Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali — każijiet ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' serq ġie investigat mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) fl-aħħar ħames snin, kemm minnhom ġew solvuti u kemm għadhom mhux solvuti? Kemm tressqu l-Qorti u kemm instabu ħatja? Jista' jgħid minn dawk li tressqu l-Qorti, kemm każijiet għadhom pendenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li d-dettalji dwar il-każijiet ta' serq li ġew investigati mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali huwa kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:- 2008 2009 2010 2011 2012 Kazi ta’ serq investigati 643 641 570 583 229 Kazi solvuti 217 326 226 326 122 Persuni mressqa l-Qorti 132 133 137 209 51 Persuni misjuba hatja 95 97 87 137 23 Liberati 1 1 Xejn Xejn Xejn Persuni li l-kaz taghhom ghadu pendenti quddiem il-Qorti 36 35 50 72 28

għajnuna lir-raħħala

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-għajnuniet lir-raħħala, fejn liema raħħala kienu mwiegħda, anke għandhom kuntratti ffirmati, għajnuna għas-soqfa li kellhom jagħmlu fl-irziezet, b'effett tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u Nitrates Directive, liema flus kellhom jiġu mill-fond tal-SMPPMA? Kemm kienu mwiegħda li sejrin jingħataw kull metru kwadru jekk jagħmlu saqfa tal-pjanċi jew jekk jagħmlu soqfa tal-konkos u kemm fil-fatt kien hemm raħħala li ħadu din l-għajnuna u kemm fadal raħħala li għad iridu jieħdu għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema skema speċifika qiegħed jirreferi għaliha taħt SMPPMA.

negozjati mar-raħħala

Question

Jista' l-Ministru jagħti pjan dettaljat kif se jkun trattat, settur settur, u x'se tkun l-ispiża kemm għal produttur, u kemm għal gvern, fir-rigward ta' tħaddim ta' impjanti rispettivi? Meta dan il-pjan se jidħol fis-seħħ u fiex waslu n-negozjati mar-raħħala kkonċernati s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika għal liema mpjanti qiegħed jirreferi għalihom f’din il-Mistoqsija Parlamentari.

ħaddiema li tilfu fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn 2006 u 2011, kemm raħħala/bdiewa/sajjieda, tilfu/tnaqsulhom fondi mill-Unjoni Ewropea, settur settur? Fejn kien jidher li dawn il-flus setgħu jintilfu, għaliex dawn il-bdiewa/raħħala/sajjieda/produtturi ma ġewx mgħejjuna sabiex dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea, flok jintilfu jgħaddu għand is-setturi rispettivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill- Onor.Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu peress li mhuwiex ċar għal xhiex qed jirreferi

fondi tal-Unjoni Ewropea għall-biedja u sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm iktar flus li nistgħu nieħdu bħala pajjiż mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-biedja u sajd sakemm jiġi biex jagħlaq il-ftehim preżenti? Jista' jgħid f'liema settur hemm probabilità li jkollna opportunità napplikaw għal dawn il-fondi settur b'settur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru.34654.

Ilmenti quddiem il-Police Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Police Board kemm irċieva ilmenti fl-aħħar sentejn u x'kien l-eżitu f'dawn il-proċeduri? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar sentejn il-Police Board irċieva 36 każ. Il-każijiet imressqa huma ta' natura varja.

Korp tal-Pulizija — apparat ta' electronic tagging

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija għandux apparat ta' electronic tagging? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li jiġi akkwistat dan l-apparat u kemm huwa stmat li se jiġi jiswa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Pulizija m’għandiex apparat ta’ electronic tagging. Pero' ta]t l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi dan jista' jiġi introdott. L-ispejjeż biex wieħed jixtri u jżomm sistema tal- electronic tagging, speċjalment spejjeż rikorrenti, huma sostanzjali iżda jvarjaw sew għax jiddipendu min-natura ta' sistema li wieħed jrid juża.

Persuni li tilfu l-libertà proviżjorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il persuna tilfet il-libertà proviżorja u sussegwentement reġgħet ingħatat libertà proviżorja fl-istess proċeduri?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli membru ma tinzamx statistika taghha fid-direttorat tal-Qrati u Tribunali Kriminali (Malta) kif ukoll ta’ Ghawdex.

Każijiet ta' pulizija b'reati ta feriti fuq persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, kemm tressqu pulizija l-Qorti akkużati b'reati ta' feriti fuq persuni u x'kienet in-natura ta' dawn il-feriti? Kemm nstabu ħatja? Kemm ġew liberati u kemm għadhom pendenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin, ċioe' mill-2008 'l hawn, kien hemm 24 membru tal-Korp tal-Pulizija li tressqu l-Qorti akkużati b’reati ta’ feriti fuq il-persuna. 21 kienu jinvolvu feriti ta’ natura ħafifa, li minnhom 14 ġew liberati, 5 kellhom il-każ tagħhom dikjarat mil-Qorti bħala proċediment eżawrit, 1 instab ħati u 1 għadu pendenti quddiem il-Qorti. Kien hemm ukoll 3 membri oħra li huma akkużati b’feriti ta’ natura gravi u l-każ tagħhom għadu pendenti quddiem il-Qorti.

