Jista' il-Ministru jispjega x'inhuma r-rekwiżiti li xi ħadd għandu jissodisfa biex jingħata l-għajnuna soċjali msejħa Social Assistance for Single Parents? Jaqbel il-Ministru li għandhom ikunu eleġibli wkoll is-single parents li f'kuntratt ta' separazzjoni jiddikjaraw li qed jirrinunzjaw għall-manteniment mingħand il-parti l-oħra, għaliex qed jiġri li min jiddekadi skond il-liġi mill-manteniment (għax ikun wettaq affarijiet fiż-żwieġ bħal adulterju jew abbandun mid-dar matrimonjali) qed jieħu assistenza waqt li min ma għamel xejn ħażin u jirrinunzja mill-manteniment għaliex il-kontroparti ma jkollhiex mezzi biex jamministra manteniment m'huwiex qed jingħata għajnuna soċjali? Jaħseb allura l-Ministru illi taħt is-sistema preżenti aħna qegħdin nippremjaw lil min iwettaq adulterju jew abbandun u ma ngħinux lil persuni ġenwini bħal ommijiet li għaddew mill-isfortuna ta' żwieġ li tkisser u għadhom irabbu t-tfal żgħar weħidhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li biex persuna tirċievi l-għajnuna soċjali bħala ġenitur singlu trid, weħeda, tkun responsabbli li żżomm u trabbi t-tfal tagħha dipendenti taħt it-18-il sena u trid tissodisfa t-test tal-mezzi kif stabbilit fit-Tieni Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Wieħed mill-prinċipji bażiċi biex wieħed ikun intitolat għal xi għajnuna soċjali hu li persuna ma għandiex tirrinunzja minn jeddha għal xi kapital jew dħul biex tidħol bi dritt għal din l-għajnuna. Dan il-principju hu wkoll rifless fl-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Għalhekk ma nistax naqbel mas-suġġeriment li, kapriċċożament, persuna tirrinunzja mid-dritt li jista’ jkollha għal manteniment u l-Istat jagħmel tajjeb għal dan billi jħallas il-benefiċċji soċjali. Ma naqbilx lanqas li s-sistema preżenti ma tgħinx lill-persuni ġenwini għax dawn jirċievu kull għajnuna possibbli li jistħoqilhom skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jiddentifika liema dipartiment/aġenzija hija responsabbli mis-sigurta' u saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol? Kemm għandha risorsi/budget u ħaddiema sabiex tagħmel dan ix-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-entita’ responsabbli li timplimenta l-provedimenti ta’ l-Att dwar l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol. Qed ngħid dan għaliex ir-responsabbilta’ assoluta għas-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol hi tal-prinċipal rispettiv tagħhom u mhux ta’ xi entita’ governattiva.
L-entita’ responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ l-imsemmi Att hi l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol.
Il-fondi allokati lill-Awtorita' għas-sena 2008 huma €698,812 (Lm300,000), u preżentement għandha 25 impjegat.
Jista' l-Ministru jispjega jekk jeżistix pjan sabiex jinżergħu iktar siġar f'Malta u Għawdex? Kemm inżergħu siġar f'Malta u Għawdex fis-sena, u ta' liema tip?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Iva, jeżisti pjan, tant li fl-aħħar budget ġew indikati 5 zoni oħra fejn hemm il-ħsieb li jitħawlu iktar siġar fis-snin li ġejjin.
Fis-sena 2007 jien infurmat li tħawwlu l-fuq minn 24,000 siġra tat-tip taż-żebbug, ħarrub, ballut, għargħar, tamarisk, ċipress, deru u riħan.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx programmi ta' Long Life Education? F'liema settur jeżistu dawn il-programmi? Kemm jattendu studenti għalih? Huwa ppjanat taħriġ ieħor f'oqsma ġodda u differenti? F'liema ħinijiet jingħata dan it-taħriġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Progammi ta’ Lifelong Learning Education jaqgħu taħt id-Dipartiment tas- Servizzi għall-istudenti fi ħdan id-Direttorat tas- Servizzi Edukattivi. Bħalissa hemm 390 student jattendu l-Lifelong Learning Centre. Hemm diversi korsijiet li l-istudenti jattendu għalihom. It-taħriġ jingħata bejn 8.30am u 13.30pm. Id- Direttorat għal Servizzi Edukattivi dejjem impenjat li jaġġorna u jżid korsijiet f’oqsma edukattivi.
Jista' jispjega jekk il-bozoz li jintużaw mill-Enemalta fit-toroq humiex enery savers? Jekk le, meta beħsiebu jbiddilhom u kemm jikkalkula li jiffranka dawl jekk jagħmel hekk?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 174, li saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm għaqdiet non-governattivi li għandhom impjegati taċ-Ċivil sekondati magħhom? Liema huma dawn l-għaqdiet non-governattivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa hemm għoxrin (20) Għaqdiet volontarji (għaqdiet non-governattivi NGO’s) li għandhom impjegati pubbliċi relaxxati magħhom.
