B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34659, jista' l-Ministru speċifikament ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha għaż-żmien bejn 1 Frar 2010 u 30 Ġunju 2010 li għaddiet bejn il-MEUSAC u l-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli, tar-Rabat, tal-Imdina, ta’ Ħ’Attard, ta’ Ħal-Lija, ta’ Birkirkara, ta’ Santa Venera, ta’ Ħal-Balzan, tan-Naxxar, tal-Ħamrun, tal-Furjana u tal-Belt Valletta?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnha qiegħda tiġi mgħoddija f’dokument apposta għal użu tagħha.
Jista' l-Ministru jinforma minn meta bdiet il-policy il-ġdida tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew fejn aġent jew partner Malti jkun mitlub joħroġ il-barra minn meeting meta jkun hawn il-prinċipali barranin tiegħu? Meta ġiet deċiża? Meta ġiet approvata mill-bord tad-diretturi u meta ġiet approvata mill-Ministeru? Kemm-il aġent intbgħat barra mill-meetings bħal dawn s'issa din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tistax tingħata kura l-Isptar permezz ta' drip kif isir ma' pazjenti oħra minħabba li ma tistax taffordja tixtri dawn il-pilloli kontinwament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pilloli Evista® huma indikati għall-kura u l-prevenzjoni tal-osteoporożi fin-nisa wara l-menopawsa. Dawn il-pilloli mhumiex fil-lista ta’ mediċini b’xejn li jingħataw mill-Gvern u osteoporożi fin-nisa wara l-menopawsa mhijiex waħda mill-kundizzjonijiet tal-Ħames Skeda tal-Att tas-Sigurta’ Soċjali (emendata 2012) li għalihom tingħata kura b’xejn.
Il-mediċini għall-osteoporożi li jingħataw mill-isptar bid-drip huma ristretti bi protokolli għall-pazjenti li għandhom osteoporożi minħabba li ħadu kura ta’ sterojdi fit-tul għal waħda mill-kundizzjonijiet imniżżlin fl-imsemmija Ħames Skeda tal-liġi.
Peress li kienu bosta l-każini tal-banda li kienu wrew interess mal-Uffiċċju li qabel kien tal-Onor. Chris Said, li jistallaw il-pannelli fotovoltajci u sal-lum għadhom ma ngħataw ebda risposta, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għadux bil-ħsieb li jgħinhom jistallaw l-apparat? Jekk iva, meta se jsiru l-ewwel istallazzjonijiet? Kemm każini wrew interess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onor.Interpellant jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rranġat is-saqaf ta' post peress li l-persuna li tgħix fih u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għalkemm ilha tirrapporta l-ħsara madwar dawn l-aħħar sentejn, xorta għad għandha l-istess problema?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-Awtorità tad-Djar toffri Skema SM għal dan il-għan. L-inkwilina hija mħeġġa tirrikorri l-Customer Care tal-Awtorità sabiex tapplika u tibbenefika minnha
San Pawl il-Baħar — toroq li għandhom bżonn it-tarmac
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32296 partikolarment għall-fatt li din it-triq għad m'għandhiex 70% tagħha li hi mibnija, u billi l-bini li hemm f'din it-triq hu kważi kollu mibni mill-Awtorità tad-Djar, jista' l-Ministru jikkordina l-ħidma neċessarja ma' din l-istess awtorità, biex ma nħallux persuni li ngħataw fejn joqogħdu mill-gvern innifsu ma jkunux jistgħu jidħlu f'darhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 32620, 23782 u 23783, jista' l-Ministru jgħid meta tqassmet din l-għajnuna, jekk tqassmitx kollha u jekk jafx li għad hemm numru ta' bdiewa li għadhom ma ħadu xejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern, taħt il-programm Special Marketing Policy Programme for Maltese Agriculture għas-settur tal-ħalib, liema programm jinkludi fih ir-ristrutturar tal-irziezet, kien hemm ivvutati pakkett ta' €13.17 miljuni. Jien infurmat li din l-għajnuna tqassmet kollha. Barraminhekk, ħarġu għajnuniet oħra taħt il-programm tal-Iżvilupp Rurali għal-istrutturar tal-istess irziezet skont kif kont indikajt fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23783.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W272 datata 8 ta' Awwissu 2011 u cioè jgħid b'kemm naqsu l-emissjonijiet ta' diossidu karboniku min-naħa ta' pajjiżna mill-2008 għall-2010?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari kienet ingħatatlu nhar it-28 ta’ Novembru li għadda għall-mistoqsija identika mressqa minnu stess, numru 29658.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W286 datata 8 ta' Awwissu 2011 u W74 datata 14 ta' Lulju 2010?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija parlamentari numru W286 ġiet imwieġba permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 29653 u l-mistoqsija parlamentari numru W74 ġiet imwieġba permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 19268.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W78 datata 23 ta' Lulju 2010 u cioè ladarba l-Gvern qed jinnegozja x-xiri tal-isptar St Philips, għaliex ma saritx sejħa pubblika għall-interess jew sejħa għall-offerti għal dawk interessati li jipprovdu servizz simili, jew anke bejgħ ta' faċilitajiet simili, ta' dak l-isptar St Philips
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu funds (kwantità u ammonti) u kienu approvati mill-Malta Enterprise bejn 2009 sa 2012? Kemm min dawn il-kumpaniji (kwantità u ammonti għal kull sena li ġew approvati) kienu kompluti? Kemm min dawn ġew imħallsa (kwantità u ammonti għal kull sena li ġew approvati)? Min dawk li għadhom ma tħallsux, kemm minnhom għandhom garanzija li jitħallsu u meta? Min dawk li għadhom ma tħallsux u l-ebda ħlas għadu ma ġie approvat, x'qed iżomm milli jsir dan il-ħlas? Kien hemm xi pagamenti li kienu approvati mill-Malta Enterprise u li issa qed jiġu evalwati?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Malta Enterprise tapprova assistenza taħt tliet kategoriji ta’ għajnuna:
- Inċentivi fiskali
- Għotjiet lokali
- Għotjiet taħt fondi Ewropej
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dettaljata tal-assistenza kollha approvata u mogħtija mill-Malta Enterprise. Matul il-perjodu 2009 – 2012 (sa l-aħħar ta Marzu 2012), il-Korporazzjoni approvat 5,143 proġett għal total ta’ madwar €200 miljun, li fil-maġġor parti tagħhom kienu assistenza fiskali li tiġi approvata wara li l-investiment ikun diġà sar. Il-krediti ta’ taxxa imbagħad jitnaqqsu mit-taxxa dovuta mill-kumpanija lid-dipartiment tat-taxxa.