Applikazzjoni Miżura 121

Question

Peress li fis-16 ta' Diċembru 2011 għalqet l-aħħar Applikazzjoni għall-Miżura 121, jista' l-Ministru jgħid meta l-applikanti se jkunu jafu min ikwalifika għal dawn il-fondi għal kull settur rispettiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement qiegħdin isiru l-verifiki meħtieġa fuq it-talbiet imressqa u huwa mistenni li min jikkwalifika jkun infurmat b’dan fix-xhur li ġejjin.

Università ta' Malta — administrative assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jinħatru l-administrative assistants tal-Università ta' Malta li ġew notifkati li ġew magħżula biex jimlew dak il-grad?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-data effettiva tal-ħatra tal-Assistenti Amministrattivi tkun fi żmien sitt ġimgħat mid-data tal-Kunsill tas-26 ta’April, 2012.

Xemxija — Fekruna Point - lampi b'bozoz maqtugħin

Question

Jista' l-Ministru jara li jinbidlu l-lampi fil-Fekruna Point ġewwa x-Xemxija li ilhom ġimgħat sħaħ maqtugħa u tefgħu fid-dlam l-inħawi fejn hemm lukanda għat-turisti u jkun tassew tal-mistħija jekk jitħallew kif inhuma għal iżjed żmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-manutenzjoni meħtieġa saret fid-19 ta’ Mejju 2012.

talba għal LSA

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu passi urgenti biex it-tifla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata l-appoġġ tal-LSA malajr kemm jista' jkun malajr skont kif irrakkmandat miċ-Child Development Assessment Unit?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-applikazzjoni ġiet reġistrata f’April 2012 u ser tingħata l-attenzjoni kollha dovuta.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà — spezzjoni fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33721 u jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-akbar post tax-xogħol f'Malta, jiġifieri fl-Isptar Mater Dei, sena b'sena mis-sena 2008 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Importazzjoni tas-Soya

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-importatur tas-soya, li tifforma parti sostanzjali sa' 25 % mill-gwież tal-majjali, għolla l-prezz tagħha minn €420-il tunnellata għall-€500-il tunnellata, meta hija l-istess soya li ġiet impurtata madwar xahrejn ilu u li minnha ilhom jixtru l-produtturi għal dawn l-aħħar xahrejn, u mhux xi konsenja ġdida mixtrija bi prezz aktar għola? Jista' jara x'ikkaġuna din iż-żieda fil-prezz?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur li huwa responsabbli għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur.

Schedule V Office tal-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti li minħabba mismanagement tal-pazjenti li jkunu jridu jirrikoru għand is-Schedule V Office tal-Isptar, qegħdin iwasslu għall-dewmien biex jinqdew il-pazjenti kkonċernati? Huwa minnu li hemm xi personnel li ma ġewx aġġornati biżżejjed dwar kif taħdem l-iskeda u għad hemm dubji dwar jekk ċerti nies jaqawx taħt il-kartuna s-safra u/jew dik roża? Huwa minnu li fost il-farmaċisti tal-gvern fl-Ispiżerija tal-Gvern u fid-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek flimkien ma' spiżjara tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek fuq bażi lokali, tħallew fid-dlam dwar ċerti dettalji amministrattivi u ħafna drabi qegħdin ikollhom jiffaċċjaw il-korla u r-rabja tal-pazjenti mingħajr ma jkunu jafu kif jistgħu ġenwinament jgħinuhom? Huwa minnu li riċentament il-personnel li kienu qed jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-pazjenti fis-Schedule V Office għall-aktar minn 20 sena għadhom kif ġew mgħarrfin li se jiġu sostitwiti minn staff ġdid b'seħħ immedjat mingħajr ma ġew informati fejn mistennija jirrapurtaw għax-xogħol - apparti il-fatt li l-istaff il-ġdid hija ħaġa naturali li jkun jeħtieġ element ta' żmien sakemm jidhra il-proċedura applikabli?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li x-Schedule V Office tal-isptar Mater Dei qiegħed hemm bi rwol differenti mill-uffiċċju tal-kartuna s-safra tal-isptar San Luqa. Fl-uffiċċju ta’ Mater Dei l-pazjenti jħallu l-applikazzjoni biex tiġi proċessata mill-uffiċċju tal-konsulent. L-uffiċċju tal-kartuna s-safra tal-isptar San Luqa jirċievi l-applikazzjonijiet iffirmati mill-konsulenti u dawn l-applikazzjonijiet jiġu evalwati minn nies tekniċi biex tkun tista’ toħroġ il-kartuna s-safra. L-uffiċċju jiftaħ It-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mis-7.30 sa 14.30 u n-numru tat-telefon tal-Customer Care huwa 21232424. Huwa fatt li l-uffiċċju dan l-aħħar għandu influss qawwi ta’ pazjenti minħabba li kien hemm tibdil fil-liġi tal-istess Skeda Ħamsa u għalhekk iktar pazjenti qegħdin jibbenifikaw mis-sistema ta’ mediċini b’xejn. Fil-fatt il-ħin tal-customer care ġie mtawwal u l-pazjenti qegħdin jinqdew dak il-ħin stess. Nirċievu ukoll l-applikazzjonijiet bil-posta u bħalissa l-uffiċċju qegħdin jiġu proċessati l-applikazzjonijiet li daħlu fit-tlettax ta’ Mejju. Kull membru tal-istaff ġie trenjat u jsiru meetings regolari, għal tagħrif u tagħlim kontinwu. Ħarġet ukoll memo, u qegħdin isiru information sessions regolari. Saru laqgħat mal-ispiżjara ta’ Malta li jinkludu l-ispiżjara fl-ispiżerija tal-Gvern u fid-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, mat-tobba privati kif ukoll dawk li jaħdmu fid-Dipartiment tas-Saħħa, u hemm dati allokati għall-laqgħat oħra barra li qed jingħata tagħrif kontinwu minn fuq il-media. Is-sistema tax-xogħol tbiddlet skont il-pariri fir-rapport tal-Awditur Ġenerali tal-Gvern u staff tekniku ilu jagħti s-servizz lill-pazjenti minn Diċembru li għadda. Infatti xogħol għall-clerks mhux ikun hemm u allura dawn qegħdin jiġu offruti xogħol alternattiv fi ħdan id-dipartiment.

