Legislature:
Category:
Reset
Active:

qtugħ ta’ dawl estensiv — investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-investigazzjoni interna tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-investigazzjoni tal-Pulizija u tal-inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-qtugħ ta’ dawl estensiv tat-18 ta' Novembru, 2009? Jista' l-Ministru jagħmel stqarrija ċara u kategorika jekk abbażi ta’ dawn l-investigazzjonijiet il-qtugh tad-dawl kienx dovut għal każ ta’ sabutaġġ jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

għażla ta’ designate consultant surgeon

Question

Jista' l-Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mal-għażla ta’ designate consultant surgeon wara sejħa li kienet saret fil-Gazzetta tal-Gvern f’Lulju 2010 ? Jista' jgħid min kienu dawk li applikaw u min intgħażel? Jista' jgħid fuq liema bażi saret din l-għażla? Jista' jgħid min kienu l-membri tal-bord tal-għażla?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #33949 Sitting 477 2012-05-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

għażla ta’ designate consultant surgeon

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku b’rabta mal-għażla ta’ designate consultant surgeon wara sejħa li kienet saret fil-Gazzetta tal-Gvern f’Lulju 2010 ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-20 ta’ Lulju tal-2010 ġew riklamati żewġ karigi ta’ designate consultant surgeon permezz ta’ avviżi fil-Gażżetta tal-Gvern. Dawn kienu: § il-kariga ta’ Designate Consultant Surgeon li twassal għal ħatra bħala Consultant Surgeon b’interess speċjali fil- hepato pancreato biliary surgery ; u § il-kariga ta’ Designate Consultant Surgeon li twassal għal ħatra bħala Consultant Surgeon b’interess speċjali fl- upper gastro-intestinal surgery . Dehru wkoll, fl-istess xahar, avviżi għal xi karigi oħra ta’ Consultant jew Consultant Surgeon . Ninsab infurmat ukoll, mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li d-dokumenti tagħha dwar il-proċess tal-għażla għall-karigi msemmija jinkludu dettalji dwar kull min applika għal dawn il-karigi, kif ukoll korrispondenza bejn uħud mill-applikanti u l-Kummissjoni dwar il-proċess tal-għażla. Il-Kummissjoni, li hija korp indipendenti li tirregola l-proċedura tagħha stess skont l-artikolu 121 tal-Kostituzzjoni, hija tal-fehma li ma jkunx etikament xieraq li tiġi żvelata tali informazzjoni.
Leg 11 PQ #33950 Sitting 477 2012-05-23 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — użu ta’ helicopter

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ helicopter tal-Forzi Armati mill-Prim Ministru? Jista' jgħid kemm kienu d-drabi bejn Marzu 2008 u April 2012 li l-Prim Ministru għamel użu minn helicopter tal-Forzi Armati u x’kienu l-okkazjonijiet li għalihom sar dan l-użu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — ilmenti fil-customer care

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33168 u 31051 u jgħid kemm daħlu ilmenti fil-customer care tal-Isptar Mater Dei sena b’sena matul l-2008, 2009 u 2010 b’mod separat? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti? Kemm-il każ kien magħluq u kemm-il każ għadu miftuħ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

talba għal operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha problema fl-ispina tagħha tingħata prijorità għall-operazzjoni li għandha bżonn tagħmel minħabba l-uġigħ li qed issofri peress li hi nfurmata li għandha xhur tistenna jekk mhux snin għal din l-operazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, tpoġġa riċenti fuq il-lista ta’ stennija, wara li ġie analizzat il-każ tiegħu. Għaldaqstant l-intervent meħtieġ isir meta jkun imissu skont din il-lista.

Applikazzjonijiet għall-homes tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' żewġt anzjani li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament biex jidħlu f'home tal-gvern fl-età ta' qrib ta' 90 sena peress li ma jistgħux ikomplu jgħixu d-dar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment irċieva l-applikazzjoni tal-persuni li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant fit-2 ta’ Mejju 2012. Wieħed minn dawn il-files qiegħed għand is-Social Workers tad-Dipartiment u l-ieħor qed jistenna r-rapport tas-Social Worker mill-Isptar Karen Grech fejn fil-preżent tinsab l-anzjana.

Sinjali ta' parking fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29574, issa li ġejja l-Festa ta' Jum l-Omm fejn eluf ta' nies jirċevu s-servizz tal-bejjiegħa tal-fjuri, jista' l-Ministru b'mod urġenti jara li jirranġa s-sinjali tal-parking tal-karozzi u jara li b'mod urġenti jsiru sinjali ta' fejn jarmaw il-bejjiegħa tal-fjuri fl-entratura taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta' Paola ngħata struzzjonijiet mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex jieħu ħsieb li jsiru l-markings neċessarji.

