Jista' l-Ministru jispjega kif jinħadem il-prezz tal-fuel li jixtri l-konsumatur mill-pompi tal-petrol? Jista' jagħti l-mod kif jasal għal prezz finali ta' kull tip ta' fuel kull gallun mill-pompa tal-petrol?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-prezz finali tal-fuel li jixtri l-konsumatur mill-pompi tal-petrol ’ jiġi ikkalkulat fuq il- bażi tal–fatturi segwenti:
Spiza tal prodott
- li tirrifletti il-prezz tal- ‘Platts’ li bih ikun inxtara il-prodott. Jiġi ikkunsidrat wkoll il-movimenti li jkun hemm fil -valur ta’
stock
li jkun fadal bħala bilanċ mix- xahar ta’ qabel. Barra minn hekk jitnaqqas wkoll il-valur tal-bejgħ li jkun sar matul ix-xahar. B’hekk jigi ikkalkulat il-prezz ta’ kull prodott fuq il-bażi ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet. F’dawn il–kalkoli jiġi wkoll ikkunsidrat l-element ta’ tibdil fir-rata tal-kambju (EUR/USD), kif wkoll id-‘density factor’ tal-prodott sabiex il-prezz jiġi ibbażat għal kull litru miflok għal kull tunnellata.
Opening Stock value (EUR/ltr)
Less
Cost of Sales value (EUR/ltr)
Plus
delivery value (EUR/ltr)
Dan l-element jifforma l-bażi li fuqu jiġi stabilit il-prezz ta’ kull tip ta’ fuel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar investiment fil-pitkalija matul is-snin 2005/6/7/8/9/10/11/12?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar fid-dwal tat-tul tal-perjodu li dwaru qiegħed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li jipparteċipaw fil-Farmer's Market matul ix-xahar ta' April 2012, mhux kemm hemm li għandhom il-permess li jipparteċipaw imma kemm fil-fatt ipparteċipaw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul ix-xahar ta’ April ta’ din is-sena kien hemm 38 minn dawk li għandhom il-permessi meħtieġa li pparteċipaw f’dan is-suq f’ Ta’ Qali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi fil-kwestjoni mal-pitkala, liema kwestjoni anki waslet biex il-pitkala kellhom jistrajkjaw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement għadhom għaddejjin it-taħdidiet bejn uffiċjali tal-Ministeru u l-Pitkala. Hekk kif ikun hemm żviluppi jien inħabbarhom pubblikament.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown sena sena, skema/skema (eżempju miżura 121, miżura 124, miżura 111, eċċ....) għall-pakkett fondi tal-Unjoni Ewropea f'agrikoltura 2007-2013, kemm ħadu flus setturi differenti, settur settur, sal-aħħar tal-2011? Kemm għad baqa' jieħdu fondi 2012/2013 kemm għal kull settur u taħt liema skema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet diġa mogħtija matul din il-leġiżlatura f’dan ir-rigward li dettalji tagħhom qiegħdin fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-proġett tar-relocation ta' 17-il razzett, issa niżlu għal 12-il razzett, flimkien mal-impjant tat-trattament tad-demel ġos-south/Qrendi, liema proġett ilu mwiegħed mill-2007, sallum għad lanqas l-out line permit ma ħareġ, jista' l-Ministru jgħid:
a) fejn/fliema stadju wasal;
b) kemm intnefqu flus sa issa, u kif intnefqu;
ċ) kemm hemm raħħala li konfermaw bil-miktub/intrabtu li jmorru l-Qrendi;
d) kemm hu maħsub li jiġi jiswa dan l-impjant,
full cost breakdown
; u
e) kemm hu maħsub li jiġi jiswa kull razzett,
full costs breakdown
u min se jħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f' seduta oħra.
Skola Primarja ta' San Ġiljan — rranġar tal-wiċċ tal-ground
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jiġi rranġat wiċċ il-ground tal-iskola primarja ta San Ġiljan peress li tfal għadhom iweġġgħu meta jaqgħu fih waqt li jkunu qed jilgħabu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li x-xogħol qiegħed fil-lista ta’ xogħlijiet li għandhom isiru fl-iqsar żmien possibbli.