Servizz Pubbliku — Impjieg ta' nurses

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aċċertazzjoni tiegħu li l-Ministeru tiegħu qiegħed jaderixxi mad-delega ta' ċerti setghat dwar is-servizz pubbliku kif ordnat jagħmel fl-4 ta' April 2009 mill-Prim Ministru billi, fost oħrajn, jassigura li f'kull każ u mingħajr ebda eċċezzjoni uffiċjali pubbliċi rtirati li jiġu ri-ingaġġati fil-gradi tan-nursing skont l-istess delega jingħataw dawk ir-responsabbiltajiet u obbligi marbuta strettament ma' uffiċċju pubbliku mhux għola minn dak ta' staff nurse? Fejn jinsab allokat u x'xogħol qiegħed jagħmel l-ex ufficjal pubbliku li rtira aktar minn sena ilu mill-gradi tan-nursing li deher qiegħed iqassam il-mediċini f'paġna 3 ta' ktejjeb maħruġ mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Kommunità bl-isem 'Minn Qalbna... Għalik'? Huwa minnu dak li jingħad minn dan l-individwu fl-istess paġna, jiġifieri li x-xogħol li qiegħed jagħmel huwa dak ta' infermier? Fil-verità dan l-individwu qiegħed jagħmel xogħol ta' staff nurse skont ma tipprovdi d-delega bil-għan li jittaffa n-nuqqas akut ta' ħaddiema kwalifikati fil-qasam tan-nursing?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Limbodrin — tneħħija ta' arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni Enemalta tneħħi arblu tad-dawl li waqa' f'għalqa fl-inħawi tal-Limbordin u l-bidwi tal-għalqa ilu żmien jitlob li jitneħħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-arblu msemmi ġie mneħħi kif kien ipprogrammat, fit-23 ta’ Mejju.

Malta Enterprise — perkaċċi liċ-chairman

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju u tal-perkaċċi li se jingħataw lill-persuna li tħabbret li intagħzlet bħala chairman tal-Malta Enterprise?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant illi ċ-Chairman il-ġdid tal-Malta Enterprise għandu remunerazzjoni ta’ €16,305.61 fis-sena, u għandu allowance għall-użu ta’ vettura.
Leg 11 PQ #34103 Sitting 478 2012-05-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — nies appuntati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jasal fit-tmiemu t-term ta' dawk appuntati fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea peress li n-nominazzjonijiet minn Malta kienu biss għall-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kienet miċħuda u l-persuna li d-dettalji dwarha qed jitbagħtu separatament għadha tirrapreżenta lil Malta fil-Qorti Ġenerali u li jidher li m'hemmx nominazzjoni waħda għal din il-kariga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-terminu tal-Imħallef Malti fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiskadi fis-6 ta’ Ottubru 2012. It-terminu tal-Imħallef Malti fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kien intiż li jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2014, iżda fuq bażi ta’ talba personali, l-Imħallef Malti fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea irreżenjat fl-1 ta’ Marzu 2012. Fir-rigward tal-Imħallef Malti fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-gvern ħareġ sejħa pubblika għal applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal-Imħallef Malti fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, l-gvern irtira n-nomina tal-Imħallef li d-dettalji dwaru ntbagħtu separatament. Il-Gvern ħareġ sejħa pubblika għal applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea .