Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — searches għas-sustanzi illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena, xahar b'xahar kemm saru searches għas-sustanzi illegali fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2011 saru 294 it-tfixxijiet għal dak kollu li huwa illegali u/jew projbit.
Leg 11 PQ #34639 Sitting 476 2012-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — rapport dwar il-qagħda ekonomika u soċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32026 dwar statistika meħtieġa biex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tagħmel rapport dwar il-qagħda ekonomika u soċjali ta’ Għawdex kif stipulat fid-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta’ Sħubija fejn qal li din l-istatistika ser tiġi ppreżentata forma ta’ rapport li kien qed jiġi mħejji u li kien mistenni jkun lest sa l-aħħar ta’ Frar 2012, jista’ l-Prim Ministru issa jgħid jekk dan ir-rapport tlestiex? Jekk tlesta, jista’ jekk jogħġbu jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Karmra kif huwa stess wiegħed li jagħmel? Jekk għadu ma tlestiex, jista’ jgħid għaliex? Meta mistenni li jitlesta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-gvern qed ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport dwar il-qagħda ekonomika u soċjali ta' Għawdex.
Leg 11 PQ #34640 Sitting 476 2012-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xogħol ta' back office trasferit minn Malta għal Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern identifikax xi xogħol ta’ back-office li se jiġi trasferit minn Malta għal Għawdex? Jekk fl-affermattiv, liema xogħol ġie identifikat? Meta se jiġi trasferit? Fejn se jiġu akkomodati l-ħaddiema trasferiti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tiegħi f’mistoqsija parlamentari numru 31820. Inżid ngħid li ninsab infurmat li t-taqsima taċ- children’s allowances ġiet identifikata biex tiġi trasferita għal Għawdex. Bħalissa qed jitwettaq it-taħrig meħtieġ u, kif ikun komplut, iseħħ immedjatament it-trasferiment. Is-servizz ser jingħata mill-istess lok minn fejn jopera id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali f’ Victoria. Infurmat ukoll li saru xogħolijiet fuq sit magħżul għal xi uffiċċji relatati ma’ back office li jinsab f’parti mill-iskola Roża Magro fix-Xewkija.
Leg 11 PQ #34641 Sitting 476 2012-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Proġett għall-upgrading tal-Operating Theather fl-Isptar Ġenerli t'Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24642, tista’ l-Ministru tgħid meta fil-fatt huwa mistenni li jitlesta l-proġett għall-upgrading tal-Operating Theatre fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-proġett għall-upgrading tal-operating theatre fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex għandu jkun lest matul l-aħħar kwart tas-sena 2012.

Qasam industrijali tax-Xewkija — xogħolijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet huma meħtieġa li jsiru fil-qasam industrijali tax-Xewkija? X'xogħlijiet saru f'dan il-qasam mill-1 ta’ Marzu 2010 sal-lum? Kemm kienet in-nefqa fuq dawn x-xogħlijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Atti pubbliċi dwar trasferiment ta' proprjetà immobbli

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika t-tagħrif li ta fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32204 u jikkonferma kemm saru atti pubbliċi dwar trasferiment ta’ proprjetà immobbli f’Għawdex kull xahar fl-2011?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment Proprjeta’ tal-Gvern ivverifika t-tagħrif mogħti fit-tweġiba Parlamentari 32204 u jikkonferma li f’dan id-Dipartiment, gew ippublikati kuntratti kif indikati f’dik ir-risposta jigifieri: Jannar…………….1 Frar……………….1 Marzu…………….1 April…………….Nil Mejju……………..3 Gunju……………..4 Lulju………………2 Awwissu………….1 Settembru…………1 Ottubru…………...Nil Novembru……….Nil Dicembru………..Nil Pero’, bi żvista, tħallew barra kuntratti ippublikati mill-Uffiċċju Kongunt fejn ġew mifdija diversi ċnus fuq residenzi f’Għawdex. Xahar b’xahar kienu ippublikati dawn ilkuntratti ta’ fidi ta’ cens: Jannar………….2 Frar…………….1 Marzu…………Nil April………… 2 Mejju…………..Nil Gunju…………. 3 Lulju………… Nil Awwissu……….2 Settembru………1 Ottubru…………Nil Novembru…… 8 Dicembru……….3