Lista ta' bini ta' skejjel li huma magħluqa u vojta
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' bini tal-iskejjel li bħalissa huwa magħluq u vojt għax mhux jintuża? Tista' tgħid f'kull każ xi pjan hemm għall-użu ta' kull bini?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma hemmx bini li qabel kien jintuża bħala skola li bħalissa huwa magħluqa u vojt. Kull binja li m’għadhiex tospita studenti qed tkun utilizzata jew se tiġi utilizzata għal għanijiet oħra marbuta mas-settur tal-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34426, 34119 u 33181 u jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available online biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stmat li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għaliex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sistema sabiex jiġu estratti il-gassijiet minn ġewwa partijiet tal-engineered landfill f’ Ta’ Żwejra ġiet installata skond l-eżiġenzi tal-IPPC permit relattiv u bhalissa ghaddejjin sensiela ta pumping trials sabiex jiġi determinat il-kwantità u l-kwalità ta’ gas f’din il miżbla.
Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Interpellant li 750kW huwa l-ammont ta’ energija stmat li jista’ jkun ġenerat mill-engineered landfills kollha (i.e. kemm taż-Żwejra kif ukoll tal-Għallies kompluta). L-ammont ta’ energija ggenerata fl-2011 hija kif indikata fit-twegiba ghall-mistoqsija PQ 32965.
L-engineered cap ġiet magħmula minn materjali diga preżenti fuq is-sit. Jiddaħħlu materjali ġodda biss meta l-materjal tas-sit stess ma jilħaqx l-iskop tal-capping kif ikun mitlub fi-disinn. Ghaldaqstant Construction and Demolition waste ma ntużax bħala parti min dan il cap.
Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur — investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33659 u in vista tan-numru ta' ilmenti pendenti hekk kif indikat fil-mistoqsija parlamentari 33657, jista' l-Ministru jelenka dawk is-swieq li bħalissa qed jiġu investigati u huma meqjusa bħala prijorità quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur? X'inhuma l-prattiċi fis-suq li għaldaqstant bħalissa qed jiġu investigati inkluż indikazzjoni ta' dik il-proviżjoni tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li allegatament qed tiġi miksura? Kemm-il darba dawn il-każijiet huma meqjusa bħala prijorità, x'inhu bħalissa l-impatt fuq il-konsumatur bħala konsegwenza ta' dawn il-prattiċi? Meta beħsiebu l-Uffiċċju jikkonkludi dawn l-investigazzjonijiet f'dawk is-swieq li bħalissa jgawdu prijorità quddiem l-Uffiċċju?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, waqt li l-Uffiċċju tal-Kompetizżjoni fi ħdan Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur jistabilixxi l-prioritajiet li jimxi bihom, ma jkunx prudenti li l-Uffiċċju jiddikjara b’mod pubbliku s-setturi u l-każijiet li hu jkun qed jagħti prijorità dan għax din l-informazzjoni tista’ tippreġudika l-investigazzjonijiet li l-Uffiċċju jkun qed jagħmel jew bi ħsiebu jagħmel. Apparti dan jista’ jagħti messaġġ lil setturi oħra li huma mhux ser jiġu investigati. Jingħad ukoll li l-prijoritajiet li jkollu l-Uffiċċju mhumiex fissi u jistgħu jinbidlu anki minn ġurnata għall-oħra skond iċ-ċirkostanzi li jafu ma jkunux fissi f’kull suq, inkluż dak lokali. L-Onorevoli Interpellant pero` huwa assigurat li l-Uffiċċju qiegħed jiffoka fuq dawk il-prattiċi l-aktar li joħonqu l-kompetizzjoni.
L-impatt fuq il-konsumatur jkun spjegat u joħroġ mid-deċiżjoni finali stess ta’ l-Uffiċċju. Żgur li l-Uffiċċju ma jistax jgħid x’inhu l-impatt fuq il-konsumatur qabel ma l-każ ikun magħluq b’deċiżjoni.
