Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni Arka

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 297 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u cioe': Peress li l-Fondazzjoni Arka u entitajiet oħra għall-skopijiet benefiċi għandhom ħafna spejjeż inkluż dawk tad-dawl u ilma u surcharge, hemm xi ħsieb li din il-fondazzjoni u entitajiet simili oħrajn jiġu eżentati mill-ħlas tas-surcharge jew jingħataw xi forma ta' għajnuna oħra in konnessjoni ma' dawn l-utilitajiet biex itaffu ftit mill-ispejjeż tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tal-VAT — Penali

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 439 u jgħid kemm kien hemm penali u x'ammont ġew maħfura lill-persuni, kumpanniji mid-Dipartiment tal-VAT matul is-sena 2007 u fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #693 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tagħlim ta' l-Ingliż — Problema

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 435 u jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern biex jiġu ndirizzati l-problemi li kellna fil-qasam tat-tagħlim ta' l-Ingliż f'pajjiżna, ħalli ma jerġax ikollna l-istess problemi fis-sajf li ġej?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 142. Inżid ukoll li l-Gvern qed jieħu passi sabiex jassigura li tinżamm l- buon ordni f’żoni ta’ divertiment bħal Paceville u Buġibba. Fost il-miżuri li qed u ser inkunu qed nieħdu nsemmi ż-żieda fil-preżenza tal-Pulizija, it-twaħħil ta’ CCTV cameras u liċenzjar ta’ postijiet sabiex isiru attivitajiet li fihom ma jistax jinbiegħ jew jiġi espost xorb alkoħoliku, fost oħrajn.

Enemalta — Prezz taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 434 u jgħid kemm l-Enemalta qed tieħu passi minn qabel, u għal kemm tul, biex tixtri ż-żejt b'mod li kemm jista' jkun ma tintlaqatx ħażin mill-prezz dejjem tiela' taż-żejt, li jidher li se jkompli jogħla fix-xhur li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Enemalta hi fis-suq kontinwament biex tieħu pożizzjonijiet dwar xiri ta' żejt.

Dipartiment tat-Taxxa — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentri 438 u jgħid matul is-sena 2007 u l-ewwel tliet xhur tas-sena 2008 kemm kien hemm refunds mogħtija liċ-ċittadin mid-Dipartiment tat-Taxxa tad-Dħul li kien ilhom pendenti għal ħafna snin?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 438.

Dipartiment tal-Finanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija ċ-ċifra ta' flus globali pendenti li d-Dipartiment tal-Finanzi għandu jħallas fuq kuntratti tax-xogħlijiet approvati mill-Istat sal-lum? Jista' jgħarrafni bil-breakdown ta' din iċ-ċifra bħal per eżempju, xogħlijiet fuq toroq, affarijiet mediċi, apparat, eċċ?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Riżorsi u Affarijiet Rurali — Reduced Hours

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment/entitajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma fuq reduced hours? Jista' jgħid hux jikkonsidra li jidħol/jew jiżdied n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mid-dar bis-sistema teleworking? Xi trid tagħmel f'każ li persuna tkun interessata żżid is-sigħat tax-xogħol tagħha permezz ta' teleworking?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li numru ta’ mpjegati fid-dikasteru tiegħi li qed jaħdmu sigħat imnaqqas (reduced hours) hu ta 54. Hemm persuna waħda li qed taħdem bis-sistema ta’ telework. Iva, tiġi kkunsidrata kull talba biex jiżdied in-numru ta’ dawk li jkunu jixtiequ jaħdmu bis-sistema teleworking. Persuna li tkun interessata li taħdem b’din is-sistema trid tagħmel talba bil-miktub, liema talba tiġi eżaminata skond kriterji stabbiliti mill-gvern permezz tat-Teleworking Policy maħruġa mill-MPO b’Ċirkulari 6/2008 tat-8 ta’ Frar 2008.

Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Reduced Hours

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment/entitajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma fuq reduced hours? Jista' jgħid hux jikkonsidra li jidħol/jew jiżdied n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mid-dar bis-sistema teleworking? Xi trid tagħmel f'każ li persuna tkun interessata żżid is-sigħat tax-xogħol tagħha permezz ta' teleworking?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-ewwel parti tal-mistoqsija. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-teleworking huwa regolat skond iċ-ċirkulari Nru 6/08 maħruġa mill-OPM. Talbiet għal teleworking jiġu evalwati skond il-mertu ta' kull każ. Kopja taċ-ċirkulari tinsab fl-intranet tal-Gvern "intra.gov.mt".
Leg 11 PQ #319 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Reduced Hours

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment/entitajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li huma fuq reduced hours? Tista' tgħid hux tikkonsidra li jidħol/jew jiżdied n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mid-dar bis-sistema teleworking? Xi trid tagħmel f'każ li persuna tkun interessata żżid is-sigħat tax-xogħol tagħha permezz ta' teleworking?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fil-present in-numru ta' haddiema fid-dipartimenti li jaqghu taht il-Ministeru ghal Ghawdex u li huma fuq reduced hours jammonta ghal 53. Nixtieq ngharraf lill-Onorevoli Nterpellant li talbiet ghat-teleworking iridu jkunu skond il-parametri li huma mnizzla fic-cirkulari Numru 6/2008.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17 u jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li applikaw biex jiġu reġistrati jew naturaliżżati bħala ċittadini ta' Malta fl-ewwel 4 xhur ta' din is-sena hu 322.

