Peress li għaddew xhur minn mindu saru studji fuq l-ilma li jinżel tul Triq Saver Zarb, San Ġwann u jkompli ġo Triq Birkirkara u peress li nafu li kien hemm rakkmandazjoni għal xi xogħlijiet, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi data meta dawn ix-xogħlijiet se jibdew, ġaladarba nafu li xitwa oħra tasal?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-rapport tal-imsemmi xogħol tlesta u bħalissa qed titħejja s-sejħa għall-offerti biex dan ix-xogħol ikun jista’ jinbeda aktar tard din is-sena.
B'referenza għall-ktieb ta' 160 paġna maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru bit-tema Ħidma tal-Gvern 2008-2013:
a) jista' l-Prim Ministru jgħid kemm sewa dan il-ktieb;
b) jista' jgħid jekk dan ġiex ipprintjat l-istamperija tal-gvern jew le;
ċ) jista' jgħid jekk dan hux qed jintbagħat f'kull dar f'Malta u Għawdex; u
d) jista' jgħid jekk mhux qed jintbgħat lil kulħadd, b'liema kriterji ġie magħżul min qed jirċevieh?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-pubblikazzjoni informattiva dwar il-ħidma tal-Gvern fl-ewwel erba’ snin ta’ din il-leġislatura u li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ma tqassmitx f’kull dar. Ġew stampati 5,000 kopja li tqassmu fost l-oħrajn lil nies interessati u lill-media. L-istamperija tal-Gvern ma kinitx f’pożizzjoni li tistampa din il-pubblikazzjoni u għalhekk l-istampar sar minn min ta’ l-orħos prezz li kien ta’ €6,200. L-ogħla prezz kien ta’ €10,502.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu jew se jittieħdu mill-gvern sabiex joffri alternattiva għat-telf ta' madwar 340 parkeġġ biex jitwettaq il-proġett tal-aquarium ġewwa l-Qawra, liema nuqqas diġà qed jinħass u li se jinħass aktar fil-ġimgħat li ġejjin meta eluf ta' Maltin u turisti jkunu alloġġjati f'dawk l-akkwati?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġgett tal-Akkwarju Pubbliku fil-ponta tal-Qawra huwa proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja b’investiment ta’ aktar minn 15 il-miljun Euro. Dan il-proġett qed isegwi eżatt id-Development Brief kif maħruġa mill-MEPA u s-sit li ntagħżel kienet biċċa art mal-kosta li kienet diġa’ ddisturbata. Il-parkeġġ fil-ponta tal-Qawra, li jifforma parti mill-iżvilupp, kien jesa’ 88 karozza u mhix 340 parkeġġ kif erroneament indikat fil-mistoqsija parlamentari u issa ser ikun żviluppat fuq żewġ livelli biex jesa’ madwar 166 karozza.
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul l-2008, l-2009, l-2010, l-2011 u l-ewwel erba' xhur tal-2012, jekk qattx kien akkumpanjat mis-sinjura tiegħu jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu waqt safar uffiċjali tal-gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni? X'kien l-iskop tas-safra? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża f'kull okkażjoni u kemm damet kull safra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-unika persuna mill-familja tiegħi li akkumpanjatni fuq xogħol uffiċjali kienet il-mara tiegħi f’dawn l-okkażjonijiet li għalihom kienet mistiedna
Sena
Post
Skop tas-safra
minn meta
sa meta
2008
Germany
25 anniversarju ta’ Frosch Touristic
01/08/2008
03/08/2008
2008
France
Inawgurazzjoni ta’ Esebizzjoni - ‘Between the Battlesword and the Cross: Masterpieces of the Armoury of Malta’
19/10/2008
21/10/2008
2009
Trinidad & Tobago
CHOGM 2009
26/11/2009
29/11/2009
2012
UK
Investiment fil-Promozzjoni ta’ Malta f’Harrods ‘This is Malta’
13/03/2012
14/03/2012
Dwar l-ispiża ta kull safra, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghas-segwenti:
Spiża 2008: Risposta ġa ingħatat f’mistoqsija parlamentari nru: 6452.
Spiża 2009: Risposta ser tingħata f’mistoqsija parlamentari nru:
W 497
Spiża 2012: Risposta ġa ingħatat f’mistoqsija parlamentari nru: 33161
F’dawn l-okkażjonijiet hija ma rċevitx Subsistance Allawance u fl-ebda każ ma ntużaw fondi pubbliċi għall-akkomodazzjoni tagħha.