Dawn huma:
Caritas Malta Cana Movement
Don Bosco Voluntary Service Millenium Chapel Foundation
Malta Federation of Organisations Azzjoni Kattolika Maltija
Persons with Disability
Richmond Foundation Jesuit Refugee Service
Birdlife Malta Nature Trust
Flimkien għal Ambjent Aħjar The Island Santuary
Forum for Justice & Co-operation Paolo Freire Institute
Ċentru Tbexbix Malta Islamic Welfare Fund
Ġużeppa Debono House Malta Red Cross Society
Oratorju Don Bosco Dar it-Tama
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 175 u jgħid tul is-sena 2007 u l-ewwel tliet xhur 2008 kemm kien hemm għaqdiet tal-persuni b'diżabilita' li ngħataw flus mill-Fond għall-Kawżi Ġusti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux xi kuntratti individwali ma' xi speċjalisti li jaħdmu f'Mater Dei li huma differenti minn dawk ta' speċjalisti oħra? Jekk fl-affermattiv, ma' min huma dawn il-kuntratti/ftehim?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li f’Mater Dei hemm erba’ (4) tobba speċjalisti li huma mpjegati fuq kuntratt. Ilkoll għandhom ‘l fuq minn 61 sena u huma impjegati kif ġej :
- Żewġ speċjalisti huma mpjegati bħala Advisor/Senior Registrar (Anaesthesia) u jaħdmu 30 siegħa fil-ġimgħa.
- Speċjalist ieħor jaħdem bħala P/T Consultant Physician (Diabetes mellitus & Endocrinology) u jahdem 16-il siegħa fil-ġimgħa.
- Speċjalist ieħor jaħdem fuq kuntratt bħala Consultant Histopathologist, fuq ġimgħa ta’ 40 siegħa.
Tista'il-Ministru tagħti tagħrif dwar liema proċedura trid jew tista'/tiġi użata biex membru parlamentari jorganizza ħarġiet għat-tfal ta' xi skola governattiva partikolari?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-ħarġiet li jsiru waqt il-ħinijiet ta’ l-iskola huma kollha organizzati mill-iskola.
L-ebda persuna jew entita’ ma tista’ torganizza attivita’ mingħajr ma din tkun approvata mill-Kap u parti mill-programm edukattiv tas-sena skolastika.
Persuni jew entitajiet jistgħu jagħmlu suġġeriment lill-Kap ta’ Skola.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx waiting list għal postijiet ta' jottijiet f'marinas f'Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm u kemm ilhom jistennew? Hemm intenzjoni li jsiru yachts marinas fil-ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex proċedura tal-Joint Office li jittrasferixxi art minn fuq persuna li sal-lum għadha tħallas il-qbiela tar-raba’ lin-neputi tagħha li se jkun qed jaħdem r-raba' hu f'ismu, dan għaliex l-persuna hija miżżewġa imma mingħajr ulied?
Jekk ir-risposta għal din il-mistoqsija tkun fin-negattiv, jista’ jgħid fil-preżent x’inhi l-proċedura li juża l-imsemmi dipartiment biex jittrasferixxi l-qbiela tar-raba’ minn fuq persuna għal oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi persuna li għandha f’isimha qbiela li titħallas lill-Uffiċċju Konġunt tista’ tittrasferixxi l-inkwinilat tar-raba’ lill-axxendenti jew dixxendenti lineari, skond id-definizzjoni ta’ membru tal-familja, a tenur tal-Kapitolu 199 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Fil-każ in kwistjoni, persuna miżżewġa li ma jkollhiex ulied, ma tistax tittrasferixxi l-qbiela tar-raba’ lil ħutha jew lit-tfal ta’ ħutha. F’każijiet bħal dawn l-Uffiċċju Konġunt jipproċedi bil-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti, skond il-proċedura stabbilita’ ai termini tal-Artikolu 3 ta’ l-Att dwar Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern, Kapitlu 268 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-terms of reference tal-kumitat Education Consultative Council mwaqqaf mill-MFSA? X'tip ta' organizzazzjonijiet jiffurmaw parti minn dan il-kumitat u fuq liema kriterji ġew magħżula? Hemm xi membri fuq dan il-kumitat li huma msieħba jew jiffurmaw parti minn organizzazzjonijiet kummerċjali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi It-‘terms of reference’ tal-kumitat ‘Education Consultative Council’ imwaqqaf mill-MFSA jinkludu il-ko-ordinament ta’ taħriġ vokazzjonali u dak ta’ natura regolatorja immirat għall-impjegati attwali u prospettivi fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, il-kumitat jippromwovi inizzjattivi flimkien ma’ entitajiet governattivi relevanti biex ikun hawn aktar tagħrif lill-studenti f’livell sekondarju u post sekondarju dwar karrieri f’dan is-settur.