Każijiet ta' overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' overdose rappurtati li daħlu fl-isptarijiet lokali matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-terminu “overdose” jinkludi dawn it-tlett kategoriji: · Kategorija A: Avvelenament incidentali kkawżat minn drogi, medicinali jew sustanzi bijoloġici (ICD-10 codes X40 - X44) · Kategorija B: Attentat ta’ suwiċidju ikkawżat minn avvelenament b’sustanzi solidi jew likwidi (ICD-10 codes X60-X64) · Kategorija C: Avvelenament minn drogi, mediċinali jew sustanzi bijoloġici, fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx inċidentali jew premeditat (ICD-10 codes Y10 - Y14) Ninsab informat li, minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal- Hospital Activity Analysis u l- Electronic Case Summary , in-numru ta’ każijiet ta’ overdose li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei bħala pazjenti bejn Jannar u April 2008 huwa kif jidher hawn taħt. Importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu eżaminati fid-Dipartiment ta’ l-Emerġenza u għal xi raġuni ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar. Kategorija Nru ta’ Pazjenti A 8 B 1 C 55 Dawn il-figuri huma bbażati fuq data miġbura sat-22 ta’ Mejju 2008.

Każijiet ta' xorb eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' xorb eċċessiv rappurtati li daħlu fl-isptarijiet lokali matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (HAA) u l-Electronic Case Summary (ECS) jirriżulta li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena ddaħħlu 38 każ minħabba f’xorb eċċessiv fl-Isptar Mater Dei. Dawn il-każijiet jitqassmu fi tliet kategoriji: · Kategorija A: Sindromu ta’ dipendenza fuq l-alkoħol, jew stat ta’ ‘ withdrawal state ’ minħabba li min ikun dipendenti fuq l-alkoħol ikun waqqaf jew naqqas l-ammonti li s-soltu jixrob, jew dawk li jabbużaw mill-alkoħol (ICD-10 codes F10.2 , F10.3, F10.1 u F10.9) · Kategorija B: Intossikazzjoni ikkawżata mill-alkoħol iżda il-persuna ma kenitx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 code F10.0) · Kategorija C: Mard tal-fwied attribbwit għall-alkoħol (ICD-10 code K70) In-numru ta’ każijiet f’kull kategorija huwa kif jidher hawn taħt. Importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu eżaminati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar. Kategorija A 11 Kategorija B 14 Kategorija C 13 Dawn il-figuri huma bbażati fuq data miġbura sat-22 ta’ Mejju 2008.

Każijiet ta' ikel avvelenat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' ikel avvelenat rappurtati li daħlu fl-isptarijiet lokali matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li, minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary (ECS), in-numru ta’ pazjenti li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ velenu fl-ikel (food poisoning) fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena jammonta għal 9. Fit-terminu food poisoning huma nklużi wkoll infezzjonijiet tas-sistema gastroenteroloġika ikkawżati minn viruses li jistgħu ikunu trasmessi mill-ikel (ICD-10 codes: A00-A09 u T61-T62). Din l-informazzjoni hija bbażata fuq data miġbura sat-22 ta’ Mejju 2008

Każijiet ta' Aids

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' Aids rappurtati li daħlu fl-isptarijiet lokali matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li, minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary (ECS), matul il-perjodu indikat iddaħħlet persuna waħda fl-Isptar Mater Dei kawza ta’ AIDS (ICD-10 codes: B20-B24). Din l-informazzjoni hija bbażata fuq data miġbura sat-22 ta’ Mejju 2008.
Leg 11 PQ #502 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

