Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #162 Sitting 6 2008-05-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qorti t'Għawdex — Fattiga

Question

Tista` l-Ministru tgħid meta ser tiġi ngaġġata fattiga għall-Qorti ta' Għawdex peress li issa s-sitwazzjoni saret insostenibbli?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li qieghdin jittiehdu l-passi mehtiega sabiex il-vaganza ta' fattiga fil-Qorti t'Ghawdex timtela.

Studenti Għawdxin — Facilitators

Question

Peress li f'Għawdex hemm diversi talbiet pendenti għal-facilitators u ħafna każijiet huma urġenti u iktar ma jitwal il-proċess iktar qed issir ħsara lill-istudenti konċernati, tista` l-Ministru tgħid jekk hux maħsub li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu allokati facilitators lil dawn l-istudenti Għawdxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istatementing Moderating Panel għadu kif mar Għawdex f’April 2008 u ra tnax-il tifel u tifla mill-iskejjel. Applikazzjonijiet pendenti hemm 38. Ħafna minn dawn l-applikazzjonijiet huma ta’ tfal li jinsabu fi klassijiet fejn diġa’ hemm LSA (facilitator) u qed jingħataw għajnuna.Il-bord qed jara li l-iskejjel jirreferu dawn it-tfal għall-servizzi oħra lli jistgħu jibbenefikaw minnhom. Kull applikazzjoni li jirċievi l-iStatementing Moderating Panel tingħata attenzjoni li jistħoqilha. Għadha kif ħarġet ukollsejħa għall-applikazzjoni għall-Supply LSA.

Għawdex — Sptar Ġenerali

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa kull vjaġġ bil-helicopter mill-iSptar Ġenerali ta' Għawdex għall-iSptar Mater Dei biex jinġarru pazjenti minn sptar għall-ieħor?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar , tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

National Statistics Office

Question

Billi dan l-aħħar uffiċjal għoli ta' l-Universita' f'forum fis-Sir Temi Zammit Institute, fl-Universita' wera ċertu xettiċiżmu dwar l-istatistika ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fil-konkret biex l-NSO tassigura li l-figuri tagħha jkunu l-aktar fattwali f'dan ir-rigward ħalli pajjiżna jkollu l-iżjed stampa ċara possibbli ta' dawn iż-żewġ setturi vitali għall-pajjiżna?

Response (FENECH, ANTONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-NSO jiġbor statistika dwar riċerka, żvilupp u innovazzjoni permezz ta’ kwestjonarji li jintbagħtu lill-Ministeri u d-Dipartimenti kollha tal-Gvern, il-Kunsilli Lokali u l-Extra Budgetary Units bħall-Universita’ ta’ Malta kif ukoll lill-intrapriżi li jħaddmu aktar minn 10 persuni. Naturalment il-kwestjonarju dwar ir-riċerka jintbagħat biss lil dawk l-intrapriżi li jindikaw fil-kwestjonarju fuq l-innovazzjoni li huma nvoluti wkoll f’riċerka. L-NSO beda jiġbor informazzjoni f’dawn l-oqsma permezz ta’ pilot study li sar fl-2002 meta bdiet tinġabar statistika dwar żvilupp u innovazzjoni u dan l-istħarriġ issa qed isir kull sentejn. Statistika dwar ir-riċerka bdiet tinġabar is-sena l-oħra u ser tkompli tinġabar kull sena. Il-kwestjonarju huwa bbażat fuq kriterji stabbiliti mill-Eurostat u jinkludi mistoqsijiet dwar dawn l-indikaturi: l-infieq ta’ l-intrapriża fuq ir-riċerka, in-numru ta’ ħaddiema li jagħmlu riċerka, u l-livell ta’ edukazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema. L-NSO jehmeż noti dettaljati mal-kwestjonarji biex dawn jimtlew kif suppost. Ir-rata ta’ rispons kienet ta’ 65 fil-mija fl-2006. Hija prattika li l-NSO jibgħat tliet reminders għal kull kwestjonarju li ma jintbagħatx lura bl-informazzjoni. Dan minbarra it-telefonati kontinwi biex niżguraw li l-figuri jkunu aktar fattwali u konkreti. Ir-riżultati miġbura minn dawn il-kwestjonarji jintbagħtu regolarment lill-Eurostat. L-aħħar informazzjoni ġiet ippublikata mill-Eurostat f’Marzu 2008.

Country Report on Terrorism

Question

X'inhi r-reazzjoni uffiċjali tal-Gvern Malti dwar il-Country Report on Terrorism dwar Malta 2007 li d-Dipartiment ta' l-Istat Amerikan ippubblika dwar pajjiżna fuq il-website tiegħu, flimkien ma' dak ta' għadd kbir ta' pajjiżi oħra, speċjalment fir-rigward ta' dak li ntqal dwar ir-rabta li tista' teżisti llum jew 'l quddiem bejn terroriżmu u numru żgħir ta' immigranti irregolari fid-dawl tal-qagħda ġeografika ta' pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ir-reazzjoni tal-Gvern hija li r-rapport msemmi huwa bilanċjat u fattwali u bir-raġun jenfasiżża l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u l-isforzi li saru minn naħa ta' Malta f'dan il-qasam. Fir-rigward ta' xi rabta li jista' jkun hemm fil-futur bejn organiżżazzjonijiet terroristiċi u l-immigranti rregolari, l-awtoritajiet konċernati jibqgħu dejjem viġilanti għal tendenzi ġodda li jistgħu jinbtu minn żmien għal żmien.

