Legislature:
Category:
Reset
Active:

direttorju tat-telefon

Question

Jista' l-Minsitru jgħid meta se jiġi ppubblikat id-direttorju tat-telefon peress li l-aħħar ħarġa kienet tmien snin ilu?

Response (GATT, AUSTIN)

Fid-deċiżjoni ta' April 2010, l-MCA stabilixxiet li l-provizjoni tad-direttorju tat-telefon tal-linja fissa stampat għandu jiġi meqjus bħala wieħed mis-Servizzi Universali. Bħal kif jiġri fil-każ ta' Servizzi Universali kollha, l-Awtorita' ipprovdiet l-opportunita' lil dwak l-entitajiet li xtaqu jipprovdu wieħed minn dawn is-servizzi biex jippreżentaw 'espression of interest' sat- 30 ta' Ġunju 2010 fuq kriteriji stabbiliti. L-MCA irċeviet tliet applikazzjonijiet li kienu evalwati minn kumitat ta' aġġudikazzjoni li ġie maħtur speċifikament għal dan il-għan. Wara proċess kemmxejn kumpless, f'Ġunju ta' 2011, tnejn mill-applikanti ġew eliminati, u f'Awwissu tal- 2011, waqt l-aħħar stadji tan-negozzjati, l-aħħar applikant ġie wkoll diskwalifikat minħabba ċerti kundizzjonijiet li xtaq jimponi u li ma kienux jissodisfaw il-kriteriji stabbiliti. Minħabba l-fatt li d-deċiżjoni msemmija kienet stabbilit li jekk ma jkunx hemm ' Expression of Interest' jew xi applikazzjoni li ma kienitx tissodisfa l-kriteriji stabbiliti, GO plc għandha tkun awtomatikament maħtura biex tipprovdi s-servizz universali, b'hekk ġie stabbiliet li d-direttorju tat-telefon tal-linja fissa stampat għandu jiġi provdut minn GO plc. L-MCA infurmat lil GO plc fuq dan l-iżvilup f'Settembru ta' l-2011. Minn dakinhar l-Awtorità iltaqghat ma' GO plc biex tiddiskuti l-implikazzjonijiet finanzjarji, loġistiċi u tekniċi sabiex jiġi stampat dan id-direttorju. Ta' min isemmi li minn l-aħħar id-direttorju tat-telefon tal-linja fissa li ġie stampat, kien hemm żviluppi sostanzjali fis-suq tat-telefonija, fejn issa hemm iżjed minn operatur wieħed. Dan ifisser li l-informazzjoni li għandhom id-diversi operaturi fuq l-abbonati tagħhom għandhom jiġu ntegrati u irrkoncilljati fi ktejjeb wieħed. Fuq binarju differenti, hemm entita' li nfurmat lill-Awtorità li qiegħdha tikkonssidra li tippublika d-direttorju tat-telefon tal-linja fissa stampat. Fil-jiem li ġejjin l-MCA ser ikollha iktar informazzjoni fuq dan l-iżvilup li jkun jista' jfisser li hemm possibilita' li dan id-direttorju ma jkunx iktar ikkunsidrat bħala Servizz Universali għax ikun qiegħed jiġi provdut. Minħabba f'hekk l-MCA sejra tkun f'pożizzjoni aħjar biex tikkomunika data meta d-direttorju tat-telefon tal-linja fissa stampat sejjer jigi ppublikat.