EIA u MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min hu awtoriżżat li jagħmel l-Environment Impact Assessment? Jista' jagħti informazzjoni dwar kif jista' individwu jew kumpanija jidħol/tidħol fil-lista ta' konsulenti rikonoxxuti mill-MEPA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond ir-Regolamenti ta' l-2007 dwar l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali (Avviż Legali 114 ta' 2007), Taqsima VI, konsultenti li jistgħu jipparteċipaw fi Studju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) għandhom jinkitbu f'Reġistru apposta. Minħabba li din it-Taqsima tal-liġi għadha ma daħlitx fis-seħħ, bħalissa l-MEPA tapprova l-konsultenti li jistgħu jieħdu sehem f'EIA skond l-esiġenzi tal-każ. Din l-approvazzjoni tkun imsejsa fuq esperjenza, kompetenza u kwalifiki fid-dixxiplina/i rispettivi. Dawk interessati jistgħu jikkuntattjaw lid-Direttorat għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, fi ħdan il-MEPA stess.
Leg 11 PQ #503 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Faċilitajiet Neċessarji fil-venda ta' Bugibba

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li flimkien mal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni jittieħdu l-passi neċessarji biex fil-venda ta' Bugibba jinbnew faċilitajiet sanitarji li jaqdu l-bżonnijiet ta' l-eluf ta' passiġieri, Maltin u barranin li ta' kuljum jagħmlu użu mill-karozzi tal-linja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fix-xhur u s-snin li ġejjin, il-Gvern ser jinvesti sostanzjalment sabiex jittejjeb il-prodott turistiku. Ser isir investiment kbir anke fiż-żona ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar u l-Qawra. Jien ser ngħaddi s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant lill-entitajiet konċernati sabiex jiġi kkunsidrat.
Leg 11 PQ #504 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Traffic impact statement

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min hu awtorizzat li jagħmel it-traffic impact statement? Jista' jagħti tagħrif dwar kif jista', individwu jew kumpanija jidħol/tidħol fil-lista ta' konsulenti rikonoxxuti mill-MEPA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa ma teżisti ebda lista ta' konsulenti jew kumpaniji li huma awtorizzati li jagħmlu traffic impact statement. Id-Direttorat ta' l-Ippjanar jibgħat Terms of Reference lill-applikant u lill-perit tiegħu, fejn jiġi spjegat x'irid jiġi kopert fit-traffic impact statement. Imbagħad, l-applikant iqabbad lil kwalunkwe konsulent jew kumpanija indipendenti sabiex tħejji dan l-istudju. Meta jitlesta l-istudju, id-Direttorat jevalwah u jekk dan ikun aċċettabbli jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet bħala parti mill-applikazzjoni. Jekk l-istudju ma jkunx aċċettabbli, il-konsulent jintalab jirrivedi l-istudju sakemm dan ikun aċċettabbli.
Leg 11 PQ #505 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — Settur turistiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar, skond l-M.T.A.kemm huwa a) in-numru ta' sodod fil-lukandi b) in-numru ta' furnished flats ċ) catering establishments d) bars e) diving service providers fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Bugibba u Qawra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra hemm dawn l-istabbilimenti liċenzjati mill-MTA: 1) n-numru ta’ sodod f’lukandi 11,719 2) n-numru ta’ furnished flats 297 3) catering establishments 200 4) bars 115 5) diving service providers 16

Wardija — Main ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarja biex il-main ta' l-ilma fil-Wardija jinbidel kemm jista' jkun malajr, għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat ittaqqab diversi drabi u t-tiswija li ssir qed ikollha tiġi ripetuta numru ta' drabi? Jista' jevita dan l-inkonvenjent lir-residenti u lill-kunsill lokali billi dawn il-ħsarat qed jikkawżaw numru kbir ta' ilmenti ripetuti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minħabba il-problemi li rrefera għalihom l-Onor Interpellant, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tagħmel il-preparamenti meħtieġa biex din tinbidel kemm jista’ jkun malajr.
Leg 11 PQ #507 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Protezzjoni tad-data

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tiġi emendata b'mod li jkun ferm aktar ċar li min jabbuża jista' jiġi pproċessat? Jista' jara li fost l-oħrajn li meta jkun hemm ammissjonijiet li tali' persuna tkun abbużat fil-konfront ta' xi ħadd, fil-fatt jittieħdu l-passi neċessarji kollha? Minbarra l-proċeduri uffiċjali, f'każi bħal dawn, jistgħu jittieħdu ukoll passi ċivili li fihom l-investigatur tal-pulizija jintalab jixhed?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li f'kull Liġi hemm lok għall-emendi ġodda. Fil-każ in kwistjoni dan għandu jsir fil-parametri tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta' l-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data. Din id-Direttiva ġiet mdaħla fil-Liġijiet ta' Malta taħt l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad- Data (Kap. 440). Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li meta ssir investigazzjoni ta' każ, li ħafna drabi jista' jinvolvi proċeduri kriminali, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data jmexxi l-investigazzjoni flimkien mal-Pulizija. L-artikolu 46 (1) tal-Liġi tal-protezzjoni tad-data jipprovdi għall-kumpens għad-danni u dan isir permezz ta' ċitazzjoni ppreżentata fil-Qorti kompetenti.