Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ li kien hemm quddiem it-tax compliance unit ġie konkluż fix-xhur Jannar 2008 sa Marzu 2008, xahar b'xahar? Kemm kien l-ammont miġbur f'taxxa kull xahar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-Tax Compliance Unit ikkonkluda 19-il każ b’kollox bejn Jannar u Marzu 2008, maqsumin hekk: Jannar – 10; Frar – 3; Marzu – 6. Iż-żjieda fl- income għal dawn it-tliet xhur rispettivament kienet: €2,764,302 (Lm1,186,715); €2,838,677 (Lm1,218,644); €267,682 (Lm114,916). Total ta’ €5,870,661 (Lm2,520,275). Din tissarraf f’żjieda ta’ taxxa totali ta’ €1,427,528 (Lm612,838) maqsuma hekk rispettivament: Jannar – €532,630 (Lm228,658); Frar – €801,208 (Lm343,959); Marzu – €93,689 (Lm40,221). Dawn il-figuri ma jinkludux it-taxxa addizzjonali (multi) u l-imgħaxijiet dovuti.

Dħul tal-Gvern f'Taxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul totali tal-Gvern f'taxxi fix-xhur Ottubru, Novembru, Diċembru 2007 u Jannar, Frar u Marzu 2008?

Response (FENECH, TONIO)

"Id-dħul totali tal-Gvern f'taxxi fix-xhur imsemmija kien: Ottubru 2007 € 180,926,732 Novembru 2007 € 143,973,645 Diċembru 2007 € 331,707,778 Jannar 2008 € 120,569,156 Frar 2008 € 111,916,478 Marzu 2008 € 137,342,471 Din l-informazzjoni tiġi ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern."
Leg 11 PQ #426 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Direct orders

Question

Tista` l-Ministru tgħid kemm kien hemm direct orders mill-Ministeru f'din l-aħħar sena, min ħa d-direct order, għal liema xogħol u b'liema prezz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #427 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Patching ta' toroq

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn sar xogħol ta' patching ta' toroq f'din l-aħħar sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xoghol ta' patching li sar f'Ghawdex mill-haddiema tal-Gvern b'materjal provdut minn fondi tal-Ministeru ghal Ghawdex f'din l-ahhar sena, huwa kif jidher fl-iskeda li qed titpogga fuq il-mejda tal-Kamra. Dan ix-xoghol ma jinkludix xoghol maghmul mill-Kunsilli Lokali f'Ghawdex.

Sannat — Applikazzjoni għall-għalliema

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 124, peress li f'Għawdex għandna unit speċjali f'Ta' Sannat, tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm-il sejħa għall-applikazzjoni għall-għalliema ħarġet f'din l-unit f'din l-iskola f'dawn l-aħħar tlett snin separatament, kemm applikaw u kemm eventwalment ġew ingaġġati? Tista' inoltre tgħid jekk f'dawn is-sejħiet isirux xi interviews jew x'tip ta' proċess sar biex ġew magħżula?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li fl-aħħar tlett snin ma saret l-ebda sejħa għall-applikazzjoni għal għalliema għall-iskola ta’ Prof. Ġuże Aquilina, Sannat Primary C. Il-Unit li hemm f’din l-iskola jagħmel parti mill-iskola Primarja. Għaldaqstant meta jkun hemm nuqqas ta’ staff isir il-proċess normali ta’ trasferiment.

Riforma fil-qbiela tar-raba'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri amministrattivi se jittieħdu biex tkun tista' tinħadem r-riforma fil-qbiela tar-raba' kif spjegat fl-indirizz tal-President li ma jkunx hemm dewmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kif tħabbar diġa mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment fil-Parlament, inħatar working group minn uffiċjali mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura u oħrajn mit-Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern biex jagħtu parir lill-Gvern fuq dan is-suġġett.

Manifattura ta' Dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11 u jieħu l-miżuri kollha possibli sabiex jinforza r-regolamenti tal-Malta Standards Authority fejn klijent minflok jiddikjara li xtara d-dgħajsa mingħand l-manifattur jiddikjara li kien hu stess li bniha u dan sabiex jevita li jgħaddi mill-proċess ta’ akkreditazzjoni ta’ CE mark fuq id-dgħajsa?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 11.

Prodotti agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jgħid kemm kien l-ammont ta' prodotti agrikoli, kemm fi ħxejjex u frott kif ukoll prodotti ta' nbejjed li nġiebu lejn Malta minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea minn April tas-sena 2007 sa l-aħħar ta' April 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ prodotti agrikoli, kemm fi ħxejjex u frott kif ukoll prodotti ta’ nbejjed li nġiebu lejn Malta minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea minn April tas-sena 2007 sa l-aħħar ta’ April 2008 huwa kif jidher fiż-żewġ tabelli mqegħda fuq il-mejda tal-Kamra It-tabelli juru l-pajjiż, l-HS Code, il-prodotti, il-valur u l-kwantita’. Il-figuri huma proviżorji.

Bozoz energy savers

Question

Jista' l-Ministru jara meta se jitqassmu ħames bozoz energy saver li ġew imwiegħda fil-programm elettorali tal-PN, speċjalment meta diġa tħabbar li s-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma se jerġa' jogħla? Jidhirlu li jekk iqassam dawn il-ħames bozoz, il-konsumaturi jistgħu almenu jiffrankaw xi ftit mill-għoli tal-kont tad-dawl u ilma u b'hekk ipatti xi ftit għaż-żieda fis-surcharge?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li l-paga massima li fuqha bbażata l-pensjoni ta' żewġ terżi li ilha ma tiżdied mis-sena 1982, hija llum verament inġusta u inaċċettabli biex tassiġura għixien diċenti għall-pensjonanti? Meta beħsiebu l-Ministru jirranġa din l-inġustizzja u anomaliji oħra li nfurmawh dwarhom l-għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti?

