Legislature:
Category:
Reset
Active:

każ dwar meter

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li bidlulha l-meter għax kien waqaf jaħdem u issa tixtieq tkun taf x'inhi l-pożizzjoni tagħha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

C.S.A.F — kuntratt ta' rikonoxximent

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jiġi ffirmat il-kuntratt ta' rikkonoxximent bejn il-Gvern ta' Malta u l-NGO ta' C.S.A.F Senglea li jieħdu ħsieb l-istray cats tal-Kottonera?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-permess ta’ ‘encroachment’ a favur l-organizzazzjoni C.S.A.F, qiegħed jitħejja mid-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern.

Provvista ta' majjal lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-provvista tal-majjal lokali kinetx suffiċċjenti fix-xhur ta' April u Mejju u għad-domanda tas-suq lokali? Jista' jassigura li fix-xhur Ġunju, Lulju u Awwissu 2012 se jkollna l-ammont ta' majjal lokali li jlaħħaq mad-domanda mitluba mill-konsumatur Malti u Għawdxi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari numri 32693 u 32692 mressqa minnu stess, infakkru li l-attività hija waħda kummerċjali.

Trobbija tal-bhejjem u t-tjur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju biex jiddentifika xi problemi qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-raħħala tagħna fit-trobbija tal-bhejjem u tjur? Dawn il-problemi huma ddentifikati u kwantifikati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li kull produttur għandu numru ta’ problemi partikolarment tiegħu u differenti minn ta’ oħrajn, nitolbu jikkjarifika għal liema problemi partikolari qiegħed jirreferi.

Domanda għal-laħam tat-tjur, majjal u ċanga

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qed isir xi studju biex jara d-domanda għal-laħam tat-tjur, majjal u ċanġa kif sejra tkun għax-xhur u snin li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dawn is-setturi jaħdmu fuq bażi kummerċjali u l-projezzjonijiet tad-domanda u n-nuqqas ta’ ċertezza li joffri il-futur huma l-bażi tar-riskju li jieħu kull imprenditur.

containers vojta mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu containers vojta li huma mikrija mid-dipartiment tiegħu biex jintużaw minn dan l-istess dipartiment? Jista' jgħid għal liema raġuni qed jintużaw dawn il-containers u kemm qed jiġu jiswew kuljum lill-istess dipartiment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku għal liema containers u dipartiment qiegħed jirreferi.

studju fuq siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju fuq l-aħħar ħames snin biex jara kemm inżergħu siġar f'dan il-perjodu u kemm mietu siġar fl-istess żmien? Jista' jiddentifika x'kienet ir-raġuni li dawn is-siġar mietu? X'tip ta siġar inżergħu matul dan l-aħħar ħames snin fil-gżejjer tagħna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed lattenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-attività ta’ tnissel, żergħa, tħawwel, importazzjoni u esportazzjoni ta’ siġar mhix waħda kontrollata ħlief għall-ispeċi elenkati fi Skeda III tal-Avviz Legali Nru 200 tal-2011 u skond kontrolli definiti meħtieġa minn żmien għal żmien permezz ta’ Avviżi Legali taħt l-Att 433 (Att Dwar il-Kwarantina tal-Pjanti). Għaldaqstant ma jinżammux records ta’ kemm jitħawwlu siġar f’Malta u l-anqas ta’ kemm imutu. Madankollu nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28518 (orali) u Mistoqsija Parlamentari numru 273 (Miktuba) fejn urejt li direttamant bi tħawwil li għalih kien responsabbli dan il-Ministeru u indirettament permezz ta’ importazzjoni u bejgħ ta’ varjetajiet ta’ siġar tal-frott, fil-perjodu imsemmi tħawwlu madwar 180 elf siġra.

persuni li għandhom il-protezzjoni tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex li jingħatalhom il-protezzjoni tal-pulizija Maltija u Għawdxija 24 siegħa kull jum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 6 persuni li għandhom sorveljanza tal-Pulizija 24 siegħa kuljum.

C.S.A.F — kuntratt ta' rikonoxximent

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34750 u jgħid meta mistenni jiġi ffirmat il-kuntratt ta' rikkonoxximent bejn il-Gvern ta' Malta u l-NGO ta' C.S.A.F Senglea li jieħdu ħsieb l-istray cats tal-Kottonera?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34750.