ġenituri li weħlu multa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33610 li oriġinajrament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġenituri weħlu multi għax ma bagħtux it-tfal l-iskola u mil-liema lokalità kienu ġejjin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Parental Skills Programme

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33470, jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Parental Skills Programme? X'inhi r-raġuni għaliex l-Aġenzija Appoġġ ma torganizzax ukoll dawn il-programmi tant importanti għall-familji vulnerabbli?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-kors ta’ Parental Skills – Inrabbu ‘l Uliedna Aħjar – il-parteċipanti jkunu mistiedna jifhmu aħjar il-proċess ta’ l-iżvilupp fiżiku, emozzjonali, intelletwali, psikoloġiku u soċjali ta’ uliedhom u l-bidliet li jġibu magħhom. Fil-kors jiġu diskussi dawn it-temi: · Stili differenti ta’ kif immexxu lill-familja · Kif il-membri kollha jikkomunikaw ma’ xulxin b’mod effettiv · Kif il-membri kollha jsiru responsabbli lejn u ta’ xulxin · Kif nifhmu aħjar l-iżvilupp li jgħaddu minnu kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri · Tagħrif dwar l-abbuż ta’ l-alkoħol, drogi u ta’ sustanzi oħra · Kif nifhmu lil uliedna fil-proċess sesswali tagħhom Dawn it-temi jiġu diskussi f’sitt sessjonijiet ta’ madwar sagħtejn-il waħda. Kull sessjoni tikkonsisti minn ‘video clips’, tagħrif dettaljat dwar it-temi hawn fuq imsemmija, kif ukoll il-grupp ikun imħajjar jipparteċipa f’diskussjoni. Il-parteċipanti jingħataw materjal edukattiv, kif ukoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi għall - Ħarsien Soċjali tipprova ma toffrix servizzi li jkunu dopji fl-Aġenziji tagħha u huwa għalhekk li ġaladarba s-servizz ta’ Parental Skills jigi offrut minn Aġenzija Sedqa, il-klijenti ta’ l-Aġenzija Appoġġ li ghandhom bzonn dan il-programm jigu riferuti ghal dan is-servizz. B’hekk il-klijenti ta’ l-Aġenzija Appoġġ xorta waħda jkunu qed jigu offruti dan is-servizz.

Servizz ta' home help

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33076, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-persuni li qed jingħataw is-servizz tal-home help fil-lokalitajiet kollha ta' Malta? Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti minn persuni li jixtiequ u li għandhom bżonn il-home help u għadhom ma nqdewx minn dan is-servizz importanti? Kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Dewmin fil-Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet fil-Qorti li ilhom aktar minn tliet snin biex tinqata' s-sentenza u jiġu konklużi? Kemm ilhom pendenti dawn il-każijiet? X'inhuma r-raġunijiet ta' dan id-dewmien kollu biex jiġu deċiżi dawn il-każijiet?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Qrati Ċivili ta’ Malta; Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li każijiet li ilhom aktar minn tliet snin biex tingħata s-sentenza huma s-segwenti: Isem tal-Qorti Nru. ta’ kawżi li ilhom għal aktar minn 3 snin biex tingħata sentenza Qorti Kostituzzjonali 0 Qorti ta’ l-Appelli Ċivili (Superjuri) 11 Qorti ta’ l-Appelli Ċivili (Inferjuri) 0 Qorti Ċivili, Prim’Awla 248 Qorti Ċivili, Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) 3 Qorti Ċivili, tal-Familja 0 Qorti tal-Maġistrati (Ċivili) 141 Tribunal għal Talbiet Żgħar 0 Tribunal dwar il-Qsim tal-Wirt 0 Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar Artijiet 0 Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri tar-Raba’ 7 Bord li Jirregola l-Kera 5 Total 415 B’referenza ghall-parti tad-domanda dwar kemm ilhom pendenti dawn il-kazjiet jinghad li kull kawza tigi introdotta separatament u ghalhekk iz-zmien ivarja ghal kull kawza. B’referenza ghar-ragunijiet ta’ dewmien jinghad li jista’ jkun hemm varji ragunijiet li mhux kompitu tar-Registratur li jidhol fuq dan stante li dan hija kwistjoni li tispetta lil gudikant li quddiemu jkun il-kaz. Qorti Kriminali ta’ Malta: Quddiem il-Qrati ta’ Gudikatura Kriminali hemm 13-il kawza li ilhom differita ghas-sentenza iktar minn tlett snin. Dawn il-kawzi kienu gew introdotti bejn is-sena 1992 u 1997. L-amministrazzjoni tal-Qorti mhux f’posizzjoni li taghti raguni ghal dan id-dewmien. Qorti ta’ Għawdex: Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), kemm dak li jirrigwarda kawżi ċivili kif ukoll dawk kriminali, m’għandna l-ebda kawża li ilha aktar minn tliet snin biex tinqata’ s-sentenza u tiġi konkluża.

