Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett tal-vapur t'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-istima oriġinali għall-proġett tal-vapur t'Għawdex, fil-Marfa Malta u l-iMġarr f'Għawdex? Kemm kienet l-istima ġenerali?

Response (FENECH, ANTONIO)

Ninforma lill-Onor. Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #351 Sitting 9 2008-05-27 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Permessi għall-Bini ta' Djar Ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għall-bini ta' djar ġodda u flats fix-xhur ta' Ottubru, Novembru, Diċembru 2007 u Jannar, Frar u Marzu 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jagħtu l-figuri mitluba.

Eżami tal-Kimika

Question

Tista' l-Ministru tispjega x'passi ħa, jekk ħa, id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni wara l-mistoqsija fl-eżami tal-livell avvanzat tal-Kimika, nstab li ma kenitx tinħadem, liema eżami jsir mill-Universita' ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tlabt lill-Universita’ tagħtini rapport dettaljat dwar dan il-każ, inkluż x’passi ser jittieħdu biex l-ebda kandidat ma jkun żvantaġġjat u x’miżuri għandhom jittieħdu biex żbalji bħal dawn ma jirrepetux ruħhom, sakemm hu umanament possibli. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport. Jidher li l-passi li ttieħdu huma suffiċjenti fic-ċirkustanzi.

San Pawl il-Baħar — Servizz tal-karozzi tal-linja

Question

Billi matul is-sena kollha, iżda b'mod partikolari bejn Mejju u Ottubru, ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar li joqogħdu bejn ix-Xemxija u Villa Chapelle isibuha diffiċli ferm li jirkbu l-karozza tal-linja f'ħafna ħinijiet tal-ġurnata, speċjalment bejn is-7.30 a.m u l-10.30 a.m., jista' l-Ministru jara li jibdew jitilqu karozzi tal-linja minn fejn il-knisja tal-Kapuċċini u dan biex tittaffa din il-problema, fejn hemm nies li qed idumu jistennew aktar minn siegħa fuq l-istage?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ser tagħmel stħarriġ biex tistabbilixxi d-domanda eżistenti u jekk hemmx il-ħtieġa li tiġi ntrodotta rotta li titlaq minn ħdejn il-Knisja tal-Kapuċċini kif suġġerit mill-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll li f'każ li l-istħarriġ jirriżulta li jkun vijabbli li tiġi ntrodotta din ir-rotta, l-Awtorita' tibda negozjati ma' l-Assoċċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku għal dan il-għan.

Mosta/Mġarr — Arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex arblu tad-dawl perikoluż fit-triq li mill-Mosta twassal għall-Imġarr jinqala' kemm jista' jkun malajr u jinbidel bil-bozza b'kollox għaliex ilu xhur sħaħ f'dan l-istat wara inċident tat-traffiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #397 Sitting 9 2008-05-27 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kmamar tan-nar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm u fejn hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm erba’ (4) applikazzjonijiet pendenti għal kmamar tan-nar ġodda f'Malta u Għawdex. Id-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet jinsabu fil-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew imfittxija applikazzjonijiet li fihom il-kliem "nar" jew "fire" fil-proposta tagħhom.

Qrati — Proċeduri legali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'jista' jwassal biex proċeduri legali fil-Qrati tagħna quddiem l-imħallef, li ismu qed jidher separatament, jiġu differiti numru kbir ta' drabi minkejja li iktar minn sentejn ilu suppost kien deċiż li dak kollu li kellu jinġabar mill-perit legali kellu jsir f'seduta waħda u jiġi rappurtat lura immedjatament, iktar u iktar meta mill-informazzjoni li għandi min ħa l-passi legali għadu ma ressaqx ix-xhieda tiegħu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħti aktar dettalji tal-każ in kwistjoni.

Mistra — Bridge

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fuq il-bridge tal-Mistra parti mil-line abjad sħiħ tinbidel f'line maqtugħ li jippermetti l-overtaking għaliex meta l-karozzi jinqabdu wara t-trakkijiet dawn ma jkunux jistgħu jimxu b'ritmu kostanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali ta' l-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta irriżulta li minħabba raġunijiet ta' sigurta' (partikolarment visibilita) it-triq ma tippermettix li jsir "overtaking" fiha.