Rigward iż-żmien ta’ konklużjoni ta’ l-investigazzjonijiet quddiem l-Uffiċċju nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ingħatat fil-mistoqsija parlamentari 33659 fejn ġie spjegat li minħabba n-natura ta’ dawn il-każijiet ma jkunx possibli li wieħed jipprova jiddetermina meta ser jiġi konkluż il-każ waqt li l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33657, fejn fost oħrajn intqal li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur għamel ħafna xogħol fuq liġijiet, jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-liġi sussidjarja elenkata iktar 'l isfel ma ġietx aġġornata u jekk humiex se jiġu aġġornati peress li uħud minnhom jew għadhom jagħmlu referenza għal strutturi li kienu jeżistu qabel ma ġie emendat l-Att dwar il-Kompetizzjoni s-sena l-oħra jew skadew jew dalwaqt jiskadu? Sa meta beħsiebu l-Uffiċċju, jekk huwa l-każ, jaġġorna din il-liġi sussidjarja rigward:
a) L.S. 379.02 - Regolamenti dwar Ftehim Vertikali u Prattiċi Miftiehma (Eżenzjonijiet Ġenerali);
b) L.S. 379.04 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim Orizzontali (Eżenzjonijiet Ġenerali);
ċ) L.S. 379.05 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar it-Trasferiment ta' Teknoloġija (Eżenzjoni Ġenerali);
d) L.S. 379.06 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar Riċerka u Żvilupp (Eżenzjoni Ġenerali); u
e) L.S. 379.07 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar l-Ispeċjalizzazzjoni (Eżenzjoni Ġenerali)?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li r-Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar Riċerka u Żvilupp (Eżenzjoni Ġenerali) u r- Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar l-Ispeċjalizzazzjoni (Eżenzjoni Ġenerali) fil-fatt għadhom in vigore sa l-aħħar ta' Ġunju 2012.
Ir-Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim Orizzontali (Eżenzjonijiet Ġenerali) m'għandhomx data ta' skadenza għalihom infushom imma jitkellmu dwar iż-żmien li fih għandhom effett ir-Regolamenti Orizzontali imsemmija fl-Avviż Legali.
L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur mhuwiex infurmat bir-raġunijiet għaliex dik li kienet qabel id-Divizzjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni ma kinitx estendiet ir-Regolamenti dwar Ftehim Vertikali u Prattiċi Miftiehma (Eżenzjonijiet Ġenerali) u r-Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar it-Trasferiment ta' Teknoloġija (Eżenzjoni Ġenerali).
Madankollu, fost ix-xogħol fuq liġijiet li qed jagħmel l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, hemm proprju eżerċizzju ta' riċerka fuq l-iżviluppi li saru fuq livell ta' l-Unjoni Ewropea u xi Stati Membri dwar dawn ir-Regolamenti li jipprovdu għal Eżenzjonijiet Ġenerali biex janalizza kif l-aħjar jimxi fuq din il-materja għas-suq Malti. Dan l-istudju intern fil-fatt wasal fi stadju avvanzat. Skond l-eżitu ta' dan l-eżercizzju, isir ukoll kull aġġornament rigward l-istrutturi meħtieġ. Però fil-frattemp, l-Att dwar l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 510) jipprovdi li d-Direttur ta' l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta gie sostitwit bid-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni u li l-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust ġiet sostitwita bit-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-Biometric ID Cards peress li ftit tal-ġimgħat ilu meta kien hemm min ċempel l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità ngħataw t-tweġiba li l-proċess kien se jibda dan ix-xahar, tant li min beda jmur biex iġeddidha bagħtuh lura d-dar u qalulhom li fi ftit żmien kienu se jibdew jibagħtu għan-nies kollha, iżda meta kien hemm min reġa' staqsa dwar dawn l-iżviluppi f’dawn l-aħħar jiem qalulhom li ma kienu jafu xejn u li żgur il-proċess mhuwiex se jibda għalissa? Jista' ġentilment jgħarraf il-Kamra dwar l-aħħar żviluppi ta’ dan il-proċess kif wkoll dwar id-date lines involuti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Awtorità tad-Djar — talbiet ta' residenza alternattiva