kwestjoni dwar kunjom ta' tarbija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk f'każ fejn jiġi stabbilit li l-missier naturali tat-tarbija mhuwiex ir-ragel ta' omm l-istess tarbija, l-isem tal-isess raġel jista' jiġi mneħħi totalment minn fuq iċ-ċertifkat tat-twelid tat-tarbija? Jekk dan mhuwiex il-każ, jista' jispjega għalfejn it-tarbija għandha ġġor isem raġel li mhux missierha fuq iċ-ċertifkat tat-twelid tagħha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f'każ u fejn jiġi stabbilit li l-missier naturali tat-tarbija mhuwiex ir-raġel ta' omm l-istess tarbija, u dan jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artiklu 280 (2) tal-Kodiċi Ċivili, qabel ma ssir in-notifikazzjoni u sussegwentement ir-reġistrazzjoni tat-twelid tat-tarbija fir-Reġistru Pubbliku, l-isem tar-raġel tal-omm li kellha t-tarbija ma jidhirx fuq l-att bħala missier it-tarbija. Iżda f’każ li ma jkunux għaddew it-tlett mitt ġurnata msemmija fl-Artiklu 280(2) hawn fuq imsemmi, mbagħad il-providenmenti tal-Artikli 280(1) u 278(e) japplikaw, jiġifieri l-isem tar-raġel ta' omm l-istess tarbija ser jidher bħala l-missier. F’dawk il-każijiet fejn jiġi kontiż li l-missier naturali tat-tarbija mhuwiex ir-raġel ta' omm l-istess tarbija wara li ssir in-notifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tat-twelid tat-tarbija fir-Reġistru Pubbliku, dan il-fatt irid jiġi stabbilit fil-Qorti u l-istess Qorti tordna sabiex jiġi annotat id-digriet tal-korrezzjoni tal-paternita` fuq l-att tat-twelid tat-tarbija. Għalhekk f’dan il-każ fuq iċ-ċertifikat jibqa’ jidher dak kollu li kien iddikjarat fid-data li fiha kien imfassal l-Att u dan għaliex iċ-ċertifikat tat-twelid huwa stampa eżatta ta’ dak li seħħ dak iż-żmien. Iċ-ċertifikat juri wkoll, permezz tal-annotazzjoni, dak li jiġi deċiż fil-Qorti wara dik id-data. Irid jingħad ukoll li skont l-Artiklu 251 (2) l-isem u kunjom tar-raġel jitneħħa minn fuq iċ-ċertifikat estratt.

kwestjoni dwar kunjom ta' tarbija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk f'każ li żwieġ ta' omm it-tarbija jiġi dikjarat null u r-raġel ta' omm it-tarbija jiġi ddikjarat li mhuwiex missier l-istess tarbija, l-isem tal-istess raġel jista' jiġi mneħħi totalment minn fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tarbija? Jekk dan mhuwiex il-każ, jista' jispjega għalfejn it-tarbija għandha ġġor isem raġel li mhux missierha fuq iċ-ċertikat tat-twelid tagħha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f'każ li żwieġ ta' omm it-tarbija jiġi ddikjarat null mill-Qorti, issir annotazzjoni fuq l-att taż-żwieġ biss sabiex tirrifletti d-deċiżjoni tal-Qorti. L-att tat-twelid tat-tarbija ma jintmissx b’sentenza ta’ nullità ta’ żwieġ. Jekk ir-raġel ta' omm it-tarbija jiġi ddikjarat li mhuwiex missier l-istess tarbija, u dan jiġi ddikjarat fil-Qorti, l-istess Qorti tordna sabiex tiġi annotata d-digriet tal-korrezzjoni fuq l-att tat-twelid tat-tarbija kif elenkat fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34776.

Malta Enterprise — skema tal-energy grants

Question

Jista' l-Ministru jgħid, il-Malta Enterprise meta ddeċidiet li tissospendi temporanjament l-iskema tal-energy grants għall-industrija? Kemm kien hemm applikanti b’kollox għall-iskema? Kemm kien hemm kwotazzjonijiet li allegatament ġew sottomessi li ma kenux in buona fede? Dawn kollha kienu ġejjin minn supplier wieħed jew aktar? Jekk iva, jista' jsemmi min kien/u s-supplier/s? Id-ditta/ditti involuti kienu f’xi mod involuti fil-każ preċedenti tal-iskema tas-sena 2010 li kienet ġiet sospiża wkoll minħabba allegati rregolaritajiet? Hemm xi ħjiel min naħa tal-awtoritajiet meta l-iskema se tiġi riattivata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iskema ERDF Energy laqgħet total ta’ 395 applikazzjoni fi tliet sejħiet separati. L-iskema ġiet sospiża f’Mejju 2012 kif imħabbar fil-Press Statement li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

power station ta’ Delimara — xiri ta' spare parts

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti li wasluli li fil-power station ta’ Delimara spiss qed jinxtraw spare parts li ma jkunx hemm bżonnhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-‘Spare Parts’ jinxtraw skond il-bżonn, u jinqasmu fi tlett kategoriji:- 1 Dawk li huma magħrufa bħala ‘ Consumables’, li huma parts li jkunu rikkomandati li jinbidlu skond l-użu. L-ammont ta’ stokk ta’ dawn il-parts jiddependi fuq l-użu attwali tal-impjant. 2 Parts għall-‘ Preventive/Planned Maintenance’ , huma parts mixtrija bl-antiċipazjoni li jintużaw waqt ‘overhaul’ jew għall-manutenzjoni tar-rutina. Huwa mportanti li jkun hemm stokk ta’ dawn il-parts f’każ ta’ bżonn, ħalli jistgħu jinbidlu mingħajr dewmin u waqfien fit-tul tal-impjant. 3 Parts li jissejħu ‘ Strategic Spares’ , dawn mhux neċessarjament jiġu użati, imma jinżammu għal użu f’każ ta’ emerġenza. Dawn huma parts li jkollhom ‘lead time’ twil ħafna biex jiġu pprovduti għax f’ħafna każijiet dawn ikollhom jiġu manifatturati fuq ordni. L-istokk ta’ dawn il-parts jiddependi fuq kemm jintużaw fuq l-impjant u kemm ikun kritiku dan il-part għall-operat tal-istess impjant. Ninsab infurmat ukoll li m’hemmx spare parts li qed jinxtraw bla bżonn.

LPG mingħajr mercaptan

Question

Jista' l-Minsitru jikkonferma li fl-imgħoddi dejjem kienet il-prattika li qatt ma kien jinġieb l-LPG mingħajr mercaptan diġà mħallat miegħu? Jista' jikkonferma wkoll li f’dawk il-każijiet rari fejn xi drabi l-LPG ma jkunx diġà fih l-mercaptan, il-Korporazzjoni Enemalta nnifisha kienet tara li r-raffinerija minn fejn kien jitgħabba l-prodott, kienet tipprovdi wkoll anki mercaptan u/jew fuq il-vapur waqt li jkun ġej, jew inkella meta jkun qed iħott l-LPG għal ġol-istallazzjoni tal-Qajjenza sabiex issir it-taħlita meħtieġa? Huwa minnu li sa ftit żmien ilu ma kienx jinxtara l-mercaptan sfuż? Minn meta beda jsir dan? Min kien ħa d-deċiżjoni li jibda jinxtara l-LPG mingħajr mercaptan diġà mħallat mal-prodott? Ġie stabbilit għaliex inxtrat dik il-kwantità kbira ta’ mercaptan meta ma kienx se jiġi użat? Meta nxtraw dawn it-tankijiet ikkonċernati bil-mercaptan li kienu suġġetti għall-inkjesta riċenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #34784 Sitting 478 2012-05-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Tindif ta' Dar Sant' Anna fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni speċjali l-Ġimgħa 18 ta' Mejju, seba' cleaners intbagħtu minn kmieni filgħodu inadfu Dar Sant' Anna fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Din it-tindifa se tibqa' ssir kull ġimgħa jew saret għax kumbinazzjoni dakinhar kellha tmur iżur lix-xjuħ nisa f'din id-dar il-mara tal-Prim Ministru, is-sinjura Kate Gonzi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fit-18 ta' Mejju kien hemm xogħol ħames cleaners u mhux sebgħa, li tnejn minnhom huma parti mill-istaff tar-Residenza Sant' Anna filwaqt li t-tlieta l-oħra daħlu overtime sabiex jikkompensaw għan-nuqqasijiet ta' cleaners li hemm fl-imsemmija sala. Dan sar skont il-prassi sabiex ikun hemm l-ammont adegwat kuljum ta' cleaners f'din is-sala.
Leg 11 PQ #34785 Sitting 478 2012-05-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Film Għawdex il-Verità kollha

