftehim milħuq mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsill Lokali jista' jitlob lill-MEPA biex tawtorizza li dan isir minnu mill-fondi tal-Urban Improvement Fund allokati lilu u eventwalment jiġu rifonduti l-ispejjeż meta ssir applikazzjoni ta' żvilupp fuq is-sit in kwistjoni.

Ċimiterju tat-Torok fil-Marsa — irranġar ta' Triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol biex ġiet irranġata t-triq li minn ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok fil-Marsa, twasslek sa ħdejn ir-roundabout fil-parti ta' isfel nett ta' Triq l-Imdina f'Ħal Qormi? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża oriġinali fuq dan ix-xogħol u kemm kienet l-ispiża finali? Jista' jgħid min wettaq dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #33768 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Isptar Ġenerali t'Għawdex — Central Sterile Supply Department

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi s-sitwazzjoni fiċ-Central Sterile Supply Department tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Tista' tgħid x'kien l-investiment li sar f'dan id-dipartiment mill-2004 sal-lum sena b'sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fis-Central Sterile Supply Department tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex jiġi sterillizzat materjal mediku li jintuża ġewwa l-Isptar. Ta' kuljum isiru t-testijiet kollha meħtieġa fuq il-magni li jintużaw. Matul dawn l-aħħar snin inxtraw għal dan id-dipartiment: (a) Ultrasonic cleaner li jintuża sabiex jitnaddfu strumenti tal-għajnejn peress li dawn huma fini u jeħtieġu kura meta jitnaddfu; u (b) Havo Sealing Machine li tintuża biex tissiġilla l-pakketti li se jiġu sterilizzati.
Leg 11 PQ #33854 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni għadux disponibbli għal ħaddiema Maltin li jispiċċaw bla xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li Malta hija eliġibbli għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF), skont il-kundizzjonijiet li hemm f’Artiklu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006.

Engineering Profession Act — definizzjoni tal-professjoni tal-inġinerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern jikkonsidrax li għal fini tal-Engineering Profession Act, iwessa' d-definizzjoni tal-professjoni tal-inġinerija minn dik kurrenti ta’ mechanical engineering u electrical engineering għal oqsma oħra bħal chemical engineering biex dawn il-professjonisti jingħataw ir-rikonoxximent mistħoqq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant diġà preżentement dan il-Ministeru qiegħed jevaluta r-rikomandazzjonijiet imressqa lil dan il-Ministeru mill-Engineering Board rigward din il-materja.
Leg 11 PQ #33858 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Access to HE Diploma Humanities/Social Sciences

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-kwalifika Access to HE Diploma Humanities/Social Sciences provduta minn Newcastle College mhux qed tiġi rikonoxxuta mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki minkejja li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament preżentat korrispondenza mill-Office of the Qualifications and Examinations Regulator (Ofqual) li turi li din il-kwalifika hija rikonoxxuta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

operazzjoni li qed tiġi posposta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32774 u jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna biex tagħmel operazzjoni f'irkobbitha u d-data tal-operazzjoni ilha tiġi posponuta minn Ottubru tas-sena l-oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, se tiġi operata fi żmien xahar.

triq li tagħti għal Smart City

Question

Jista l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tad-disinn fuq it-triq il-ġdida li tagħti għal Smart City, meta se jinħarġu t-tenders u meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta lestiet id-disinni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-MEPA fuq din it-triq. It-tenders jinħarġu u x-xogħol ikun jista’ jinbeda ladarba Transport Malta jkollha l-permessi meħtieġa mingħand il-MEPA.

talba għal home tal-anzjani

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32936, jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li t-talba tagħha għadha ma ġietx milqugħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mid-data tat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32936 ma kien hemm l-ebda tibdil fiċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet msemmija.

Pensjoni ta' anzjan

Question

Jista' l-Ministu jara l-każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kull m'għandu pensjoni hija €395 fix-xahar u jħoss li mhux jieħu l-pensjoni li ħaqqu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Tarxien — Triq il-Kurunell Mas - traffiku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30311, jista' l-Ministru jgħid x'ġie rranġat issa wara li l-kunsill issotometa l-pjata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kunsill lokali konċernat għadu ma ssottometta l-ebda applikazzjoni jew pjanti lil Transport Malta.

Flus arretrati

Question

Jista' l-Ministru jara fejn waslet l-applikazzjoni għal flus arretrati tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kien jaħdem shipbuilding?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Talba ta' taxxa dovuta

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba ta' taxxa dovuta lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għadha ma rċeviet xejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-Dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.

Ħal Għaxaq — Triq Ġistakor - rranġar ta' triq

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31720, jista' l-Ministru jara fiex wasal u meta se jibda x-xogħol ta' rranġar ta' Triq Ġistakor f'Ħal Għaxaq? Jista' jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li taħt ordni tiegħi il-kuntrattur li kien ingħata x-xogħol, jiġifieri Alfred Schembri & Sons Ltd, ġie sospiż wara investigazzjoni dwar abbużi, fil-futur qarib ser tinħareġ sejħa ġdida għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet in kwistjoni.

Assoċjazzjoni tal-Pulizja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hu rċeviex korrispondenza minn assoċjazzjonijeit tal-Pulizija fl-Ewropa li kkritikaw il-proposti tiegħu għat-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm diversi korrispondenza minn Assoċjazzjonijiet tal-Pulizija fl-Ewropa, li qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa.