Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — nies appuntati
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barrnin jgħidilna meta se jasal fit-tmiemu t-term ta' dawk appuntati fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea peress li n-nominazzjonijiet minn Malta kienu biss għall-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li kienet miċħuda u l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadha tirrapreżenta lil Malta fil-Qorti Ġenerali u li jidher li m'hemmx nominazzjoni waħda għal din il-kariga?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mgħotija mill-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari 34103
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li huwa l-konsum ta’ gass f'kilogrammi (Kg) kuljum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Mhux ċar għalxiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, imma peress li din qed issir wara Mistoqsija Parlamentari nru 34162 qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-eternal flames. F’dak il-każ nirreferih għat-tweġiba mogħtija fil- Mistoqsija Parlamentari nru.34162.
Jista' l-Ministru jara każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għal home help u wara xahrejn l-isptar għadha qed tistenna?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, għas-Servizz ta’ Għajnuna fid-Dar saret fid-19 ta’ Jannar 2012. L-applikazzjoni ntbgħatet għall-assessment tas-social worker. Peress li l-anzjana għamlet perjodu l-isptar u sussegwentement kellha ukoll appuntamenti l-isptar, l-assessment mis-social worker sar fit-23 ta' April 2012.
Il-Bord tas-Servizz tal-Għajnuna fid-Dar se jikkonsidra dan il-kaz fl-10 ta' Mejju 2012.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li peress li r-raġel tagħha kien marid bil-kanċer, neħħiet il-permess tal-bejgħ u issa skopriet li hemm xi kontijiet pendenti tal-istess permess?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-persuna in kwistjoni ħallset l-aħħar miżata tal-liċenzja fit-2007. Kull sena mis-sena 2008 sas-sena 2011 intbagħtiela kont ta’ €23.29. Fil- 21 ta’ Novembru tas-sena 2011 id-Dipartiment tal-Kummerċ irċieva applikazzjoni għall-kanċelazzjoni tal-liċenzja. Din kienet akkumpanjata b’ittra li saret għan-nom tal-persuna liċenzjata. L-ittra ukol talbet li l-persuna liċenzjata tiġi eżentata milli tħallas il-liċenzja għas-snin imsemmija minħabba raġunijiet indikati fl-istess ittra.
Il-liġi vigenti LS 441.07 Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ tgħid li wara li issir applikazjoni mid-detentur għat-tħassir tal-liċenza , is-Sezzjoni Liċenzi tal-Kummerċ għandha tinforma lid-detentur li tkun laqghet it-talba tiegħu ghat-tħassir, għanda immedjatament titlob għall-arretrati kollha dovuti
sad-data
tal-applikazzjoni mill-applikant. Jekk l-applikant jonqos milli jħallas l-arretrati dovuti, ma’ l-applikazzjoni għat-tħassir, is-Sezzjoni Liċenzi tal-Kummerċ għandha tieħu l-azzjoni legali neċessarja għall-pagament tal-arretrati.
Il-ligi fil-fatt tinsisti fuq dan il-punt u tgħid ukol li minkejja li t-tħassir tal-liċenza jkun approvat, id-detentur tal-liċenza għandu jibqa’ responsabbli għall-ħlas ta’
kull
dritt għal liċenza dovut qabel ma tingħata dik l-applikazzjoni għat-tħassir.
Il-liġi ma tipprovdi għall-ebda eċċezzjoni u għall-ebda possibilta’ ta’ eżenzjoni. Għaldaqstant id-Dipartiment ma kellu l-ebda alternattiva ħlief li jitlob il-ħlas dovut.
Ftit ġimgħat ilu l-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposta ta’ regolamenti ġodda li ħa jemendaw il-liġi sussidjarja imsemmija iktar qabel. Din il-proposta hija intiża biex tnaqqas mill-piżijiet fuq in-negozjanti. Fost l-emendi hemm emenda li tissuġġerixxi li ħlas dovut ta’ liċenzja jkun ikkalkulat sa dik id-data li jitwaqqaf l-operat kummerċjali u mhux sa d-data li ssir għall-applikazzjoni għat-tħassir tal-liċenzja. B’hekk, in-negozjant li għal xi raġuni jew oħra ma jkunx għamel l-applikazzjoni għat-thassir fid-data li waqqaf l-operat, ikun qed jiffranka l-ammont li huwa dovut skond il-liġi, ghal dak il-perjodu mid-data tat-twaqqif tal-operat sad-data tat-tħassir. Għaldaqstant ġie deċiż li:
a) d-Dipartiment ma jibqax jipproċedi bil-każ sakemm tgħaddi l-liġi sussidjarja;
b) d-Dipartiment jagħmel kuntatt mal-persuna liċenzjata biex tforni lid-Dipartiment bi provi li ma kienitx qiegħda tiġġestixxi attivita’ kummerċjali tul l-aħħar erba’ snin.
Jista' l-Ministru jara l-każ tar-relief tal-individwu li d-dettalji dwarhu qed jingħataw separatament li kien jinsab Sptar Monte Karmeli u issa jinsab barra imma għadu ma rċieva l-ebda dħul?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Applikazzjonijiet għar-Residenza San Vinċenz de Paul
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li għandha demensia u applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paul peress li qed ikollha problemi kbar bħal per eżempju tkun tiġri barra bil-lejl u tkun tinsab fi stat ta' abandun?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmata li l-persuna lil qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata sabiex tidħol f’dar tal-anzjani li tipprovdi kura ta’ nfermiera (nursing care setting) u tpoġġiet fuq il-lista ta’ stennija.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-pilloli tad-demenia li l-gvern li qed jagħti u jekk hemmx il-ħiseb li jidħlu oħrajn ġodda peress li hemm minn jieħu pilloli bħal Axura?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-mediċini tad-dimenzja ġew introdotti fil-Formularju tal-Gvern hekk kif din il-kundizzjoni kronika ġiet miżjuda uffiċjalment fir-riforma ta’ Skeda V, jiġifieri fis-27 ta’ Marzu 2012, kif ġie stabbilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012.
Applikazzjonijiet ta’ mediċini ġodda li mhux fil-Formularju tal-Gvern għal kura tad-dimenzja ser jibdew jiġu evalwati, kkunsidrati għall-inklużjoni w introdotti fil-Formularju tal-Gvern fix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm tnaqqsu l-ħlasijiet għall-użu tal-karrijiet tal-mejtin waqt il-funerali minn meta saret il-liberalizzazzjoni ta' dan is-settur? Kemm-il darba nġabret, minn dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u issa mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, informazzjoni marbuta ma' dan ix-xogħol mil-liberalizzazzjoni sal-lum? F'liema stadju waslet l-analiżi li kellha ssir sabiex jiġi evalwat jekk l-operat fis-suq in kwistjoni huwiex konformi mal-Att dwar il-Kompetizzjoni u mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur? Din l-informazzjoni, jew rapport, anke f'format mhux kunfidenzjali, jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li dak li kien d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni kien iltaqa’ mal-operaturi fis-suq sabiex jispjegalhom u jagħtihom parir ta’ kif dawn għandhom joperaw fuq is-suq biex ikunu konformi mal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni u l-Liġi dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Illi bl-intervent tad-Dipartiment kienet inħarġet ċirkolari mid-Direttur Ġenerali tad-Divizjoni Servizzi tas-Saħħa (Ċirkulari Numru DH 63/09) fejn ġibed l-attenzjoni tal-imjegati kollha fil-qasam tas-saħħa li m’għandha tingħata ebda informazzjoni lill-kummissjonanti tal-funerali dwar imwiet ġewwa l-isptarijiet u djar tal-anzjani tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ tas-single parent li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li applikat għal post tal-gvern?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra. Hija tikri post mill-privat u tħallas kera ta’ €1, 800 fis-sena però tibbenefika minn sussidju fuq il-kera li jammonta għall-€966. 69 fis-sena. Dan ifisser li din il-persuna tħallas minn butha kera ta’ €69.44 fix-xahar.
L-Awtorità tad-Djar prezentament għandha ‘l fuq minn mitejn persuna li jibbenefikaw minn sussidju tal-kera iżda li wkoll għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar minnhom is-sillabi ġodda li kellhom jiġu mħejjija sa Frar li għadda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li ma kien hemm l-ebda pjan li s-sillabi ġodda kellhom jitlestew sa Frar.
F’Ġunju għandu jiġi ffinalizzat is-sillabu tal-Form2 kif ukoll ir-reviżjoni tas-sillabu tal-Form 1.
Fondazzjoni ta' Salvatore Maugeri ta' Pavia — kollaborazzjoni mal-qasam tas-saħħa
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kollobarazzjoni teżisti jew kienet teżisti minn xi strutturi tal-qasam tas-saħħa lokali u l-Fondazzjoni ta' Salvatore Maugeri ta' Pavia? Xi flus ġew minfuqa f'dawn il-proġetti ta' kollaborazzjoni? Min kienu n-nies involuti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma teżisti ebda forma ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità u l-Fondazzjoni indikata. Għaldaqstant la ntefqu flus u lanqas kienu involuti persuni fi proġetti simili.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li tħassret konferenza stampa li kellha ssir mal-poliklinika ta' Monza dwar il-kanċer f'Malta? X'relazzjonjiet jeżistu mal-poliklinika ta' Monza? Xi pjani futuri hemm ma' din l-istituzzjoni Taljana?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-konferenza stampa mal-poliklinika ta’ Monza ma kenitx dwar il-kanċer iżda kienet rigward l-kuntratt li sar ma din il-klinika. Sfortunatament il-konferenza kellha titħassar peress li persuni distinti li kellhom jattendu ma setgħux għal raġunijiet ta’ saħħa. Id-Dipartiment għandu kuntratt ta’ sena mal-poliklinika sabiex ikunu jistgħu jintbgħatu pazjenti ġewwa Monza biex isirilhom Cardiac MRI. Dan huwa arranġament temporanju sakemm jinġieb l-apparat ġewwa Malta.
