Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #359 Sitting 8 2008-05-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħatriet f'bordijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 178 u jgħid meta l-Gvern beħsiebu jġib fis-seħħ il-wegħda elettorali tiegħu nru 258 tal-manifest tal-PN li għal aktar trasparenza ħatriet f'bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni? Dan ser jgħodd għall-bordijiet kollha inklużi dawk tal-kumpaniji parastatali jew le? U jekk le, għal liema bordijiet ser jgħodd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Programm Elettorali, kif jixhed it-titlu tiegħu (Iva, Flimkien Kollox Possibbli, Programm Elettorali, 2008-2013), huwa programm għal ħames snin. Il-wegħda elettorali 258 hija ċara li “ħatriet f’bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni.” Tajjeb li l-Onorevoli Intrerpellant jiftakar li huwa serva bħala ministru fi Gvern li waħda mill-ewwel liġijiet li ressaq kienet Abbozz ta’ Liġi li jħassar l-Att ta’ l-1996 dwar in-Nomini ta’ l-Oppożizzjoni. B’hekk il-Gvern neħħa d-dritt ta’ l-Oppożizzjoni li tinnomina persuna fuq il-bordijiet ta’ enti pubbliċi. Tajjeb infakkar ukoll li f’Mejju 2000, l-Oppożizzjoni kienet reġgħet irrifjutat offerta tal-Gvern sabiex jerġa’ jiddaħħal dan id-dritt.

Libyan Arab Maltese Holding Company

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 179 u jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-Gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-Tarznari?

Response (FENECH, ANTONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Open Source Software

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 180 u jgħid fuq liema livell l-Gvern beħsiebu japplika l-open source software fl-oqsma li huwa responsabbli għalihom? Sal-lum diġa' ġie applikat l-open source software, u jekk iva fejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sa mis-sena 2003, u f’każijiet speċifiċi anke qabel, il-Gvern beda juża’ sistemi ibbazati fuq il-prinċipju ta’ ‘open source’. Dawn jinkludi sistemi tat-tip ‘back office’ bħal ma’ huma Sendmail, Clam Antivirus, Spam Assassin, Bind u MIMEDefang, li huma relatati ma’ l-użu ta’ ‘Email’ u ‘Internet’ fil-Gvern. Barra minn hekk, il –Gvern jagħmel użu minn ‘operating system’ Linux ghal numru ta’ sistemi bħal m’huma Inland Revenue (IRD), Vehicle Registration (VERA), VISA, Social Benefits (SABS), VAT/ECO, Scholarships, Schengen, PIRS II u CdB. Għal futur, il-Gvern qed jikkunsidra l-użu ta’ ‘open source’ f’setturi varji tas-Servizz Pubbliku, li jinkludu l-edukazzjoni u l-qasam ta’ ‘knowledge workers’. Il-Gvern qed jikkunsidra wkoll ‘software’ għal użu fuq ‘desktop’, sistemi tat-tip ‘enterprise’, kif ukoll potenzjalment ‘database management systems’ u oħrajn.
Leg 11 PQ #362 Sitting 8 2008-05-26 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lukanda Jerma Palace — Art

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega x'inhi l-pożizzjoni legali ta' l-art li fuqha eventwalment ġiet mibnija l-lukanda Jerma Palace f'Marsaskala? Stante li sar l-għeluq ta' din il-lukanda, jista' jgħid inkisritx xi kundizzjoni oriġinali meta saret il-konċessjoni mill-gvern? Jista' jindika jekk hijiex se titressaq mozzjoni fil-Parlament biex tiġi ratifikata l-pożizzjoni legali tat-trasferiment imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Taxxa fuq reġistrazzjoni ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 181 u cioe': Billi f'intervista ma' ġurnal lokali l-Ministru diġa' ndika t-tibdil mistenni dwar it-taxxa fuq reġistrazzjoni tal-karozzi kif wkoll li idealment kien jippreferi li kieku s-sistema kellha tibqa' l-istess, jista' għall-benefiċċju kemm tal-bejjiegħa tal-karozzi kif wkoll tal-konsumaturi jagħti ndikazzjoni ta' x'wieħed għandu jistenna f'dan ir-rigward, flok jħalli lil kulħadd mdendel sakemm jiġi ppubblikat il-pre-budget consultation document aktar minn xahar u nofs ieħor? Jikkonferma l-Ministru li x'aktarx li l-piż finali fuq il-konsumatur u d-dħul tal-Gvern mistenni jibqa' xi ftit jew wisq l-istess anke wara li jiġi fis-seħħ dan it-tibdil? Għaliex fil-manifest elettorali ma ngħata ebda ħjiel dwar dan kollu meta l-manifest tkellem biss dwar il-ħtieġa li tinbidel it-taxxa fuq il-karozzi?