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar hux se tipprova tindirizza b'mod speċifiku l-ħteġijiet li jirriżultaw mit-talbiet ta' residenza alternattiva, b'xi skemi parikulari għal iktar lokalitajiet li għadhom talbiet pendenti għal tali talbiet, u b'mod specifiku għal dawk li huma l-bżonnijiet ta' tali talbiet li qed jirriżultaw fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, u dan kif joħroġ minn domanda parlamentari riċenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar nediet Skema Kiri sabiex tissodisfa t-talbiet għal residenza alternattiva b’mod iktar immedjat madwar Malta u Għawdex. L-awtorità sallum laqgħet 121 applikazzjoni mil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Burmarrad.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33576, tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża u d-dħul fl-2011 biex jingħata kull wieħed mis-servizzi għall-anzjani f'Għawdex jiġifieri: Telecare Service, Handyman Service, Incontinence Service, Meals on Wheels, Special Identity Card, Blue Sticker, Telephone Rebate u Day Centre?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33998 fejn irreferieni għall-mistoqsija parlamentari 33996, peress li n-News Release Numru 088/2012 li ħarġet nhar it-Tnejn, 7 ta’ Mejju 2012 ma tagħtix l-informazzjoni li jien tlabt dwar Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu fis-settur tal-Edukazzjoni f'Għawdex u f’Malta separatament fl-aħħar ta’ Ġunju 2011 u fl-aħħar ta’ Diċembru 2011 bħala: 1) full-time; 2) part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom; u 3) part-time bħala x-xogħol sekondarju tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33993 dwar is-sit magħżul għall-uffiċċji relatati ma' back office, tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet fuq dan is-sit issa tlestewx kollha? Jekk le, meta tlesta jew mistenni li jitlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-parti ta' barra ta' dan il-bini li se jkunu lesti fi ftit żmien ieħor.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33319 dwar agro-turiżmu f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid jekk issa r-rakkmandazzjonijiet humiex lesti? Jekk fl-affermattiv, tista’ tpoġġi kopja tagħhom titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk għadhom mhumiex lesti, meta mistenni li jkunu lesti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-proċess biex jitfassal dan is-sett ta' rakkmandazzjonijiet għadu għaddej.
Għawdex — xogħol u titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 28493, 29391 u 29802 dwar ir-rapport li ġie kkummissjonat biex janalizza s-sitwazzjoni preżenti u jagħti pariri dwar strateġija marbuta mal-ħolqien tax-xogħol u t-titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani f’Għawdex, tista’ l-Ministru issa, wara li ilu 7 xhur li tlesta r-rapport, tgħid jekk il-proċess ta' konsultazzjoni mal-entitajiet konċernati tlestiex? Jekk tlesta tista’ tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma tlestietx x’hemm li qed iżomm it-tlestija tal-konsultazzjoni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ir-rapport jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun, wara li jintemm il-proċess ta' konsultazzjoni mal-entitajiet kollha konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt mal-koppja li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li fl-24 ta' Marzu 2007 ħallsu £M1,493 biex jifdu ċ-ċens u ma ġewx kkuntatjati iżjed? Għaliex huma u oħrajn ġirien tagħhom qed jitħallew jistennew? X'inhuma l-problemi?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-onorevoli interpellant, li ma tistax tingħata tweġiba għad-domanda tiegħu peress li mill-kotba tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern ma nstab li hemm l-ebda proprjetà fuq isem il-koppja li d-dettalji tagħha ngħataw separatament. Ninforma lill-onorevoli interpellant biex jekk għandu xi dettalji ulterjuri jista’ jgħaddihom lid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u jingħata tagħrif jekk hemmx xi problemi.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija
Question
Jista' l-Minsitru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33528 u jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.