Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Ħaddiema part-time
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru permezz ta' l-MTA jara li wara konsultazzjoni mal-kunsill lokali jibda jipprovdi sistema oħra ma' dik li diġa' teżisti biex il-ġbir ta' skart domestiku jinġabar darbtejn kuljum u b'hekk jonqos l-ammont ta' skart li jinġabar quddiem entraturi ta' djar, apartamenti u negozji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern qiegħed fil-proċess li jevalwa l-proċeduri u l-proċessi kollha relatati ma’ servizzi mogħtija mill-Kunsilli Lokali. Mhux eskluż li fejn jinstab li f’xi funzjonijiet il-Kunsilli Lokali jeħtieġu assistenza mill-Gvern ċentrali, din tingħata iżda dan jiddependi mir-riżorsi umani.
Jista' l-Prim Ministru permezz ta' l-MTA b'kordinazzjoni ma' l-ADT u l-ministeru responsabbli mix-xogħlijiet jara li jkunu mtejba l-bankini fix-xatt ta' Tas-Sliema, Triq Bizazza u Triq it-Torri fejn huwa ċentru kummerċjali b'enfazi għat-turiżmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Ministeru tax-Xogħolijiet diġà qed iħejji programm ta’ xogħlijiet biex isir re-pairing ta’ bankini fiż-żoni kummerċjali u oħrajn residenzjali. Dan ix-xogħol huwa mistenni li jibda wara s-sajf. Intant fejn il-kundizzjoni tal-bankini hu ta’ periklu, qed isir xogħlijiet biex jitneħħa l-periklu b’interventi minuri sakemm jibdew dawn ix-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru permezz ta' l-ADT jara jekk il-water culvert fi Triq il-Kungress Ewkaristiku, l-Mosta huwiex ta' periklu kemm għall-karozzi kif ukoll għal min ikun qed isuq r-rota?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-jiem li għaddew saru l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq il-post u t-tiswijiet meħtieġa qegħdin jingħataw prjorita' fil-programm ta' xogħolijiet li għandna ppjanati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ADT għandhiex standards ta' kwalita' li bihom għandhom jinbnew l-bankini? Jekk ir-risposta hija negativa, tista' l-ADT tara li jkollha standards ta' kwalita' għall-bankini? Jekk ir-risposta hija fil-pożittiv, jista' jara li l-bankini li għandna fil-komunitajiet tagħna jkunu spezzjonati u li jekk mhumiex mibnija skond standards ta' kwalita' jerġgħu jibnew mill-ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-istandards ta’ l-ADT huma ibbazati fuq l-LN364 – 2003. Kull kunsill lokali kif ukoll L-ADT huma fid-dmir li fir-rikostruzzjoni ta’ toroq ġodda li nbnew mid-data tal-LN jridu jkunu skond l-speċifikazzjonijiet tal-LN. Fin-nuqqas ta’ dan il-kuntrattur għandu jagħmel tajjeb għax-xogħol il-ħazin minn butu. Fil-Gimgħat li għaddew ħriġt Direttiva Ministerjali lill-ADT sabiex kull xogħol li jsir fit-toroq irid jibda jiġi ttestjat minn laboratorju indipendenti.
Jista' l-Prim Ministru jiddiskuti mal-kunsill lokali u mas-sidien tan-negozji sabiex il-promenade ta' Buġibba wara s-7.30 p.m. issir triq pedonali fejn ikunu jistgħu jgħaddu biss il-vetturi ta' trasport pubbliku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern matul ix-xhur li ġejjin ser ikun qed jagħti attenzjoni partikulari liż-żoni turistiċi. Diġà saru numru ta’ laqgħat ma’ sindki lokali u stakeholders interessati sabiex jiġu identifikati interventi li jwasslu għal titjieb fil-prodott turistiku. Dawn il-laqgħat anke waslu sabiex inbdew ċertu proġetti bħal fil-każ ta’ Paceville.