Għaldaqstant, l-MFSA nfisha, l-MCAST u l-‘Guidance Unit’ tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni huma rrapreżentati f’dan il-kumitat.
Il-membri l-oħra huma:
- Il-‘Malta International Training Centre’;
- L-‘Institute of Financial Services – Malta’;
- L-‘Institute of Legal Studies – Malta’;
- L-‘Institute of Financial Services Practitioners’;
- L-‘Institute of Directors – Malta’; u
- Is-‘Society of Trust and Estate Practitioners - Malta’
L-għazla ta’ dawn il-membri kienet determinata mill-fatt, li matul is-snin, huma offrew b’mod konsistenti programmi speċjalizzati ta’ natura vokazzjonali, teknika u professjonali li huma direttament relevanti għall- oqsma differenti fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Ta’ min isemmi ukoll li t-‘terms of reference’ ta’ l-‘Education Consultative Council’ jippermettu d-dħul ta’ membri ġodda jekk jinħass il-bżonn u sakemm il-kumitat ikun jista’ jaħdem b’mod dinamiku u effiċjenti
L-ebda wieħed mill-membri ma jifforma parti minn organizazzjonijiet kummerċjali.
David Fabri
Board Secretary
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28886 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 590 dwar taħriġ fl-Universita' ta' Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li fil-preżent għaddejjin taħdidiet mal-Unions li jirraprezentaw lill-istaff akkademiku fuq l-aħjar mod kif xi taħrig imsemmi fil-mistoqsija jigi indirizzat.
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex? Tista' tindika wkoll fejn m'hemmx Kap jew Assistant u fejn hemm persuni li huma fil-kariga imma bħala acting?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Universita' ta' Malta — Promozzjonijiet/appointments
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 29278 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 604 dwar promozzjonijiet u appointmentsfl-Universita' ta' Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Universita’ ta’ Malta tippublika l-listi ta’ promozzjonijiet ta’ membri ta’ l-istaff akkademiku fuq il-website tagħha. Infatti kemm il-darba jkun hemm rapporti f’xi gazzetti fuq dawn il-promozzjonijiet.
Ħatriet mhux akkademici ta’ l-Universita’ li huma ta’ natura għolja bħal ta’ uffiċjali ewlenin, jiġu ppublikati wkoll fuq il-
website
ta’ l-Universita’. Sal-lum m’hemmx l-użanza li ħatriet oħra jiġu ppublikati.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 29588 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 610 dwar warrant permanenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li fil-preżent hemm 151 għalliem li s’issa m’għandhomx warrant permanenti. Dawn qed jgħallmu f’diversi skejjel u suġġetti (tabella ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra).
Jingħataw il-warrant permanenti dawk li jkunu eleġibbli skond l-Att ta’ l-Edukazzjoni. Jekk ma jkunux konformi ma’ din il-liġi jingħataw il-warrant temporanju.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29589 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 610, tista' l-Ministru tgħid għaliex inħass l-ħtieġa li l-formula li ġiet addottata bosta drabi ma ġietx segwita f'dan il-każ imsemmi tal-klabb tal-Luxol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F’ dan il-każ ma ngħatatx l-art lill-assoċjazzjoni sportiva Luxol ghaliex l-art hija ta’ l-iskola Primarja Biċe Mizzi Vassallo.. Il-ftehim, jipprovdi biss għall-użu , żvilupp u management ta’ l-art in kwistjoni. Il-Gvern jibqa’ l-propjetarju assolut ta’ l-art bi dritt ta’ użu sħiħ u esklussiv waqt il-ħin ta’ l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sid ta' ristorant, ħanut, night club eċċ nstab li għolla l-prezzijiet wara l-1 ta' Lulju, 2007? Kemm kienu ġustifikati? X'passi ttieħdu kontra dawk li ma kellhomx raġun?
Response (FENECH, ANTONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi mill-1 ta’ Lulju 2007, nstabu mitejn u ħmistax (215) -il ħanut, ristorant, etc li għollew il-prezzijiet. Minn dawn tmienja u sebgħin (78) minnhom nstabu li kienu ġustifikati għaliex iż-żieda fil-prezz kienet tirrifletti ż-żiediet fil-materja prima u fl-ispejjeż ta’ l-operat tal-istabbiliment.
L-Osservatorju ta’ l-Ewro baqa jsegwi dawk l-istabbilimenti li ma kellhomx raġun permezz ta’ l- ittra ufficjali - ‘First Direction letter’ u viżti regolari lill-istabbilimenti konċernati sakemm tittieħed l-azzjoni rimedjali . Ħlief għal żewġ każijiet li għadhom pendenti, dawn l-istabbilimenti kollha qablu li jniżżlu il-prezz jew reġgħu lura għall-prezz originali.