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33920, tista' l-Ministru tgħid meta se jintwera l-film Għawdex il-Verità Kollha, li ġie meħud fit-30 ta' Marzu 2012 wara li saret tindifa lill-Isptar Ġenerali t'Għawdex ħalli l-Għawdxin ikunu jistgħu jaraw id-duħan ħiereġ miċ-ċumnija u lil kull min kien preżenti għall-konferenza kellu jsodd imnifsejħ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħda tirreferi għall-konferenza għall-istampa li ngħatat minni nhar it-30 ta' Marzu 2012 quddiem ir-Residenza Sant'Anna ninsab infurmata li ritratti u video meħuda f'dik l-okkażjoni ġew imqassma għall-użu tal-istampa skont il-prassi.
Leg 11 PQ #34786 Sitting 478 2012-05-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Dipartiment tas-Saħħa - rċevuti ta' vaċċini mill-Health Centre

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33916, tista' l-Ministru tgħid meta d-Dipartiment tas-Saħħa Għawdex, ma jkunx hemm l-iskrivani li tagħmel l-irċevuti lil min jkun irid jixtri l-vaċċini mill-Health Centre għax tkun bil-leave jew marida, min qed jagħmel dawn l-irċevuti biex ix-xogħol jibqa' għaddej u min imur ma jkollux bżonn li jerġa jmur it-tieni u xi drabi anki it-tielet darba?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fl-assenza tal-iskrivani l-irċevuti tax-xiri ta' vaċċin jinħarġu mill-Uffiċċjal tas-Saħħa Ambjentali li jkun preżenti fl-uffiċċju.
Leg 11 PQ #34787 Sitting 478 2012-05-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Ħlas ta' Overtime

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-overtime li jinħadem fl-aħħar sitt xhur tħallasx kollu, jew kemm xhur tħallsu? Kemm kien l-ammont ta' overtime li nħadem kull xahar fl-aħħar sitt xhur minn Novembru 2011 sa April 2012? Kemm baqalu jitħallas overtime u meta se jitħallas?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #34788 Sitting 478 2012-05-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — nefqa tal-flus fl-overtime

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33926, tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'overtime xahar b'xahar għal dawn l-aħħar sitt xhur u cioè minn Novembru 2011 sa April 2012 biex jitnaddfu s-sezzjonijeit kollha tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fl-aħħar sitt xhur in-nefqa ta' flus f'sahra għat-tindif tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex kienet kif ġej: Novembru €8707 Diċembru €14162 Jannar €12494 Frar €12890 Marzu €13902 April €13541.