Public Service Obligation — kumpanija Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34503 u jgħid kemm intnefqu flus kull sena mill-2004 ‘l hawn fuq il-Public Service Obligation li l-gvern għandu mal-kumpanija Gozo Channel? Kemm hu mistenni li jintnefqu din is-sena? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont liema passiġġieri u servizzi huma koperti b’dan il-Public Service Obligation?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

għoti ta' direct orders mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kontroll iwettaq id-dipartiment responsabbli mill-kunsilli lokali għal dak li jikkonċerna l-għoti ta' direct orders mill-kunsilli lokali differenti? Kull kemm hu mistennni li l-kunsilli lokali jagħtu rendikont tad-direct orders li fil-fatt jagħtu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi limitu ta' kemm jistgħu jingħataw direct orders, bħala perċentwali mill-budget totali tal-kunsill, matul xi żmien partikulari?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi waħda mill-funzjonijiet li għandha s-sezzjoni tal-moniteraġġ fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali hija l-iskrutinju tal-minuti tal-laqgħat tal-Kunsilli Lokali li jinkludu l-iskedi tal-pagamenti fejn il-Kunsill japprova l-infieq. Liema minuti ikunu għad-dispożizzjoni tal-Dipartiment għall-Gvern Lokali wara kull laqgħa li ssir. Kull meta jinstab xi nuqqas li jmur kontra r-Regolamenti Finanzjarji tal-Kunsilli Lokali (Avviż Legali 155 tal-1993), id-Dipartiment jinforma mill-ewwel lill-Kunsill ikkonċernat biex jagħti spjegazzjoni u jirregolarizza ruħu. Ikun hemm każijiet fejn il-Kunsill jiġi ippenalizzat għan-nuqqas tiegħu billi jitnaqqsulu fondi mill-allokazzjoni. Skont ir-Regolamenti “... ordnijiet, kuntratti, kull ftehim jew offerti li ma jkunux jeċċedu elf u mija u erbgħa u sittin euro u disgħa u sittin ċenteżmu (€1,164.69) għandhom ikunu awtorizzati mill-Kunsill….....kemm-il darba ma jinxtrawx oġġetti tal-istess xorta f’perijodu ta’ erba’ xhur konsekuttivi…” (Reg 24 (4)

talbiet rigward speed limits

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet pendenti quddiem Transport Malta biex toroq fil-lokalitajiet, ikollhom speed limits inqas minn dawk li huma permissibli fil-liġijiet Maltin? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tali talbiet li ġew aċċettati minn Transport Malta, u jekk iva, liema kienu l-każijiet fejn tali limitu ġie aċċettat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm talba waħda pendenti għall-limitu tal-veloċità liema talba qed tiġi pproċessata minn Transport Malta. Hemm talba oħra li saret minn kunsill lokali fejn tali talba ġiet ipproċessata minn Transport Malta u ntbagħtu l-proposti lill-kunsill lokali rispettiv. Sa minn Jannar 2011 kien hemm 29 talba għall-limitu tal-veloċità tas-sewqan u għall-miżuri oħra simili li ġew ipproċessati w approvati kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

tarmac lit-triq bejn ix-Xemxija u Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jitlob lil Transport Malta biex jirrevedu t-tip ta' sinjal (sinjal sħiħ tul il-kareggjata kollha) li hemm fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa, partikularment f'dik il-parti tat-triq li tinsab bejn iż-żewġ daħliet tal-Mistra, b'tali mod li dan is-sinjal jibda jippermetti li jkun hemm overtaking f'din il-parti tat-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