Response (FENECH, ANTONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Frott u ħxejjex importati — Pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex magħruf x'pestiċidi jintużaw fil-frott u ħxejjex importat? Minn fejn jiġu bħala pajjiż il-frott u l-ħxejjex importati? Kemm-il pestiċidi differenti jintuża għal kull prodott partikolari qabel ma jasal f'pajjiżna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pestiċidi mportati

Question

Jista' l-Ministru jindika liema kategorija ta' pestiċidi jiġu mpurtati f'pajjiżna? Għal kull kategorija ta' pestiċidi liema kimiċi jiġu l-iktar importati? Minn fejn jiġu mportati? Kemm kienet l-importazzjoni ta' pestiċidi sena b'sena fl-aħħar 10 snin skond il-kategorija u l-kimika tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk għandniex entita' f'Malta responsabbli biex tara li l-frott u ħxejjex importati ma jkunx fihom traċċi ta' pestiċidi li huma banned mill-Konvenzjoni ta' Stokkolma? Kif topera din l-entita'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entità responsabbli hija l-Awtorità Maltija Dwar l-Istandards.

Kampjuni ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jitkejlux il-livelli ta' pestiċidi fil-kampjuni ta' ilma mill-aquifers ta' taħt l-art li jintużaw bħala sors ta' ilma tax-xorb? Jista' jgħid jittieħdux kampjuni ta' l-ilma mill-ispieri privati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-aħħar analiżi għall-pestiċidi fuq kampjuni ta’ ilma mill-aquifers irriżultaw kollha negattivi (jiġifieri ma wrewx kontenut ta’ pestiċidi f’dan l-ilma). Bħalissa l-Awtorità għar-Riżorsi qiegħda tirrevedi l-programm ta’ monitoraġġ. Fost il-miżuri li tinkludi din ir-reviżjoni hemm li dan il-programm jiġi estiż għall-ispieri privati, anke f’dawk l- aquifers li minnhom ma jinġibidx ilma għax-xorb.

Kontravvenzjoni tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala meta warden joħroġ ċitazzjoni għall-kontravvenzjoni tat-traffiku minħabba parking, dan mhux dejjem jinforma lis-sid tal-karozza konċernata billi jwaħħal l-avviż taċ-ċitazzjoni mal-karozza?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Traffic humps

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ADT tara li t-traffic humps li hemm fid-diversi lokalitajiet huma ta' daqs standard għax ħafna minnhom saru bil-konkos u ta' daqs tant esaġerat li jikkawżaw ħsarat fil-vetturi li jgħaddu minn fuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ Dwar It-Trasport ta’ Malta’ stipulat d-daqs u l-għoli ta’ kull round-topped road hump fid-dokument “Guidelines for the Implementation of Traffic Management and Safety Measures and Temporary Diversions of Traffic”. Ukoll f’kull approvazzjoni li tinħareġ mill-Awtorita’ għal round-topped road humps ikunu stipulati d-dimensjonijiet kollha neċessarji għal tali humps. Huwa apprezzat li l-Onor. Interpellant jindika il- humps li għalihom qed jirreferi f’din il-mistoqsija parlamentari sabiex l-Awtorita’ tkun f’posizzjoni li tieħu l-passi neċessarji. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra koppja tad-disinn.

Bus Lanes — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet għall-użu ta' bus lanes minn vetturi mhux awtorizzati matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, kull xahar separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li ċ-ċitazzjonijiet li nħarġu minn naħa tal-Korp tal-Pulizija għall-użu ta’ Bus Lanes minn vetturi mhux awtorizzati matul l-aħħar tnax-il xahar kienu kif ġej:- 2007 Nru 2008 Nru Mejju 81 Jannar 83 Ġunju 41 Frar 40 Lulju 63 Marzu 69 Awissu 77 April 18 Settembru 65 Ottubru 65 Novembru 46 Diċembru 84 Total 522 Total 210

Għawdex — Impjant tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda jopera l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex? Kemm kienet l-istima tax-xogħlijiet? Kemm fil-fatt ġie jiswa dan l-impjant? X'kien il-volum ta' l-ilma li ġiet ttrattat sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Għawdex beda jopera fit-23 ta’ Novembru 2007. L-istima oriġinali tax-xogħolijet kienet Euro 6.52 miljun, liema stima ma kenitx tinkludi l-ispejjeż li kellhom isiru wara li l-MEPA ordnat tibdil fil-pjanti. L-ispiża laħqet is-somma ta’ Euro 7.2 miljun. Il-volum ta’ drenaġġ trattat sat-19 ta’ Mejju 2007 jammonta għal madwar 190,000 metri kubi.

Pembroke — Storm water culvert

Question

Jista’ l-Ministru jagħti data meta se jibda x-xogħol fuq l-istorm water culvert li kien ippjanat li jsir fi Triq Madre Margherita Debrincat, Triq il-Kurunell Lorenzo Manche, Triq Gabriele Henin, f’Pembroke sabiex tittaffa l-problema ta’ l-għargħar fl-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li x-xogħlijiet biex tittaffa l-problema ta’ għargħar f’dawn l-inħawi qed ikunu kkunsidrati fil-programm ta’ xogħlijiet. Fil-fatt diġà ttieħdu l-livelli ta’ l-inħawi.

Impjegati tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm hemm nies fl-impjieg tal-Gvern bla job description allavolja ilhom hemm bosta snin? Hemm xi żmien stipulat fejn dawn in-nies se jirċievu dan il-job description?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli għas-Servizz Pubbliku.

Bord ta' l-Elettriku — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' dawk l-impjegati li kienu ġew trasferiti mid-dipartiment tal-gvern għall-Bord ta' l-Elettriku ta' Malta u mbagħad għall-Korporazzjoni Enemalta, li ħadu l-pensjoni (preferibbilment sena sena) skond it-termini ta' l-Ordinanza tal-Pensjoni XVII ta' l-1937 u l-emendi sussegwenti tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Children's Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-proċess biex tingħata ċ-Children's Allowance lil koppji li dan l-aħħar kellhom it-tieni tarbija jinsab on hold? Ta' min ifakkar li din kienet miżura li tħabbret aktar kmieni din is-sena (u kkonfermata bħala wegħda elettorali tal-Gvern) biex kull koppja tingħata dan il-benefiċċju irrispettivament minn numru ta' ulied li għandhom taħt is-16-il sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-allegazzjoni li qed jagħmel fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hi assolutament infondata.
Leg 11 PQ #379 Sitting 8 2008-05-26 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Bord ta' l-Elettriku — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' dawk l-impjegati li kienu ġew trasferiti mid-dipartiment tal-gvern għall-Bord ta' l-Elettriku ta' Malta u mbagħad għall-Korporazzjoni Enemalta, li ħadu l-pensjoni (preferibbilment sena sena) skond it-termini ta' l-Ordinanza tal-Pensjoni XVII ta' l-1937 u l-emendi sussegwenti tagħha?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqija lill-Ministeru konċernat.
Leg 11 PQ #380 Sitting 8 2008-05-26 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu promozzjonijiet fil-MEPA bejn Ġunju 2007 sa l-aħħar ta' Marzu, 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul il-perijodu 1 ta’ Ġunju 2007 sa l-aħħar ta’ Marzu 2008 ngħataw 25 promozzjoni fil-MEPA.