Transport Malta — azzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34387 u cioè: B'referenza għall-ittra mill Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern tat-18 ta' Settembru 2008 li referenza tagħha qed tintbagħat separatament, jista' l-Minsitru jgħid x’azzjoni ħadet Transport Malta billi l-korrispondenza kienet ġiet mgħoddijja lilhom mid-Director Estate Management Department of Government Property Division?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-twessiegħ tat-triq in kwistjoni sar mill-applikant stess biex ikun jista’ jibni skont il-linja li ġiet mogħtija mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Dan ġie kkonfermat f’ittra datata 27 ta’ Marzu 2008. F’dan ir-rigward m’għandu jkun hemm l-ebda kumpens peress li skont il-liġi, din l-art għandha tiġi ċeduta lill-Gvern bħala parti mill-kontribuzzjoni għall-formazzjoni tat-triq.

Proġettazzjonijiet u pjannijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proġettazzjonijiet/pjan li jeżisti dwar il-bżonn ta' postijiet fid-djar tal-anzjani fil-ħames u għaxar snin li ġejjin minn persuni anzjani u l-ispiża kapitali meħtieġa biex din it-talba tiġi sodisfata tul l-istess snin, peress li dan id-dokument issemma' li jeżisti waqt il-ħin ta' mistoqsijiet tas-seduta parlamentari tal-21 ta' Mejju 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-Gvern hu konvint mill-ħtieġa ta’ aktar sodod għal kura fit-tul tal-anzjani, fil-fatt f’din il-leġislatura biss, żdiedu 800 sodda ġdida għall-anzjani. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jiftaħ djar tal-anzjani u bħalisa hemm tħejjijiet għal dar tal-anzjani f’Raħal Ġdid u oħra f’Birkirkara.

Malta Security Services — karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi għas-servizz tal-Malta Security Services (MSS)? Kemm inxtraw, meta u kemm swew?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

In-nefqa, l-amministrazzjoni u l-politika fis-Servizz tas-Sigurta' huma soġġetti għall-eżami tal-Kumitat tas-Sigurta' skont kif provdut fl-Artiklu 14 ta' l-Att dwar is-Servizz ta' Sigurta' 1996.

Malta Security Services — nefqa ghall-manutenzjoni tal-karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-manutenzjoni tal-karozzi tal-Malta Security Services (MSS) xahar xahar mill-2007 sal-2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

In-nefqa, l-amministrazzjoni u l-politika fis-Servizz tas-Sigurta' huma soġġetti għall-eżami tal-Kumitat tas-Sigurta' skont kif provdut fl-Artiklu 14 ta' l-Att dwar is-Servizz ta' Sigurta' 1996.

Applikazzjoni għall-fond alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma ġietx assenjata fond alternattiv bħal l-okkupanti l-oħra tal-istess binja? Japprezza li l-post li qed tgħix fih jinsab fil-periklu kbir u għalhekk l-okkupanti l-oħra ngħataw post alternattiv?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna in kwestjoni m’għandhiex applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata biex tiġi allokata post. Hija mitluba biex tmur fl-ufficju tal-Awtorita’ tad-Djar fil-ħinijiet tal-ftuħ u tissottometti applikazzjoni.

Gżira — assenteiżmu fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-rata ta' assenteiżmu fl-iskejjel primarji u sekondarji statali tal-Gżira fl-aħħar erba' snin skolastici, inkluża dik prezenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gżira — studneti li komplew jistudjaw

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-rata ta' studenti li komplew l-istudji tagħhom mill-Gżira fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, fl-MCAST u fl-Università fl-aħħar erba' snin? X'kienet ir-rata ta' dawk mill-Gżira li ma komplewx l-istudji post-sekondarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gżira — studneti li gradwaw

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm iggradwaw studenti mill-Gżira mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi, mill-MCAST u mill-Università fl-aħħar erba' snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

stduenti li għaddew mis-SEC

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għaddew studenti fis-SEC tal-Malti, Ingliż, Matematika, Fiżika u IT fl-aħħar erba' snin? Kemm qagħdu studenti mill-Gżira għall-istess suġġetti fl-eżamijiet SEC fl-istess żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gżira — żgħażagħ li qed ifittxu xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm żgħażagħ mill-Gżira taħt id-29 sena jfittxu x-xogħol? X'inhu l-livell edukattiv tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Information regarding female prisioners

Question

In regards of parliamentary question 33567, amongst the 30 mothers who are presently incarcerated, can the Minister say how many of them have committed crimes related to drugs?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B'referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33567, ninsab infurmat illi tnax (12) minn dawk it-tletin (30) omm li kien hemm fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, ġew ikkundannati mill-Qorti fuq reati relatati mad-droga.