L-assistenza għar-riċerka u żvilupp, u proġetti li jagħmlu użu minn Access to Finance (li jinkludu soft loans, loan guarantees u interest subsidies) normalment jingħataw fuq perjodu ta’ bejn sentejn u seba’ snin u għalhekk dawk elenkati ikunu għadhom qed jitwettqu. Assistenza taħt inċentivi oħra fuq-proġetti li jiġu approvati, normalment titlob li l-proġetti għandhom jitlestew fuq medja ta’ 24 xahar.
Wara il-31 ta’ Marzu 2012, il-Malta Enterprise għandha impenn li tħallas assistenza approvata imma pendenti ekwivalenti għal €18,368,055. F’dawn il-każi, it-talbiet jiġu imħallsa wara li l-proġett ikun komplut u għaldaqstant din l-assistenza hi maqsuma fuq numru ta’ snin.
Fir-rigward tal-proġetti li qed jiġu implimentati bħala benefiċjarji tal-fondi ERDF, dawn ser jitħallsu fl-24 xahar li ġejjin u jammontaw għal €21,805,671. Uħud minn dawn il-proġetti għadhom fi stat ta’ implimentazzjoni filwaqt li oħrajn qegħdin fil-proċess li jiġu verifikati qabel jitħallsu. Il-Malta Enterprise bħalissa qeda tevalwa 156 talba taħt dawn l-iskemi li flimkien jammontaw għal €6,657,919. Dawn it-talbiet jagħddu minn proċess ta’ verifikazzjoni li jinkludi numru ta’ żjarat fuq is-sit li fih ġie implimentat il-proġett, kumpilazzjoni ta’ rapport dwar kull proġett, kif ukoll kontroll finanzjarju tad-dokumenti kollha sottomessi. Infakkar ukoll li r-rimborżi tal-fondi ERDF ma jitħallsux mill-Malta Enterprise direttament iżda mit-Teżor. Ta’ min jinnota illi diġà ġew imħallsa proġetti li flimkien ammontaw il-fuq minn €12–il miljun ewro.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ġenituri tul din il-leġislatura li weħlu multi minħabba li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola mingħajr awtorizzazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru tal-Ġustizzja, KOnsultazzjoni Pubblika u l-Familja — family friendly measures
Question
Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta’ kemm kienu dawk il-ħaddiema fid-dipartimenti tiegħu u dawk li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kienu qed jibbenefikaw mill-family friendly measures?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ haddiema li jibbenefikaw minn family friendly measures fid-Dipartimenti li jaqghu that il-Ministeru tieghi huwa ta’ 421 persuna. Lista taghhom qed titpogga fuq il-mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 27045, jista’ l-Ministru jgħid meta finalment se tiġi emendata l-Mental Health Act liema liġi ilha ma tiġi emendata mill-1976?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Mental Health Act ġie approvat mill-Kabinett. L-Att se jiġi tradott għall-Malti u se jintbagħat il-Justice Unit sabiex jiġi rivedut.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24966, jista’ l-Ministru finalment jgħid meta se jiġu implimentati n-National Standards of Out of Home Childcare li ilhom li ġew ippubblikati mill-2009?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali fassal pjan ta’ konsultazzjoni fuq l-implimentazzjoni ta’ In-National Standards for Out of Home Child Care (2009) fejn l-istake holders kienu involuti f’din il-pjan u sa l-aħħar ta’ din is-sena se jkunu imwettqa numru ta’ miżuri li se jgħinu lill-istakeholders jimplimentaw parti minn dan id-dokument.
Jista' l-Ministru jara jekk tistax tinħareġ il-P3 ta' bejn l-1986 u l-1988 tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li mhux qed tieħu l-ammont kollu tal-pensjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li għandu l-gvern għal bypass li se tgħaddi minn ġewwa r-raħal tal-Iklin? Huma minnu li qabel l-Elezzjonijiet Lokali tal-2012 ingħatat lura plot ta' art lis-sidien u li qabel kienet maħsuba għall-istess proġett?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li Transport Malta m'għandhiex fil-pjan tagħha proġett għall-bypass li tgħaddi minn ġewwa r-raħal tal-Iklin.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rilaxx ta' art ma' jaqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Apparat biex jgħid fi tfixxijiet ta' sustanzi illegali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar sitt xhur il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin akkwistatx xi apparat ġdid intiż biex jgħin fi tfittixijiet għal sustanzi illegali? Jista' jgħid dan l-apparat ġiex akkwistat mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema apparat qed jirreferi għalih.