Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex, Rabat — Triq Santa Dminka

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Santa Dminka, Rabat, Għawdex qed jilmentaw minħabba l-fatt li kull meta tagħmel kwantita' ta' xita din it-triq qed tispiċċa mgħarrqa u dan b'dannu u inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq, jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #122 Sitting 5 2008-05-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Gozo 1234

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim milħuq ma' l-organizzaturi tal-Gozo1234 kif ukoll tagħti dettalji kollha opportuni dwar l-għażla ta' l-istess organizzaturi u tgħid kemm il-Gvern kellu fondi a disposizzjoni tiegħu għal din l-attivita' u tagħti breakdown ta' kif dawn il-fondi ġew utilizzati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru koncernat.
Leg 11 PQ #123 Sitting 5 2008-05-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Applikazzjonijiet għal żvilupp

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għall-iżvilupp ġew sottomessi għand il-MEPA dwar żvilupp f'Għawdex separatament fis-snin 2003, 2004, 2005,2006,2007? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew sottomessi minn periti li għandhom l-uffiċċju tagħhom f'Għawdex u kemm minn periti li għandhom l-uffiċċju tagħhom Malta separatament sena b'sena mill-2003 sas-sena 2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jagħtu l-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Għawdex — Applikazzjoni għall-għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il sejħa għall-applikazzjoni għall-għalliema ħarġet fi skejjel speċjali f'Għawdex f'dawn l-aħħar tlett snin separatament, kemm applikaw u kemm eventwalment ġew ingaġġati? Tista' inoltre tgħid jekk f'dawn is-sejħiet isirux xi interviews jew xi tip ta' process ta' selezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għandi ninfurmak li f’ Għawdex m’hemmx skejjel speċjali, għaldaqstant f’ dawn l-aħħar tlett snin ma ħarġet l-ebda sejħa għall-għalliema.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jindika l-ammonti ta' spetturi li rriżenjaw/tkeċċew/telqu mill-Korp tal-Pulizija sena b'sena mill-1998 sa April ta' l-2008?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Appelli fil-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ammonti ta' appelli li saru fil-Qorti ta' l-Appell minn sentenzi tal-Qorti tal-Familja bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-1 ta' Jannar 2008? Kemm hu dan l-ammont bħala persentaġġ ta' l-appelli kollha li saru? Kif jitqabbel dan ir-ratio mar-ratio ta' kawżi fil-Qorti tal-Familja introdotti fil-perijodu de qua mat-total tal-kawżi ċivili introdotti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar 2007 u l-ewwel ta’ Jannar 2008 kien hemm 33 appell minn sentenzi tal-Qorti tal-Familja. Dan l-ammont huwa 5.91 fil-mija tal-appelli kollha li ġew deċiżi matul l-istess perjodu. Meta wieħed iqabbel in-numru ta’ kawzi fil-Qorti tal-familja li ġew introdotti fil-perjodu msemmi mat-total ta kawzi ċivili kollha introdooti fl-istess perjodu dan jagħti ratio ta’ kawża fil-Qorti tal-Familja għal kull 2.4 kawzi ċivili.

Marsaskala by-pass — Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet konkreti għandu l-Gvern biex tiġi solvuta l-problema akuta ta' l-għargħar fit-triq l-antika li minn Żabbar tieħdok għal Marsaskala u ċioe' l-hekk imsejħa by-pass l-antik?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Riċiklaġġ ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' skart għar-riċiklaġġ li nġabar, lokal lokal, fl-ewwel jiem minn mindu daħlet l-iskema tal-ġbir ta' l-iskart għall-iskop ta' riċiklaġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ skart għar-riċiklaġġ li nġabar lokal b’lokal huwa skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Trade Unions

Question

Jista' l-Ministru jindika lista sħiħa tat-Trade Unions kollha li hawn f'pajjiżna, bl-uffiċċju reġistrat tagħhom inkluż?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għaqda Mediterranja — Twaqqif

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti u x'sar, jekk saret xi ħaġa, fuq il-proposta tal-Gvern Franċiż dwar it-twaqqif ta' Għaqda Mediterranja?

Response (BORG, TONIO)

Fl-isfond tal-pożizzjoni ġeo-strateġika u l-vokazzjoni naturali tagħha fir-reġjun Mediterranju, Malta - sa mill-ewwel proposti ta' l-inizjattiva Franċiża - fittxet li tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ. F'dan ir-rigward, ġew mgħarrfa l-oqsma konċernati li Malta lesta li tospita s-segretarjat ta' din l-Unjoni, kemm-il darba jkun hemm il-bżonn li Malta toffri s-servizzi tagħha. Il-Gvern jinsab impenjat ukoll li jfittex parteċipazzjoni xierqa fi proġetti immirati lejn it-tisħiħ tal-koperazzjoni fir-reġjun.