Applikazzjoni għal bdil tad-dar

Question

Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ilha 28 sena tistenna biex tingħata appartament bi bdil ma' dak li għandha, minħabba l-kundizzjoni ta' saħħa tar-raġel tagħha? Possibli d-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorità tad-Djar f'28 sena ma kienux kapaċi jieħdu ħsieb biex jaraw li jsir dan l-arranġament? Jekk ma setgħax isir dan, tista' tingħata spjegazzjoni ta' x'kienet ir-raġuni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanti joqogħdu ġo post tal-Gvern bil-kera fit-tielet sular. Huma jixtiequ post isfel u l-lokalitajiet preferuti tagħhom huma Paola u Tarxien. Huma jixtiequ li jiġu allokati post terran, peress li għandhom il-problema tat-taraġ. Mil-lista tat-tpartit li għandha l-Awtorità tad-Djar m’hemmx applikanti li joqogħdu ġo post terran fil-lokalitajiet preferuti tal-persuni in kwestjoni. Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m’għandiex postijiet terrani vakanti fil-lokalitajiet ta’ Paola u Tarxien.

MEPA — compliance certificate ta' bini antik

Question

F'każ li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma tkunx trid toħroġ compliance certificate għal post li jkun ilu mibni snin u li jkun inxtara minn persuni privati mingħand persuna oħra snin ilu, u li minkejja li dawn iridu jbiegħu mill-ġdid mhux jitħallew jagħmlu dan minħabba xi kontravenzjoni mal-policies pereżenti, jista' l-Ministru jgħid x'rimedju jista' jingħata biex dawn il-persuni ma jispiċċawx ma jistgħux jbiegħu il-post tagħhom? X'jistgħu jagħmlu dawn in-nies jekk in-nuqqas fl-istruttura tal-proprjetà tagħhom ma jkunx jista' jiġi rranġat għaliex fuqhom hemm tliet sulari t'appartamenti oħra mibnija?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — garanzija fuq xogħol ta' tiswija fuq bankina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm każijiet li wara li ħallsu garanzija biex f'każ ma jsirx ix-xogħol ta' tiswija fuq il-bankina wara li jkun inħareġ permess għall-iżvilupp, filfatt intilfet din il-garanzija matul 2010 u 2011 rispettivament għall-lokalitajiet ta' Mellieħa, Naxxar, u San Pawl il-Baħar? F'dawn il-każijiet meta kienet saret il-garanzija li imbgħad intilfet, ittieħdet mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-snin 2010 u 2011, l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ħadet l-ebda garanzija bankarja mingħand l-applikanti għaliex ma sarx ix-xogħol kif suppost fuq tiswijiet ta' bankini fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar. Dawn il-garanziji bankarji jiġi rilaxxati mill-MEPA wara li jkun hemm konferma mill-Kunsill Lokal tal-lokalita li x-xogħolijiet mill-kuntratturi jkunu saru għas-sodisfazzjoni tal-Kunsill Lokali.

informazzjoni dwar fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond tal-Joint Office, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex vojt jew le? Jekk huwa vojt hemm il-ħsieb li jinbiegħ jew jinkera?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-fond li id-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament, kien trasferit lill-Gvern mill-Awtoritajiet Ekklesjastiċi bħala mikri, però minkejja li iċ-ċwievet qatt ma ġew ritornati, jidher li min kien jgħix f’ dan l-appartament ma għadux hemmhekk. Għal dan il-għan, id-Dipartiment se jieħu azzjoni biex jikseb lura dan il-fond. Kif iċ-ċwievet ikunu għaddispożizzjoni tad-Dipartiment, il-prassi hija li dawn jgħaddu għand l-Awtorita tad-Djar biex jaraw jekk il-fond jistax jintuża bħala Akkomodazzjoni Soċjali, u jkun biss jekk l-Awtorita’ tad-Djar jiddeċiedu li ma jkunx tajjeb għal Akkomodazzjoni Soċjali, li id-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern jiddeċiedi kif jiddisponi minnu.