Twaħħil ta' meters mal-boreholes

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu l-meters fil-boreholes li l-bdiewa jtellgħu l-ilma minnhom? Kemm hawn boreholes irreġistrati u meta hemm il-ħsieb li dawn il-meters jkunu lesti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 30518 u 30850.

Boreholes — ilma lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jiġi kkalkulat li dawn il-bdiewa li għandhom borehole l-ilma li jkun jistgħu jtellgħu minn din l-istess borehole? Dan l-ammont se jkun wieħed fiss jew ivarja minn staġun għall-ieħor skont il-wiċċ u skont jekk tkunx għamlet xita jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 28036.

Gvern Malti bħala Shareholder

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33769 u jgħid kemm għandu shares jew kemm huwa involut bħala shareholder il-Gvern Malti f'kumpaniji/aġenziji/korporazzjonijiet/istituti/fundazzjonijiet u gruppi oħrajn differenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

splussivi fil-barrieri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34188 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jinżammux log books biex ikunu jafu kemm jintużaw splussivi fil-barrieri kull meta dawn jaħarqu l-isplussivi biex ikissru l-blat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-isplussiv jinżamm għand il-Forzi Armati ta’ Malta. Kull meta tkun se ssir operazzjoni li jintuża l-isplussiv fil-barrieri, l-Awtorita' Maltija għar-Rizorzi tindika l-ammont ta’ splussiv li għandu jintuża. Skont dan id-dokument flimkien mal-liċenzja tal-Pulizija maħruġa għal dan il-għan, l-Forzi Armati jirrilaxxaw l-ammont ta’ splussiv indikat u anke’ tinzamm record. Għandu jingħad ukoll illi din l-operazzjoni tkun sorveljata minn membru tal-Korp tal-Pulizija sabiex ikun żgurat illi l-ammont ta’ splussiv li jkun inħareġ mingħand il-Forzi Armati ikun intuża kollu kif speċifikat.

Koordinaturi ta' Inklużjoni (INCOs) neqsin mill-iskejjel primarji statali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kien hemm Koordinaturi ta' Inklużjoni (INCOs) neqsin mill-iskejjel primarji statali ta' Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-present hemm erba’ (4) Koordinaturi ta' Inklużjoni (INCOs) neqsin mill-iskejjel primarji statali ta' Malta u Għawdex.

Tfal b'diżabilià li jattendu skejjel mainstream

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal b'diżabilità li kienu jattendu fi skejjel mainstream u ntbagħtu fiċ-ċentri ta' riżorsi biex jingħataw l-għajnuna meħtieġa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din is–sena skolastika hemm 41 tifel u tifla b'diżabilità li jattendu fi skejjel mainstream u qed jingħataw servizzi minn San Miguel Primary Education Resource Centre u 6 li qed jingħataw servizzi minn Guardian Angel Secondary Education Resource Centre.

tfal b'diżabilità li jattendu l-iskola/ċentru tar-Riżorsi tal-Wardija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal b'diżabilità li kienu jattendu l-iskola/ċentru tar-riżorsi tal-Wardija? X'se jiġri minnhom x'ħin jispiċċaw minn hemm? Kemm hemm studenti li qed jistennew li jintbagħtu fiċ-Ċentru tal-Wardija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fiċ-Ċentru Dun Manwel Attard, Young Adult Education Resource Centre, Wardija jattendu 95 student. Wara li dawn jispiċċaw minn dan iċ-ċentru, skond il-bżonnijiet tagħhom, jistgħu jiġu referuti jew : § Għal skemi għal persuni b’bżonnijiet speċjali offruti mill-ETC jew, § għal programmi edukattivi u vokazzjonali oħra jew, § għaċ-ċentri ta’ matul il-jum. Bħal issa hemm 4 studenti li jattendu iċ-ċentru ta’Riżorsi sekondarju li magħhom qed issir transizjoni għaċ-ċentru tal-Wardija biex sena oħra jintbagħtu f’dan iċ-ċentru.