Problema ta' illitteriżmu

Question

Tista' l-Ministru tispjega l-pjan tal-Gvern dwar l-problema ta' l-illetteriżmu fit-tfal Maltin? Kemm hija kkalkolata din ir-rata ta' tfal li joħorġu mill-iskola illitterati, u minn liema inħawi dawn it-tfal ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-problema ta’ l-illiteriżmu hija waħda kumplessa b’mod speċjali minħabba l-fatt li din tista’ titkejjel b’mod u b’miżuri differenti. Id-Direttorat ta’ l-Edukazzjoni matul iż-żmien ħa diversi inizjattivi kemm partikolari kif ukoll fil-proċess kollu tat-tagħlim. Kull għalliem, indipendentement mis-suġġett li jgħallem, huwa fid-dmir li jara li t-tfal jitgħallmu jitkellmu, jiktbu u jaqraw. Fl-istess ħin insibu programmi speċifiċi fosthom: Programmi għat-tfal bid-disleksja Edukazzjoni Kumplimentarja Programmi fuq Ħiliet Bażiċi Klassijiet speċjali ta’ Litteriżmu fis-Sekondarji eċċ.. Għalliema ta’ Litteriżmu ( Literacy Tutors tal- Literacy Unit) Din is-sena ġie mwaqqaf Kumitat mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kwalita’ biex ifassal Politika Nazzjonali u Strategiji Nazzjonali dwar il-kisba ta’ Ħiliet Bażiċi fil- litteriżmu, numeriżmu, u fit-teknoloġija ta’ l-informatika u l-kommunikazzjoni biex jaqbdu minn kmieni t-tfal li juru diffikultajiet f’dawn il-ħiliet bażiċi. Il-pjan tad-Direttorat tal-Kwalita’ fl-Edukazzjoni huwa li jkompli jsaħħaħ il-litteriżmu permezz ta’ metidoloġiji ta’ tagħlim fil-kuntesti tas-suġġetti kollha li nsibu fil-kurrikulu. Rigward l-aħħar Ċensiment li sar f’Novembru ta’ 2005, ir-riżulat indika li l-perċentaġġ ta’ l-illitteriżmu fost l-istudenti ta’ bejn l-10 u d-19-ilsena kien ta’ 1,7%. Dawn huma riflessi hekk: mill-inħawi tan-Nofsinhar tal-Port hemm 0,4%, l-inħawi tat-Tramuntana tal-Port 0,6%, tax-Xlokk 0,2%, tal-Punent 0,2%, Tramuntana 0,2%0, u Għawdex u Kemmuna 0,1%. Dawn, minn total ta’ popolazzjoni ta’ 56,634 student.

Triq bejn Xewkija u Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa (fuq il-bridge tal-Mistra) jiġi rranġat b'mod sew u permanenti, l-ħajt fuq naħa waħda ta' l-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #412 Sitting 9 2008-05-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Vakanzi

Question

Tista` l-Ministru tgħid kemm kien hemm sejħiet għall-applikazzjoni biex jimtlew vakanzi fid-dekasteru kollu tagħha f'dawn l-aħħar tlett snin? Kemm kien hemm applikanti għal kull post? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom irgiel? X'kienet l-eta` tagħhom? Tista' tagħti s-sess u l-eta` tal-persuna magħżula?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #415 Sitting 9 2008-05-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Kunsill tal-Kultura għal Għawdex

Question

Tista` l-Ministru tgħid kif inhu kompost il-Kunsill tal-Kultura għal Ghawdex u meta saru l-ħatriet? Tista' tgħid ukoll kull wieħed u waħda mill-membri xi kwalifiki jew esperjenza għandhom fil-qasam tal-kultura?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Kunsill tal-Kultura l-gdid ghadu ma giex mahtur peress li bhalissa qeghdin jigu studjati proposti li hargu mit-Tieni Konferenza Regjonali tal-Kultura li saret ix-xahar li ghadda fir-rigward ta' strutturi imsahha fil-qasam tal-Kultura f'Ghawdex.
Leg 11 PQ #430 Sitting 9 2008-05-27 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 206 u jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartimenti, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #442 Sitting 9 2008-05-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Flimkien għal Ambjent Aħjar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se tkun ir-reazzjoni tal-gvern għas-sejħa ta' l-għaqda non-governattiva "Flimkien għal Ambjent Aħjar" FAA biex jiġu evalwati permessi li ngħataw mill-MEPA fl-aħħar ġimgħat ta' Frar u l-ewwel ġimgħa ta' Marzu 2008 lejliet l-elezzjoni ġenerali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-liġi ġaladarba deċiżjoni ttieħdet dwar applikazzjoni ta’ żvilupp din ma tistax tiġi riveduta jew mħassra.