WasteServ — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mal-WasteServ jaħdmu f'Għawdex? Jista' jgħid kemm minnhom huma tal-fiss u kemm għandhom kuntratt temporanju u x'tip ta' xogħol għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-WasteServ ma għandiex ħaddiema impjegati diretament magħha li jaħdmu Ghawdex.Ninfurmah li l-ħaddiema li jaħdmu fuq il-faċilitajiet tal-WSM f’Għawdex huma provduti minn kuntrattur privat li ntagħażel wara sejħa għal offerti li kienet inħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti (CT307/2009). Fiċ-ċentru li hemm Għawdex preżentement hemm tlieta u għoxrin ħaddiem, li uħud minnhom jaħdmu b’sistema ta’ shift.

differenza bejn retailer u aġent

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-retailer huwa marbut li jkollu fuq kull invoice u fuq kull item it-tracability tal-prodott fil-kuntest tal-expiry date u batch number u fl-istess waqt l-aġenti mhumiex marbuta li jagħmlu dan fuq l-invoices li jingħataw lir-retailers? Jista' jgħid hux ippjanat li dan li jorbot lir-retailer jorbot ukoll lil aġent?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mis-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità.

programm IHIS2

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'żamm sa mindu Diċembru 2010 u x'għadu jżomm lill-MITA milli jiġi fis-seħħ il-programm IHIS2?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-programm IHIS2 jinkludi numru ta’ komponenti ta’ I-informatika li jkomplu jibnu fuq dawk introdotti f’Mater Dei, kemm bħala modalitajiet kliniċi kif ukoll sabiex ikompli fuq il-programm kurrenti li qed jagħti aċċess għar-riżultati ta’ testijiet u nformazzjoni oħra lit-tobba u lill-professjonisti barra l-Isptar, kif ukoll direttament lic-ċittadin. Wara proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti tekniċi, qegħdin f’lis-stadju ta’ evalwazzjoni ta’ l-offerti finanzjarji. Wara li tiġi identifikata dik il-kumpanija li tirriżulta li tefgħet l-aħjar offerta, għandu jibda proċess ta’ technical due diligence qabel ma jsir il-kuntratt. F'dan l-istadju ma' tistax tingħata nformazzjoni ulterjuri sabiex ma tiġix affettwata l-integrità tal-proċess.

Korporazzjoni għar-Riabilitazzjoni tal-Port il-Kbir — bini ta' underground car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'żamm u x'għadu jżomm il-Korporazzjoni għar-Riabilitazzjoni tal-Port il-Kbir milli tibda twettaq il-progett ta' bini ta' underground car park fit-taraġ fuq in-naħa ta' Triq Sarria tal-Arena tal-Indipendenza (Ix-Xagħra) tal-Furjana? Tapprezza l-Korporazzjoni li d-dewmien tagħha qed iżomm il-facilitajiet sportivi fl-inħawi fi stat primittiv - u dan l-istat ta' abbandun ftit metri biss 'il boghod minn żewġ lukandi tal-ogħla livell u l-proġetti fid-daħla tal-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-car park fi Triq Sarria tal-Arena tal-Indipendenza, l-Furjana, mistennija jibdew ftit ġimgħat oħra, dejjem jekk ma' jinqala' xejn imprevvist, wara li ftit ġranet ilu ġie mogħti t-tender.

Birżebbugia — Wesgħa Ramon Perellos - akkwist ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li parti żgħira minn site akbar ġewwa Wesgħa Ramon Perellos il-Qajjenza Birżebbugia li hija mmarkata u ndikata fuq il-Marsaxlokk Bay Local Plan sabiex isservi għal skopijiet ta' rikreazzjoni se tiġi akkwistata mill-Gvern Ċentrali? Jista' jgħid din il-parti li minnu se tiġi akkwistata, għal liema skop se sservi?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-propjeta in kwistjoni ntalbet mid-Dipartiment tat-Toroq sabiex tinbena triq f’Lulju tal-1976, u saħansitra t-triq inbniet fl-istess sena.

Sptar Mater Dei — childcare centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-childcare centre tal-Isptar Mater Dei għandux waiting list? Jekk għandu waiting list, għaliex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa għandna 63 tifel u tifla fuq il-waiting list. Iċ-Ċentru ta’ Mater Dei isegwi Standards Nazzjonali għall-Faċilitajiet tat-Tfal ta’ Matul il-Jum (Lulju 2006) li post adatt ikollu spazju biżżejed ta’ ħames metri kwadrati għal kull tifel u tifla. Iċ-ċentru jesa’ tnejn u tletin tifel jew tifla kuljum.