Proġetti ta' Bieb il-Belt, bini tal-Parlament il-Ġdid u Teatru Rjal — self ma' banek lokali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar self sal-lum mill-Grand Harbour Regeneration Consortium ma' banek lokali b'rabta mal-proġett ta' Bieb il-Belt, il-bini tal-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Grand Harbour Regeneration Corporation għandha total ta’ € 33.6 miljun f’self ma’ banek lokali b'rabta mal-proġett ta' Bieb il-Belt, il-bini tal-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kumpaniji joperaw bħalissa f'Smart City? Min huma? F'liema settur joperaw u kemm huma l-ħaddiema li kull waħda minn dawn il-kumpaniji timpjega fi Smart City?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kumpaniji joperaw bħalissa f'Smart City? Min huma? F'liema settur joperaw u kemm huma l-ħaddiema li kull waħda minn dawn il-kumpaniji timpjega fi Smart City?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li kien ingħata għall-mistoqsija parlamentari numru 22589.
eks fabbrika tal-Playmobile — bus shelter li resqet
Question
Jista' l-Ministru jara li jerġa' jsir bus sheleter fl-istage li kien hemm ħdejn l-eks fabbrika tal-Playmobile, peress li issa niżluh 'l isfel u fejn kien qabel kien ta' għajnuna kbira għal dawk li kienu jużawh speċjalment minn persuna li għadha tifla b'diżabilità, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li quddiem l-ex fabbrika tal-Playmobil f’Bulebel ma kien hemm l-ebda bus shelters imwaħħlin li ġew maqlugħa.
Tista' l-Ministru tara fiex wasal il-każ ta' tfajla li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li se tispiċċa mill-Università u applikat għall-facilitator u għad ma kellhiex rispsota u hija għandha aktar ċertifikati milli mitluba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ learning support assistants jagħlqu fl-aħħar ta’ Mejju 2012.
L-applikanti eliġibbli li applikaw f’Marzu, April u Mejju se jsirilhom l-‘Interview’ wara l-għeluq tad-data tal-applikazzjoni.
Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur — Każijiet reġistrati mat-Tribunal
Question
B'referenza għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 34264, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-każijiet li ġew reġistrati mat-Tribunal ġew deċiżi mit-Tribunal għas-snin 2008, 2009, 2010, 2011 u l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Għas-snin imsemmija, kemm minn dawk id-deċiżjonijiet meħuda mit-tribunal ġew onorati mill-partijiet konċernati u x'għamel dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u llum l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur biex jara li d-deċiżjonijiet meħuda minn dan it-tribunal jiġu osservati?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'titolu għandu l-gvern fuq l-ex Pixxina Nazzjonali f'Wied il-Għajn? F'idejn min qiegħed il-pussess ta' din l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament? Jekk kien hemm trasferiment tal-pussess mill-gvern favur terza persuna, x'kundizzjonijiet kien hemm għal tali trasferiment? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv? Min hu s-sid taż-żona prestina li hemm biswit l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament, liema żona pristina tibqa' tieħdok sax-Xgħajra? Hemm xi piżijiet/drittijiet reali favur terzi f'din iż-żona?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi l-proprjeta li fuqa inbniet l-ex Pixxina Nazzjonali f’Wied il-Għajn tinsab fil proċess li tiġi Akkwistata. Il-Pixxina hija mikrija lil M’Scala Sports Club. Dwar it-talba biex kopja tal-kirja titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, l-Onor. Interpellant japprezza ċertament li dan hu kuntratt ta’ natura personali/privata mhux pubblika. Għalhekk tlabt lid-Dipartiment jitlob il-kunsens tal-inkwilin konċernat biex tali skrittura titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-propjeta’ llum hija amministrata mill-Kunsill Malti Għall-Isport.
Rigward iz-zona pristina li hemm biswit l-ex Pixxina Nazzjonali, nikkonferma li din l-art
hija art tal-Gvern li bħalissa mhix mikrija.
Jista' l-Ministru jara li jsir patching fi Triq il-Baċir Paola peress li hemm ħafna ħofor u jekk isewwiha l-kunsill lokali, tiġih spiża kbira peress li minn din it-triq ma jgħaddux biss residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà tal-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija tal-Kunsill Lokali.