Response (DALLI, JOHN)

Jidher li l-Onor. Interpellant għandu nformazzjoni żbaljata. Fil-fatt, id-dħul massimu pensjonabbli, li fuqu tiġi kkalulata il-pensjoni taż-żewġ terzi mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, beda jiżdied kull sena regolarment biż-żidiet għall-għoli tal-ħajja mill-2005. Infakkar li b’rizulatat tar-riforma fil-pensjonijiet, l-Att dwar is-Siugurta’ Soċjali diġa jipprovdi għall-mekkanizmu kif għandu jiġi rivedut id-dħul masssimu pensjonabbli kull sena. Irrid inżid li l-istess Att jippovdi wkoll li, f’intervalli mhux itwal minn ħames snin, irid jiġi preżentat rapport lil din il-Kamra li jikkonsisti f’ analiżi tas-sistema tal-pensjonijiet u rakkomandazzjonijiet biex tintlaħaq aktar is-sostenibbilta’, l-adekwatezza u solidarjeta’ soċjali fis-sistema tal-pensjonijiet. L-ewwel rapport għandu jiġi preżentat mhux aktar tard mill-aħħar ta’ l-2010.

Fond għall-kawżi ġusti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 175 u jgħid tul is-sena 2007 u l-ewwel tliet xhur 2008 kemm kien hemm għaqdiet tal-persuni b'diżabilita' li ngħataw flus mill-Fond għall-Kawżi Ġusti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 175.

Sodod f'Mater Dei u St Luke's

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sodod fil-wards f'Mater Dei? Kemm kien hemm sodod okkupati f'St.Lukes qabel it-trasferiment lejn Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li mill-aħħar rapport Hospital Activity Report maħrug f’ April 2008, in-numru ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei jammonta għal: · 860 sodda għall-użu ta’ ‘In-patients’ u · 66 sodda għall-użu ta’ ‘Day Cases’. Fir-rigward ta’ kemm kien hemm sodod okkupati fl-Isptar San Luqa qabel it-trasferiment lejn Mater Dei, mill-‘ Hospital Activity Report’ ta’ Ottubru 2007 wieħed jara li l-medja ta’ sodod okkupati kuljum f’dan ix-xahar ammontaw għal 733. Fl-Isptar San Luqa in-numru ta’ sodod għall-użu ta’ ‘In-patients’ kienu jammontaw għal 859 waqt li għal ‘Day Cases’ kien hemm 55 sodda.

Paga, Allowences u Tax Concessions

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'paga, allowances u tax concessions qed joffri l-gvern lit-tobba u speċjalisti barranin?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ispeċjalisti barranin jirċievu paga fi Skala 4 jew 5, jiddependi mill-grad, u jieħdu allowance ta’ €3261 (Lm1400) fis-sena. Dawn l-ispeċjalisti barranin ma jħallsux taxxa.
Leg 11 PQ #486 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċitazzjonijiet mill-Wardens

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet mill-wardens xahar b'xahar bejn Jannar u Marzu 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Disability Pension

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-każ ta' disability pension ġie approvat xahar b'xahar minn Jannar sa Diċembru 2007 u minn Jannar sa April 2008? Kemm minn dawn kienu Maltin u Għawdxin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każijiet ta' SKA u SA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-każ ta' SKA u SA ġew approvati kull xahar minn Jannar 2007 sa Diċembru 2007 u minn Jannar 2008 sa Marzu 2008?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Festival tan-nar

Question

Tista' l-Ministru tara li flimkien mal-Malta Tourism Authority, il-festival tan-nar li jmiss jiġi organizzat fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra, possibilment fuq il-baħar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Festival tan-Nar dejjem gie organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu u mill-Malta Tourism Authority u għaldaqstant il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti qatt ma kellu x’jaqsam ma’ l-organizzazjoni ta’ dan il-Festival. Pero ser ngħaddi s-suġġeriment lill-Ministeru konċernat.

Akkwistar ta' Liċenzji ta' Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien n-numru ta' Maltin u Għawdxin, kif ukoll barranin, li akkwistaw liċenzji tas-sewqan hawn Malta, minn mindu nbidlet is-sistema tat-testijiet, kemm orali kif ukoll tal-prattika? Kemm kien kull sena l-persentaġġ ta' dawk li weħlu minn dawn l-eżamijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba sena b’sena minn mindu nbidlet is-sistema tat-testijiet sa t-23 ta’ Mejju 2008. Ma tinżammx informazzjoni dwar in-nazzjonalita ta' min joqgħod għall-eżami. Ninsab infurmat li biex kandidat jakkwista licenzja tas-sewqan irid l-ewwel jgħaddi t-Test Orali u wara dan biss jista japplika għat-test prattiku. La darba dan jgħaddi mit-Test prattiku wkoll jingħata l-licenzja tas-sewqan.

Telf ta' liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu s-sewwieqa ( first time drivers) li tilfu l-liċenzja tas-sewqan b'riżultat tas-sistema tal-punti li kienet introdotta xi żmien ilu għal dawn ix-xufiera? Kemm minn dawn ix-xufiera reġgħu ngħataw lura l-liċenzja tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kien hemm 46 sewwieqa (first time drivers) li tilfu l-liċenzja tas-sewqan b'riżultat tas-sistema tal-punti li kienet introdotta xi żmien ilu għal dawn ix-xufiera. Minn dawn, 19 il-sewwieq illum ghandhom licenzja valida.