Bord ta' l-Appell

Question

Tista' l-Ministru tindika jekk il-Bord ta' l-Appell imwaqqaf taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni huwiex kompost? Jekk iva, kemm-il xahar dam il-Bord mhux kompost mal-elevazzjoni tal-ġudikant sedenti għall-ġudikatura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jiena nfurmata li l-Att dwar l-Edukazzjoni ma jistipula l-ebda Bord ta’ Appell.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija mill-1987 'l hawn li tressqu b'xi akkuża quddiem il-Qorti tal-Maġistrati? Kemm minnhom instabu ħatja? Kemm kien hemm minnhom li (a) weħlu sentenzi ta' ħabs; (b) weħlu sentenzi ta' ħabs sospiża (ċ) weħlu multi (d) weħlu sentenzi ta' conditional discharge? X'inhi l-linja gwida li jadotta l-Korp tal-Pulizija meta membru tal-Korp jeħel : (a) sentenza ta' ħabs (b) sentenza sospiża (c) multa (d) conditional discharge bħala dixxiplina interna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

It-tweġiba għall-ewwel parti ta' din il-Mistoqsija Parlamentari għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’każ ta’ ħtija hekk kif imsemmi fit-tieni parti tal-mistoqsija, il-Korp tal-Pulizija jimxi skond kif jipprovdu r-Regolamenti tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku

Mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata priorita' lill-fatt li dawn iż-żewġ prodotti jinsabu out of stock, i) Atrovent inhaler - ilu nieqes għal diversi xhur ii) Avonex injections? Niġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jinxtraw mis-settur privat.

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar , tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Sptar

Question

Peress li wieħed mill-indikaturi li hu magħruf li jiddetermina l-livell ta' kwalita' ta' sptar akut hu n-numru ta' sigħat minn meta pazjent jiġi admittedbi ksur sakemm issir l-operazzjoni meta din tkun meħtieġa, jista' l-Ministru jara li jsir studju dwar dan? Jaf li bħalissa hemm pazjenta fl-Orthopaedic Ward 1 bi ksur fl-għaksa li ilha preparata għall-operazzjoni fuq 48 siegħa?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-livell ta' kwalita' ta' sptar akut jitkejjel mhux biss kemm isir malajr operazzjoni iżda mill-kwalita' u komplessita' ta' l-operazzjoni li jsiru u m ir-riżultati ulterjuri ottenuti minn dawn l-operazzjonijiet. Hemm ħafna raġunijiet għala operazzjonima ssirx fl-iqsar żmien possibli. Waħda minn dawn ir-raġunijiet hija li meta jidħlu ħafna pazjenti bi ksur fuq medda ta' żmien qasir, dawn jiġu prijorizzati skond il-gravita' u l-kundizzjoni ġenerali ta' kull wieħed minnhom. ikun hemm pazjenti li minħabba fil-kundizzjoni fiżika tagħhom, ikun ta' riskju għalihom li jistennew, u jkun hemm pazjenti li l-kundizzjoni fiżika u t-tip ta' ksur li ġarrbu jippermetti li jistennew għall-operazzjoni għalkemm dan ma jkunx ta' nkonvenjent għalihom. Informat studji dwar kemm hu rilevanti il-mogħdija ta' żmien fuq ir-riżultat ulterjuri ta' operazzjoni fuq tipi ta' ksur, f'diversi partijiet ta' l-iskeletru, huwa ben stabbilit fil-litteratura mediku. Id-Dipartiment ta' l-Ortopedija huwa konxju ta' dawn l-istudji u jagħti priorita' lil dawk il-fratturi fejn hemm evidenza oġġettiva li dawn huwa l-każ. Il-każijiet ta' emerġenza fl-Ortopedija li qed jistennew operazzjoni sat-Tnejn, 19 ta' Mejju, ġew ammessi fl-isptar Mater Dei il-bieraħ il-Ħadd 18 ta' Mejju. Għalhekk nikkonkludi l-każ partikolari li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant ġie operat.
Leg 11 PQ #206 Sitting 6 2008-05-20 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartimenti, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kemm qabel kif ukoll wara t-8 ta' Marzu 2008, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin kellu disa' (9) persuni impjegati bħala self-employed. Fl-Ambaxxati Maltin hemm impjegati 11 -il persuna ingaġġati lokalment fuq bażi part-time.

Politika Soċjali — Ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?.