Pjanijiet għat-tibdil tal-post minflokk is Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33951 u jgħid x'inhuwa l-pjan fejn qabel kien hemm ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid? Jista' jgħid jekk il-gvern kellux xi laqgħat biex din l-art tinbidel għal skop ieħor? Jekk fl-affermattiv x'kienu l-laqgħat? Jekk qatt ma saru laqgħat, jista' jgħid jekk hemmx xi pjan għal din l-area? Jista' jgħid jekk hemmx xi pjanijiet għal Sir Paul Boffa Avenue? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi flyover? Hemm il-ħsieb li jsir pjan biex jonqos it-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ninsab infurmat li kien hemm studji u anke proposti preliminari biex tiġi mtejba s-sistema tat-traffiku fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Uħud minn dawn il-proposti huma sistema ta’
flyovers
f’numru ta’
junctions
biex it-traffiku ikun jista’ jimxi aħjar u jkun hemm inqas konġestjoni fl-istess
junctions
.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33893 u jara li l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li rċieva kont tad-dawl u ilma li jammonta għal €1649 meta s-soltu l-kont ma jkunx jaqbeż €200? Jekk m'hemmx żball jista' jara li xi ħaddiema jmorru fuq il-post għax jista' jkun li hemm xi ħsara?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, apparti vetturi, x'ammont u x'tip ta' investiment sar fit-tagħmir tat-Taqsima tal-Forensic Crimes fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34697.
Bordijiet taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bordijiet taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi ġewx kollha kostitwiti? Min huma l-membri? Fuq liema kriterji ntgħażlu u f'każ li mhumiex kostitwiti, għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bordijiet li jipprovdi għalihom l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi qegħdin fil-proċess li jiġu kostitwiti. Sa’ issa twaqqfu l-Offender Assessment Board u l-Victim-Offender Mediation Committee u l-komposizzjoni tagħhom ġiet imħabbra f’Marzu li għadda bi Stqarrijjiet għall-Istampa numri 503 u 592 rispettivament. Il-membri rispettivi ntgħazlu skont il-kriterji stipulati fl-artikli relevanti tal-Att hawn fuq imsemmi. Bħalissa qed isir ix-xogħol meħtieġ għall-appuntar tal-Parole Board u r-Remission Board.
Korp tal-Pulizija — skwadra kontra d-droga - investiment fuq tgħamir
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena apparti vetturi, x'ammont ta' investiment sar u ta' liema tip, f'tagħmir fl-iskwadra kontra d-drogi fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nixtieq inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant illi t-Taqsima ta’ kontra d-Droga tal-Pulizija għandha l-għodda kollha meħtieġa sabiex tkun tista tiġġieled b’mod effiċjenti u professjonali kontra l-kriminalita' organizzata bħalma hija l-importazzjoni u t-traffikar tad-droga. Bħal ma jista’ jifhem u japprezza l-Onorevoli Interpellant, mhux opportun li tagħrif dettaljat tal-għodda li tintuża minn din l-Iskwadra u oħrjan bħala, ikun ippublikat.
Korp tal-Pulizija — investiment fuq tgħamir fit-Taqsima tal-Investigazzjoni Kriminali
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, apparti vetturi, x'ammont ta' investiment sar u ta' liema tip fit-tgħamir tat-Taqsima tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34699 u li tapplika ukoll għal din il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Intelligence Unit, peress li hija waħda mill-aktar units importanti fil-Korp tal-Pulizija, tiġi upgraded u mtejba u b'liema mod?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Criminal Intelligence & Analysis Unit fil-Korp tal-Pulizija qed tingħatalha l-attenzjoni kollha li jixriqilha, għalkemm bħal kull ħaġa oħra dejjem jibqa' lok għal titjib minn żmien għal żmien. Matul dawn l-aħħar snin din l-iskwadra ġiet imsaħħa kemm billi inħatar Uffiċjal inkarigat minnha, żdiedu wkoll in-nies kif ukoll l-uffiċċini minn fejn topera. Ġiet ukoll fornita b'diversi apparat relatat max-xogħol tagħha. Matul is-sena l-oħra inbidlu l-kompjuters kollha għal kompjuters aktar moderni. Din l-iskwadra ser tkompli tiġi mtejba skont kif ikun meħtieġ.