Is-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant ser ngħaddih lill-uffiċjali nkarigati sabiex jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi biex il-bajja ta' Għajn Tuffieħa kuljum tkun provduta bis-servizz ta' life- savers kemm-il darba dawn il-bajjiet huma fost l-iżjed perikolużi?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-arbli tad-dawl li twaħħlu fil-kampanja tal-Wardija, jinqalgħu u minflok il-cablejitqiegħed taħt l-art?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawn l-arbli gew installati biex jinbidlu l-arbli l-qodma li hemm f’din il-lokalita. Ir-residenti tal-Wardija u kif ukoll il-Kunsill Lokali kienu jafu b’dan ix-xoghol minn qabel u nbaghatitilhom stima ta’ cable taht l-art li jammonta madwar Lm6,000 imma dan ma giex approvat. Fiċ-ċirkustanzi tbiddlu l-arbli l-qodma u fl-istess ħin issaħħet l-infrasstruttura ta’ l-elettriku f’din il-lokalita minn single phase għal three phase.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn l-Awtorita' tat-Trasport u dak responsabbli mit-toroq ta' Santa Marija Estate, Mellieħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' siġar tal-palm li mietu wara li ġew attakkati mill-bumunqar aħmar (naturalment kif rrappurtati lid-dipartiment kkonċernat)? F'liema lokalita' kienu dawn is-siġar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ siġar tal-palm li mietu wara li ġew attakkati mill-bumunqar aħmar, skond kif irrapurtati lid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Pjanti sad-19 ta’ Mejju 2008 hu ta’ 69. Dawn kienu f’dawn il-lokalitajiet:
B’Kara Balzan Burmarrad G’Mangia Gzira
Hamrun Kappara Madliena Mdina Pembroke
Qawra Qormi Sliema San Ġiljan St Lucia
San Pawl il-Baħar St Venera Swieqi Ta’ Xbiex Valletta
Tista' l-Ministru tagħti t-tagħrif dwar fhiex waslu l-preparamenti biex tinbena shooting range internazzjonali biex fiha jkunu jistgħu jsiru l-world championships?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bħalissa qed isiru dikussjonijiet ma’ l-għaqdiet sportivi ta’ l-isparar biex jiġu esplorati l-possibilitajiet kollha.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' nies li qed jirreġistraw għax-xogħol maqsuma skond il-kategoriji ta' l-ETC, f'kull wieħed mill-irħula tas-Seba', l-Ħdax u t-Tnax-il distrett rispettivament?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fuq it-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex l-għassa tal-Mellieħa tkun tista' tintuża l-ħin kollu għall-iskop li hi maħsuba? Jista' fl-istess ħin jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-van li qed iservi ta' għassa jitneħħa minn fejn hu fl-iqsar żmien possibbli?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li qed tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex isiru x-xogħolijiet neċessarji fil-bini sabiex l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa tkun tista' terġa tibda tiffunzjona.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm hawn vannijiet jew karozzi f'Malta u Għawdex reġistrati bħala mobile workshop fl-aħħar seba' snin? Liema mudell ta' vann huma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li b'kollox, f'dawn l-aħħar seba' snin, ġew rreġistrati 37 vettura tat-tip mobile workshop b'dawn il-mudelli:
4 - DAF
1 - DENNIS
6 - FORD
3 - IVECO
12 - IVECO FORD
10 - LEYLAND
1 - MERCEDEZ BENZ
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq in-Naxxar, San Gwann taqax fir-responsabilita' tal-Gvern ċentrali jew inkella hux taħt ir-responsabilita' tal-kunsill lokali ta' San Gwann u dan fejn jirrigwardja ir-responsabiltajiet kollha devoluti lill-kunsilli lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Triq in-Naxxar, San Gwann hija triq distributorja skond il-klassifikazzjoni tat-toroq arterjali u distributorji li toħrog mill-Pjan ta’ Struttura għall-Gżejjer Maltin ta’ l-1992. Għalhekk din it-triq hija fir-responsabbilta’ ta’ l-ADT.
Jista' l-Ministru jinfurmani meta se jitkompla x-xogħol fi Triq it-Torri, Sliema li ġie mwaqqaf biex issir trinka ta' Enemalta għal ħanut partikolari? Jista' jinfurmani meta dan se jitkompla għaliex dan suppost diġa' sar u m'hemm l-ebda risposta bil-miktub minn uffiċjali tal-ADT għal mistoqsijiet tal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema u għar-residenti? Kienet ippjanata wkoll li ssir bankina ġdida ġo Triq it-Torri, Sliema li tagħti lejn ix-xatt, jista' jinfurmani meta dawn ix-xogħlijiet se jsiru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq il-proġett imwiegħed ta' Dock Nru. 1? Jista' jgħid jekk għandux xi target date ta' meta se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa L-Environmental Impact Assessment li issottometta il-Konsorzju qiegħed jiġi evalwat mil-MEPA waqt li konsultazzjonijiet mal-Konsorzju għadhom għaddejjin. M'hemmx target date ta' meta se jibdew ix-xogħolijiet għal issa.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslet it-talba tar-residenti li joqogħdu fi Block G, Entratura B, Triq il-Qalb ta' Ġesu', Birgu, sabiex ikun installat lift?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ippreparat il-pjanta tal-pjan eżistenti u spezzjonat il-post, indikat mill-Onor. Interpellant, permezz tal-perit kif ukoll ta’ l-inġinier tagħha. L-Awtorita' qegħda tħejji d-dokumenti meħtieġa biex tissottometti l-applikazzjoni lill-MEPA għall-permess.
Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol fuq il-Kulleġġ Santa Margerita hux miexi skond il-pjanijiet, u allura hux minnu li se tilqa' l-ewwel studenti mal-bidu tas-sena skolastika ġdida 2008/9? Tista tgħid jekk mal-ftuħ ta' l-iskola l-ġdida hux se jkun lest kull xogħol programmat? Jekk fin-negattiv, liema hu dak ix-xogħol li mhux se jkun tlesta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol kif ipprogrammat ser jitlesta mall- ftuħ ta' l-iskola.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fid-dipartimenti, kumpanniji u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u Marzu 2008 ġew impjegati 69 persuna fid-dipartimenti, kumpaniji u entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.