Żieda tal-Għoli tal-Ħajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx joħroġ iż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa b'effett mis-sena 2008 lil dawk li kienu ġew kostretti jieħdu l-iskema ta' irtirar kmieni mit-tarzna fis-sena 2003? Għaliex qed ikompli joħloq anomlalija ma' dawn il-pensjonanti meta kien l-istess Ministru li kien ħabbar fil-budget għas-sena 2008 li se jżid lill-pensjonanti kollha ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja? Għaliex din l-anomalija? Il-provediment li hemm fil-kuntratt privat li jinkorpora din l-iskema ta' irtirar kmieni kien ġie ffirmat fis-sena 2003 meta dak iż-żmien il-gvern kienu għadu ma tax iż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti, għaldaqsant, għaliex ma kkoreġiex din l-anomalija fil-kuntest tad-deċiżjoni li ttieħdet wara? Għaliex se jħalli din id-diskriminazzjoni tkompli sseħħ bejn il-pensjonanti Maltin u Għawdxin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iskemi ta’ rtirar kmieni mit-Tarzna kienu dejjem meqjusa bħala skemi ad hoc li inħarġu mit-Tarzna b’kundizzjonijiet speċifiċi li huma differenti minn dawk li fuqhom tinħadem il-pensjoni offruta mill-Gvern permezz tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali fl-eta’ ta’ rtitar. Per eżempju, il-pensjonanti tat-Tarzna tal-2008 jieħdu 2/3 tal-paga li jkunu spiċċaw biha mit-Tarzna u mhux pensjoni ibbażata fuq l-aħjar tlett snin minn l-aħħar għaxar snin ta’ mpjieg u b’limitu ta’ salarju li ma jeċċedix il-livell stipulat mill-liġi. Fl-aħħar ta’ kull sena, dawn jieħdu wkoll bonus ta’ 8% tal-paga sħiħa li huma kellhom fit-Tarzna. Il-kundizzjonijiet tat-Tarzna dejjem indikaw li min jagħzel li jieħu l-iskema ta’ rtirar kmieni ikun intitolati għal 2/3 taż-żieda tal-għoli tal-ħajja u din il-kundizzjoni baqgħet tiġi applikata anke wara li l-Gvern kien ħabbar żieda sħiħa għal-pensjonanti li jieħdu pensjoni mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali fl-2008. Din kienet kundizzjoni miktuba ċara fl-iskema u għalhekk baqgħet tiġi applikata.
Leg 11 PQ #34791 Sitting 478 2012-05-24 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

assistenza tal-LSA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm s’issa d-Dipartiment tal-Edukazzjoni għandu każijiet pendent ta' tfal li għandhom bżonn l-assistenza tal-LSA? Kemm minn dawn it-tfal se jkollhom l-assistenza tal-LSA fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’dawn il-ġranet stess qed jiġu ngaġġati supply LSAs u qed jiġu assenjati lit-tfal li diġà ġew statemented skont il-prijorità.
Leg 11 PQ #34792 Sitting 478 2012-05-24 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal LSA fi skola privata

Question

Tista ' l-Ministru tgħid, jekk ikun hemm skola privata li jkollha bżonn tas-servizz ta’ LSA għall-ewwel darba, x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Min jagħmel tajjeb għal ħlas tas-servizz tal-LSA? Kemm hemm LSAs fi skejjel tal-knisja u f’dawk privati separatament? Hemm xi talbiet pendent minn skejjel privati għal servizz ta’ LSA liema servizz s’issa f’dawn l-iskejjel ma kienx offrut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-iskejjel Privati, il-ġenituri flimkien mal-iskola jagħżlu huma Learning Support Assistants wara li toħroġ rakkommandazjoni mill- ‘ Istatementing Moderating Panel’ . L-LSAs irid ikollhom il- kwalifiki ekwivalenti bħal dawk rikjesti mill-Istat. Wara l-ġħażla tal-LSA, l-iskejjel jaġħmlu kuntatt man-‘Non-State Section’ tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni fejn tiġi reġistrata t-talba. Is-servizz tal-LSA jitħallas mill-Istat. LSAs/SLSAs fi skejjel tal-knisja: 558 LSAs/SLSAs fi skejjel privati: 70 Bħalissa hemm 49 każ li għaddejjin mill-proċess ta’ evalwazzjoni u rakkommandazzjoni dwar jekk hux meħtieġ l-għajnuna ta’ LSA.

estensjoni tal-leave tal-maternità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta daħal fis-seħħ l-estensjoni tal-leave tal-maternità s’issa, kemm kienu l-ommijiet li bbenefikaw minn din l-estenzjoni? Dawn kollha tħallsu l-benefiċċju għal dawn il-ġimagħtejn estesjoni? Il-ġimagħtejn extra li qed jagħmel tajjeb għalihom il-gvern, tħallsu kollha lil dawn l-ommijiet? F’każ li l-ħlas għadu ma sarx, x’arranġamenti qed isiru mal-employers biex ma jispiċċawx imorru minn taħt l-ommijiet il-ġodda?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li minn meta daħalet fis-seħħ l-estensjoni tal-maternity leave kien hemm 172 omm li ibbenefikaw mill-benefiċċju mgħoti. Hemm xi każijiet oħra li ma setgħux jinħadmu minħabba xi nuqqasijiet li kien hemm fl-applikazzjonijiet. Dawn il-persuni qed jiġu infurmati b’dawn in-nuqqasijiet biex kif jipprovdi l-informazzjoni kollha l-każ tagħhom jinħadem. Fejn ikun dovut il-benefiċċju jitħallas. Tajjeb ninforma lil Onor. Interpellant li kull ġimgħa jsir proċess fejn applikazzjoni għal dan il-benefiċċju jiġu proċessati biex jitħallsu.

