Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati li qed igawdu għall-benefiċċju ta' teleworking (xogħol mid-dar) fil-MEPA? Jista' jgħid għaliex din is-sistema ta' teleworking mhux qed tkun applikata għall-ħaddiema fil-gradi tekniċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Preżentament l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha tnax-il impjegat li qed igawdu mill-benefiċċju ta’ teleworking, fosthom hemm impjegata waħda li għandha grad tekniku. Preżentament l-Awtorità qegħda tikkunsidra kif il-kunċett ta’ teleworking jista’ jitħaddem dejjem b’mod li ma jintlaqtux ħażin l-operat u l-esiġenzi ta’ l-Awtorità u l-livell ta’ servizz li l-Awtorità hija mistennija li toffri lill-pubbliku.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 203 u jara li tingħata priorita' lill-fatt li dawn iż-żewġ prodotti jinsabu out of stock,
i) Atrovent inhaler - ilu nieqes għal diversi xhur
ii) Avonex injections?
Niġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jinxtraw mis-settur privat.
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-'Atrovent inhaler' huwa in stock fid-Dipartiment tal-Procurement tal-Gvern (Taqsima tas-Saħħa). L-aħħar konsenja waslet fit-30 ta' April, 2008.
Informat ukoll li l-Kuntrattur tad-Dipartiment tas-Saħħa għall-'Avonex injections' ma ġabx l-ordni skond iż-żmien indikat fil-kuntratt, id-dipartiment xorta waħda qed jixtri stock minn band'oħra. Il-Kuntrattur għandu jirċievi l-istock minn barra minn Malta tul din il-ġimgħa u minnufih jgħaddih lid-Dipartiment. Nhar is-Sibt 17 ta' Mejju 2008 waslet konsenja limitata ta' din il-mediċina li ġiet imqassma lil pazjenti matul tmiem il-ġimgħa.
In vista tal-fatt illi huwa previst li l-prezz internazzjonali taż-żejt qed jogħla u se jibqa' jogħla fil-futur qarib u kif ukoll minħabba li hemm previżjoni li anke l-prezzijiet ta' ċereali u qmugħ se jkompli jogħla, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri prekawzjonali se jieħu l-gvern biex inaqqas jew ixejjen l-impatt ta' din iż-żieda fuq l-ekonomija Maltija?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkompli l-iskema ta' asfaltar ta' toroq residenzjali madwar Malta u Għawdex? Jista' jgħid ukoll meta se jkunu asfaltati Triq Eugenio Borg u Triq Wenzu Dyer fil-Hamrun?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fix-xhur li għaddew l-ADT bniet mill-ġdid Triq Oscar Zammit, Triq Roger Debattista u Sqaq il-Kubrit (il-parti ta’ fuq u il-parti t’isfel) fil-lokalita’ tal-Ħamrun. L-ADT qegħda tkompli bil-programm ta’ bini ta’ toroq madwar Malta skond kif kien imħabbar. Triq Eugenio Borg u Triq Wenzu Dyer huma fil-lista ta' toroq li għandhom isiru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus kunsill b’kunsill biex tkun amministrata u sostnuta s-sistema ta’ infurzar lokali minn meta bdiet sal-31 ta’ Marzu 2008? Jista' jagħti dettaljatament min tħallas u kemm tħallas kunsill b’kunsill biex titħaddem is-sistema ta’ infurzar lokali minn meta bdiet sal-31 ta’ Marzu 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant jaf sew li l-ġbir ta’ l-informazzjoni mitluba, li tinvolvi aktar minn sempliċi audited accounts, hu wieħed voluminuż u li jieħu ħafna ħin. Għaldaqstant, jekk m’hemmx raġuni valida għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni, l-Onorevoli Interpellant japprezza li l-ħin ta’ l-imsemmija Uffiċjali Awtorizzati jista’ jiġi utilizzat fuq xogħol aktar produttiv għal ġid tal-komunitajiet lokali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rebate fit-taxxa għal dawk li jibgħatu lit-tfal tagħhom f’Child Care Centre Facilities li tammonta għal Lm400 hijiex se tkun estiża anki lil dawk il-ġenituri li ma jaqilgħux dħul biżżejjed biex iħallsu t-taxxa? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm min ibbenefika minn din ir-rebate?
Jista' l-Ministru jara li t-tappiera tal-ħadid ta' l-Enemalta fi Triq il-Vittorja, Hal Qormi li tinsab quddiem il-post li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, tiġi rranġata minħabba l-ħsejjes li qed tikkawża?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tappiera indikata mill-Onor Interpellant ma taqax taħt ir-responsabilita tal-Korporazzjoni Enemalta.
Jista l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ min u kemm irċevew flus individwalment soċjetajiet, għaqdiet, individwi jew persuni mill-fond għall-kawżi ġusti mis-sena 2000 sal-31 ta’ Marzu 2008?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan il-post vojt li jinsab f'Hal Qormi, u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, qed jintbagħtu fih kontijiet tad-dawl u l-ilma meta s-servizzi ilhom maqtugħa sa mill-1990? Jista' jara li s-sid ma jibqax jirċievi dawn il-kontijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fuq dan il-kont m’hemm xejn li jindika li l-meters tad-dawl u l-ilma inqalgħu mill-post. Għalhekk il-kirjiet tal-meters huma applikabbli. Il-persuna indikata mill-Onor Interpellant tist' titlob li ssir spezzjoni tal-post mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min hu l-proprjetarju tad-data li tintuza kuljum mid-datatrack services fl-immaniġġjar u fil-ħruġ ta’ ċitazzjonijiet fis-sistema nazzjonali ta’ l-infurzar lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Datatrak Systems Ltd huma kuntrattati mill-Gvern permezz ta’ ftehim bejn il-kumpanija u d-Direttur tal-Kuntratti. It-Tender Specifications jistipulaw li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali hu il-proprjetarju tas-sistema, inkluż id-data kollha li hemm fis-sistema.