Reġistrazzjoni ta' raba' — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex numru sostanzjali ta' bdiewa li fit-13 ta' Mejju, 2008 marru Ta' Qali biex jirreġistraw ir-raba' tagħhom għas-sussidju, intbagħtu lura lejn darhom, minkejja li kien ilhom (uħud minnhom) jistennew mill-5.30 a.m ta' filgħodu? Kif ser jiġi assigurat li dawn il-bdiewa ma jitilfux id-drittijiet tagħhom, minkejja li l-għeluq tar-reġistrazzjoni hu l-Ħamis, 15 ta' Mejju, 2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-bdiewa ġew infurmati permezz ta’ ittra mibgħuta lilhom fix-xahar ta’ Marzu, sabiex jattendu matul ġimgħat speċifiċi. Il-bdiewa ġew avżati li jistgħu jattendu sabiex japplikaw bejn is-7.30am u t-3.00pm. Billi n-numru ta’ bdiewa li ġew japplikaw kien wieħed sostanzjali, l-Uffiċjali bdew iżommu numru ta’ bdiewa li fil-fehma tagħhom setgħu jinqdew kuljum. Dawk li ma kienux ser jinqdew matul il-ġurnata kellhom jingħataw appuntament ieħor biex ma joqogħdux jistennew għal xejn. Il-bdiewa kollha li riedu japplikaw sal-15 ta’ Mejju 2008 ma kellhomx diffikultà li jagħmlu dan, tant li l-fergħa ta’ l-Applikazzjonijiet fi ħdan l-Aġenzija tal-Pagamenti kkuntatjat hija stess lil dawk il-bdiewa li kellhom xi problema fl-applikazzjoni tagħhom sabiex jemendawha, u b’hekk ma jeħlux penali.
Leg 11 PQ #134 Sitting 5 2008-05-19 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Shooting ranges

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għax-shooting ranges madwar Malta u Għawdex? Jista' fl-istess ħin jagħti tagħrif fhiex wasal it-tfassil tal-policy dwar ix-shooting ranges?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sistema ta' l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għandha quddiemha erba' (4) applikazzjonijiet għal shooting ranges madwar Malta u Għawdex. Tlieta minnhom qegħdin jistennew l-ewwel deċiżjoni u l-oħra qegħda għar- reconsideration . Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem shooting, range jew sparar. Il-politika dwar ix-shooting ranges qegħda tiġi kkunsidrata.
Leg 11 PQ #136 Sitting 5 2008-05-19 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta' flus miġbura mill-MEPA taħt l-iskema ta' CPPS jew xi skemi oħra, sa mit-twaqqif tagħha? Kemm huma l-ammonti maqsuma lokal, lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fulq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Uffiċċju tad-dipartiment

Question

Jista' l-Ministru jagħti ndikazzjoni dwar meta hu mistenni li l-uffiċċju li d-dipartiment għandu fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar jiġi trasferit għall-Qawra, fejn hemm numru ta' faċilitajiet oħra u aħjar mill-imsemmi uffiċċju?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li għad fadal xogħol xi jsir fl-uffiċċju l-ġdid indikat mill-Onor. Interpellant u għalhekk mhux mistenni jibda jopera ta’ l-anqas qabel xahrejn.
Leg 11 PQ #139 Sitting 5 2008-05-19 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Time share

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li huma awtorizzati/liċenzjati li jbiegħu t-time share f'Malta? Jista' jagħti ndikazzjoni dwar jekk dawn il-persuni jkunux awtorizzati biex jaħdmu f'Malta/Għawdex kollu, jew jekk hux għal xi lokalita' partikolari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

San Gwann — Zbrof ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u immedjati biex żbrof u leakage tad-drenaġġ li hemm f'sit ta' kostruzzjoni fi Triq in-Naxxar, San Gwann u li x'aktarx qed jirriżulta minn ħsarat fis-sistema komuni jew privati fi Triq San Franġisk, San Gwann, tiġi solvuta urġentament u dan fl-interess tas-saħħa pubblika tar-residenti fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li peress li l-ħsarat huma f'residenza privata, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Għoti ta' tags

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qegħda ssir diskriminazzjoni fl-għoti tat-tags tat-taxi(s) u l-applikazzjoni tar-regolament 131 (4)(a) tal-liġi sussudjarja 65.11 meta persuni li weħlu sentejn priġunerija għall-perjodu ta' snin bħal każijiet ta' dawk li ħadu liċenzja tal-baħar u instabu ħatja u dawn ingħataw t-tag? Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li ngħatat sentenza sospiża u t-tag bħala taxi driver qegħda tiġi rifjutata lilu mill-Awtorita' tat-Trasport? Jara li dan huwa aġir diskriminatorja u inġust?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament mhix eliġibbli għat-tag ta' xufier ta' taxi skond il-liġi. Ir-regolament li jikkwota l-Onor. Interpellant jgħid li waħda mill-kundizzjonijiet sabiex persuna tingħata t-tag ta’ l-ADT hija li din għandha jkollha kondotta tajba . Infurmat ukoll li skond il-liġi sussidjarja 65.11, Regolament 131 (4) (a) “persuna ma tkunx meqjusa li hi ta’ kondotta tajba jekk tkun instabet ħatja, matul l-aħħar ħames snin, ta’ reat li jista’ jeħel piena dwaru ta’ żmien ta’ priġunerija ta’tliet xhur jew aktar minn tliet xhur jew multa ta’ mil-lanqas erba’ mija u ħamsa u sittin euro u sebgħa u tmenin ċenteżmu”. Jirriżulta li l-persuna li dwarha intbagħtu d-dettalji separatament ma tikkwalifikax sabiex tingħata t-tag ta’ l-ADT peress li din ingħatat sentenza ta’ priġunerija sospiza għall-sentejn.
Leg 11 PQ #178 Sitting 5 2008-05-19 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħatriet f'bordijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jġib fis-seħħ il-wegħda elettorali tiegħu nru 258 tal-manifest tal-PN li għal aktar trasparenza ħatriet f'bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni? Dan ser jgħodd għall-bordijiet kollha inklużi dawk tal-kumpaniji parastatali jew le? U jekk le, għal liema bordijiet ser jgħodd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.