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li hemm xi dipartiment jew entita’ li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali jew ,minn Marzu 2008 ’l hawn, taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali li mpjegaw ħaddiema part-time u rreġistrawhom mal-Korporazzjoni għall-Impjieg u t-Taħriġ bħala self-employed. Ta’ minn jgħid li fil-każ ta’ persuna self-employed ir-responsabbilita’ li tinnotifika lil-Korporazzjoni bix-xogħol tagħha hi tal-persuna konċernata nnifisha u mhux ta’ xi prinċipal. Irrid nippreċiża li mhix ir-responsabbilta’ tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ li tirregola l-qasam ta’ l-impjieg.

Prodotti agrikoli

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru 15 tas-seduta 4 tal-14 ta' Mejju, 2008 jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jikkonsidrax li biex ikun jista' juża l-proċedura ta' safeguard clause jibda jiġbor l-informazzjoni ta' prodotti agrikoli, kemm ħxejjex u frott kif ukoll prodotti ta' inbejjed? Kemm-il darba l-informazzjoni ma tinġabarx żgur li ma tistax tintuża l-proċedura ta' safeguard clause.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant tinżamm mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika u għalhekk ma hemmx il-ħtieġa li din tinġabar ukoll minn dan il-Ministeru.
Leg 11 PQ #223 Sitting 6 2008-05-20 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Tobba barranin — Kwalifiki

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-kwalifiki ta' tobba barranin li huma meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu mpjegati fl-isptarijiet Maltin? Minn liema pajjiżi hu possibli li joriġinaw dawn it-tobba biex ikunu jistgħu jipprattikaw fl-isptarijiet tagħna?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar , tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Mellieħa — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' anzjani li bħalissa huma residenti fid-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa? Kemm hemm spazju available f'din id-dar? Minn liema lokalita' huma dawk il-persuni li qed joqogħdu fid-dar, u fejn kienu rikoverati qabel marru fid-dar ta' l-anzjani?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar , tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Naxxar — Labour Avenue

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġewx finalizzati l-pjani biex Labour Avenue, n-Naxxar tkun tista' tiġi maqlugħa u rranġata mill-ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq ma' kenitx inkluża fil-programm ta' xogħolijiet fuq toroq għas-snin 2008 - 2009.

Mellieħa — Crash barriers

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex fit-telgħa ta' Għajn Znuber, limiti tal-Mellieħa, jitwaħħlu crash barriers matul il-gandott ta' l-ilma fl-istess telgħa, u dan biex jiġu evitati inċidenti tat-traffiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-parti tat-triq in kwistjoni ġiet iffurmata u asfaltata fis-sena 2007 mill-ADT. Din il-parti fit-telgħa ta' Għajn Żnuber qiegħda tingħata priorita' fil-programm ta' xogħolijiet ta' installazzjoni ta' 'crash barriers' li għandna ppjanati.

Xemxija — Triq Katerina Vitale

Question

Jista' l-Ministru jassigura li x-xogħol marbut ma' Triq Katerina Vitale, fix-Xemxija jitlesta kemm jista' jkun malajr, u dan biex jiġi assigurat li r-residenti jibdew igawdu minn dan ix-xogħol, wara l-ispiża sostanzjali li saret biex saru s-servizzi ġodda fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fi Triq Katerina Vitale, fix-Xemxija ser ikompli nhar il-ħamis 22 ta' Mejju u jitlesta fil-futur qarib.

Surcharge tad-dawl — Vouchers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' konsumaturi li huma eliġibbli għall-vouchers tas-sussidju fuq is-surcharge tad-dawl? Jista' jgħid min hu ntitolat għal dan is-sussidju?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li preżentement qed jirċievu l-Benefiċċju ta’ l-Enerġija hu ta’ 28,118. Biex persuna tkun intitolata għal dan il-benefiċċju trid: 1. tkun qed tirċievi xi wieħed minn dawn il-benefiċċji: Għajnuna Soċjali, Għajnuna Soċjali għas- Single Parents , Għajnuna Soċjali tal-Qgħad. Għajnuna Soċjali tal-Wens, Pensjoni ta’ l-Eta`, Pensjoni tal-Wens jew Benefiċċju Speċjali tal-Qgħad; jew 2. tkun qed tirċievi Children Allowance jew Allowance Supplimentari jew Pensjoni tad-Diżabilita’ u d-dħul iddikjarat fis-sena preċedenti ma’ jkunx qabeż €7,795.76 (Lm 3,346.72). Persuna tista’ tkun initolata għall-Benefiċċju ta’ l-Enerġija wkoll għal raġunijiet umanitarji jekk tipprova li membru tal-familja, li jkun permanentement residenti f’Malta, jkun ibati minn kundizzjoni medika li minħabba fiha jkun hemm bżonn ta’ użu eċċessiv ta’ ilma u elettriku. Id-dħul tal-familja f’dan il-każ ma jridx jaqbeż €30,910.8 (Lm13,270) fis-sena.