Jista' l-Ministru jara li titranġa l-bankina fi Triq il-Lvant kantuniera ma' Taraġ Nix Mangiari l-Belt peress li minkejja li mhix f'parti residenzjali tinsab biswit Victoria Gate fejn jgħaddu ħafna Maltin u turisti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol ta' l-Awtorita' tad-Djar fuq
i) it-tkomplija tal-bini ta' l-appartamenti fi Triq l-Iljun kantuniera ma' Triq l-Argotti, l-Floriana;
ii) l-istallazzjoni ta' lift fl-appartamenti, f'13 Triq Sant'Anna, Floriana?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-Awtorita' tad-Djar bi ħsiebha tkompli l-proġett tal-bini ta' appartamenti u garaxxijiet fi Triq l-Argotti/Triq l-Iljin, Furjana, fil-futur qarib tant li l-abbozz tas-sejħa għal-offerti għax-xogħolijiet pendenti qiegħed jiġi verifikat mid-Dipartiment tal-Kuntratt qabel jiġi ppublikat.
Dwar l-installazzjoni tal-lift fil-blokk indikat ninsab informat li t-tqegħid ta' lift fit-tromba ta' dan il-blokk kien problematiku peress li m'hemmx pjan adekwat li fuqu jiftaħ il-bieb tal-lift. Madankollu , bħalissa, l-Awtorita' qed tistudja soluzzjoni oħra li mistennija tiġi konkluża f'qasir żmien u f'dan il-każ, l-applikant jiġu informat bid-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jara li permezz tad-dipartiment konċernat jittieħdu l-passi neċessarji biex dawk il-flats tal-gvern li minflok kontrabejt għandhom madum, jiġu rranġati, għaliex qed joħolqu bosta nkonvenjenti lir-residenti tagħhom?
Jista' b'mod partikolari jara li l-bejt fi Block A4, Qasam ta' Pennellu Mellieħa jiġi rranġat għaliex b'riżultat ta' dan il-madum hemm ħafna umdita fil-flats?
Response (DALLI, JOHN)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant lid-Direttorat tal-Bini u Tiswija ta’ Djar fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtiega.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li biex isir upgrading ta' coaches, garage qed jintalab iħallas €20,000 għal din it-tibdila? Jaħseb li biex intejbu dejjem il-prodott, din it-talba għandha tinqata' ġaladarba hawn nies li jridu jtejbu l-prodott bla ma jitolbu sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-pagamenti b’konnessjoni ma’ applikazzjonijiet ta’ garages huma dawk ta’ Bini Kummerċjali. Ir-rati applikabbli huma dawk li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-ordni ta' nfurzar tal-MEPA, li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm l-eżekuzzjoni ta' l-ordni ta' l-infurzar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar qed tieħu l-passi neċessarji sabiex din l-illegalità titneħħa.
Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat jekk hemmx employers li lill-impjegati tagħhom fil-kuntratt tax-xogħol qed jorbtuhom biex ma jidħlux fi trade union? Jekk iva, jirriżulta li dan hu ksur ta' drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u x'passi se jittieħdu biex dawn id-drittijiet jiġu mħarsa?
Response (DALLI, JOHN)
Id-dritt li persuna liberament tappartjeni f'trade union huwa dritt sanċit fil-Kostituzzjoni ta' Malta. Huwa parti normali tax-xogħol ta' kuljum tal-ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg li jeżaminaw kuntratti ta' l-impjieg biex jiġi aċċertat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol imniżżlin hemmhekk huma konformi mal-liġi. Ninsab informat li qatt ma ġie nnutat jew rreġistrat ilment tat-tip indikat mill-Onor. Interpellant. Anki li kieku kellu jkun hemm xi klawsola f'xi kuntratt ta' dan it-tip, din tkun awtomatikament nulla.
Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi informazzjoni fuq xi każ partikolari, nistiednu jgħaddili d-dokumenti relattivi, anke b'mod kunfidenzjali, biex ikunu jistgħu isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm l-Enemalta qed tieħu passi minn qabel, u għal kemm tul, biex tixtri ż-żejt b'mod li kemm jista' jkun ma tintlaqatx ħażin mill-prezz dejjem tiela' taż-żejt, li jidher li se jkompli jogħla fix-xhur li ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern biex jiġu ndirizzati l-problemi li kellna fil-qasam tat-tagħlim ta' l-Ingliż f'pajjiżna, ħalli ma jerġax ikollna l-istess problemi fis-sajf li ġej?
Jista' l-Ministru jgħid x'verita' hemm f'rapporti ta' ġurnali internazzjonali li pajjiżna qed jintuża mit-traffikanti tad-droga biex imexxu l-kummerċ tagħhom? X'arresti saru f'din is-sena ta' persuni barranin konnessi ma' traffikar tad-drogi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena s’issa kien hemm 12 il-persuna ta’ nazzjonalita' barranija li ġew arrestati matul investigazzjonijiet marbuta ma' traffikar ta’ droga. Għar rigward l-ewwel parti tad-domanda l-Onor. interpellant huwa mitlub jipprovdi aktar dettalji.