The Health Firm — servizzi mediċi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34356, jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2006 sal-lum, kemm tħallset il-kumpanija The Health Firm bħala ħlas għas-servizzi mediċi li tippresta fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu msemmija mill-Onorevoli Interpellant din il-kumpanija tħallset is-somma ta' €320,794 bħala ħlas għas-servizzi mediċi li tippresta fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Ammont ta' kumpens mħallas lill-persuni li kienu arrestati illegalment
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' kumpens li tħallas lill-persuni li kienu arrestati illegalment fl-aħħar ħames snin u lil kemm-il persuna?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Qed nassumi illi l-Onorevoli Membru qiegħed jistaqsi dwar każijiet ta’ arrest illegali mill-awtoritajiet pubbliċi u mhux dwar każijiet ta’ żamma ta’ persuni kontra l-volonta tagħhom mill-privat li jikkostitwixxu reat kriminali.
Ma teżistix statistika dwar l-arresti illegali mill-awtoritajiet pubbliċi iżda jidher illi dawn l-arresti (u
cioè
l-kazijiet fejn il-qorti ssib illi arrest ikun sar jew ittawwal mhux b’mod konformi mal-liġi ) huma rari hafna u l-każijiet fejn il-Qorti tordna kumpens għal arresti illegali huma konsegwement ukoll rari..
Fuq dan is-suġġett il-każijiet prinċipali jirrisalu għas-snin tmenin u kien hemm każijiet oħra li konsegwenti għal sentenzi tal-Qorti Ewropeja tad-drittijiet tal-Bniedem li huma aktar riċenti.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il persuna nstabet li kienet arrestata illegalment u ġiet hekk dikjarata mill-Qorti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Qrati tal-Magistrati (Malta);
Minn informazzjoni miġbura mid-diversi awli tal-Qrati tal-Magistrati (Malta), f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 12-il persuna li nstabet li kienet arrestata illegalment u ġiet hekk dikjararta mill-Qorti.
Qorti ta’ Għawdex:
F’dawn l-aħħar ħames snin ma kien hemm l-ebda persuna li nstabet li kienet arrestata illegalment u ġiet hekk dikjarata mill-Qorti.
Kumpens lill-persuni li nżammu taħt arrest preventiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin jekk sarux talbiet għal kumpens minn persuni li nżammu arrestati taħt arrest preventiv u sussegwentement ġew liberati u kemm kienu dawn il-persuni?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tinżammx statistika speċifika tat-tip ta’ talbiet li għalihom hemm referenza fid-domanda ta’ l-Onorevoli Membru. F’dan ir-rigward l-Onorevoli Membru huwa ukoll referit għar-risposti għall-mistoqsijiet Parlamentari numru 34357 u 34621 li jittrattaw suġġett simili.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena liema kienu dawk il-lukandi li ntużaw għal ġurati waqt ġurijiet u kemm kien il-ħlas rispettiv lil kull lukanda?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji mitluba rigward ħlas rispettiv lil kull lukanda huwa kif ġej:-
2011
Lukanda A
€782.00
Lukanda B
€1,955.00
Lukanda Ċ
€32,920.00
2010
Lukanda Ċ
€28,156.45
Lukanda D
€3,528.00
2009
Lukanda Ċ
€21,321.85
2008
Lukanda Ċ
€10,005.17
Lukanda D
€6,466.67
Lukanda A
€1,680.55
2007
Lukanda Ċ
€13,340.91
Lukanda D
€3,172.02
Minħabba raġunijiet ta’ sigurta mhux meqjus opportun li jingħataw l-ismijiet tal-lukandi fejn ikunu alloġġjati l-ġurati.
Persuni li server bħala ġurati ordinarji u prim ġurati
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm kienu dawk il-persuni li servew bħala ġurati ordinarji u kemm kienu l-persuni li servew bħala prim ġurati?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ġurati ordinarji u gurati primi li servew f’dawn l-aħħar ħames snin quddiem il-Qorti Kriminali kienu:
2007 – 105 Ordinarji 10 Primi
2008 – 152 Ordinarji 15 Primi
2009 – 142 Ordinarji 14 Primi
2010 – 191 Ordinarji 19 Primi
2011 – 197 Ordinarji 18 Primi