informazzjoni dwar il-camping

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-policy dwar il-camping f’pajjiżna? Hemm xi restrizzjonijiet biex wieħed imur camping f’pajjiżna, fis-sens, hemm xi postijiet fejn ma jistax isir camping? Jekk fl-affermattiv, tista’ tingħata spjegazzjoni għalfejn din il-projbizzjoni? Fejn huwa permess li jsir camping?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

camping tourism

Question

Peress li barra minn Malta wieħed mill-aspetti turistiċi li qed jaqbad ħafna huwa dak tal-familji li jmorru għal btala f’pajjiż ieħor għall-camping jew bil-karavan, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-awtoritajiet Maltin biex inħeġġu lil dan it-tip ta’ turisti lejn Malta?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorità tat-Turiżmu preżenzjalment ma tqiesx dan it-tip ta’ turiżmu bħala wieħed li fih Malta tista’ tikkompeti b’daqstant suċċess, daqs kemm nistgħu f’setturi oħra kif elenkat fil-politika tat-turiżmu. Dan huwa dovut għar-restrizzjoni tal-ispazju tagħna u limitazzjoni fin-numru ta’ caravan sites li għandna u nistgħu noffru. Fl-istess ħin hemm bżonn li jiġi rikonoxxut li dan it-tip ta’ turiżmu huwa popolari u li jkun hemm faċilitajiet anke jekk limitati għal min jogħġbu jżur pajjiżna b’dan il-meżż.

Dipartiment tas-Saħħa — sezzjoni tal-Pharmaceutical Affairs - sistema ta' rimbors

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga bl-aktar mod indipendenti r-rapporti li fid-Dipartiment tal-Pharmaceutical Affairs, partikolarment fid-Dipartiment tas-Saħħa hemm min qed jabbuża mis-sistemi tar-rimbors mill-Unjoni Ewropea billi flokk jikkwotaw IBAN number u l-account number tad-Dipartiment, qegħdin jikkowataw il-kontijiet bankarji tagħhom personali u jirrimborsaw il-flus minqufa mill-gvern innifsu fuq is-safar tagħhom lilhom infushom? Jista' jivverifika jekk dan huwiex jsir f'xi dipartimenti oħrajn tas-Saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’każ ta’ safar konness jew relatat mal-Unjoni Ewropeja, ir-rimbors jingħata biss fl-account tad-Dipartiment.

Marsaxlokk — Triq Żejtun - tiwsija fuq manhole

Question

Jista' l-Ministru jordna li jittieħdu passi serji u permanenti sabiex ir-rimedju li jiġi applikat fi Triq Żejtun Marsaxlokk, u cioè sabiex il-manhole li hemm quddiem il-Kappella lil San Pietru, ikun wieħed dejjiemi stante illi l-inkonvenjent huwa wieħed serju?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se ssewwi din it-tappiera (manhole) fi żmien qasir.

Marsaxlokk — Triq Żejtun - leakage ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jordna li jittieħdu dawk il-passi neċessarji u opportuni sabiex tinstab soluzzjoni għal-leakage ta' ilma li hemm fi Triq Żejtun Marsaxlokk stante li dan l-ilma qed jispiċċa f'garaxx privati u qed jikkawża ħsarat konsiderevoli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-leakage ta’ l-ilma fi Triq Żejtun Marsaxlokk issewwa.