Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #626 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ingaġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ġie ngaġġat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-persuna msemmija huma ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt tas-Segretarja Stampa u Komunikazzjoni. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-aħħar verżjoni tad-dokument Engagement of Staff for Minister’s Secretariats’ datata Ottubru 2007 kif approvat mill-Kabinett, u li kopja tiegħu qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #642 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Żoni turistiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li jittieħdu passi serji biex żoni turistiċi bħax-Xlendi u Marsalforn jingħataw attenzjoni speċjali b'mod permanenti għax qed jitħallew jaqgħu lura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ser ikompli jieħu diversi miżuri sabiex Marsalforn u x-Xlendi jingħataw aktar attenzjoni. Fost dawn il-miżuri nsemmi li, matul ix-xhur tas-sajf, bi ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Munxar, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta ser toffri għajnuna finanzjarja sabiex isiru ġbir addizzjonali ta’ skart. Min-naħa tiegħu l-Kunsill intrabat li jbiddel is-sinjali tat-traffiku li huma fi stat ħazin, jibdel ukoll pjanti u siġar mejta u jżomm il- public conveniences indaf f’livell aċċettabbli. Fil-każ ta’ Marsalforn, l-Awtorità għamlet ftehim mal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ fejn l-Awtorità ser toffri għajnuna finanzjarja fis-sajf għal ġbir ta’ skart addizzjonali. Il-Kunsill intrabat li kull intervent meħtieġ madwar ix-xtajta jrid jittieħed b’mod immedjat, bħal bdil ta’ sinjali tat-traffiku, street furniture u interventi oħra simili. Huwa l-ħsieb ta’ l-Awtorità li tkompli tagħti għajnuna b’mod konsistenti kemm-il darba ż-żewġ żoni turistiċi jinżammu fi stat tajjeb.
Leg 11 PQ #643 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Decompression Chamber — Taħriġ ta' l-istaff

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jintnefqu flus fuq it-taħriġ ta' l-istaff għad-decompression chamber? Min qed jingħata dawn il-flus? Kemm qed idum dan it-taħriġ? Kemm persuni se jingħataw taħriġ? Għal liema tip ta' xogħol se jingħataw taħriġ? Meta se tibda titħaddem iċ-chamber li ilha inawgurata mis-6 ta' Diċembru 2006?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant dwar l-ewwel zewg mistoqsijiet inghatat fir-risposta moghtija ghall-mistoqsija Nru. 158. Ninsab infurmata wkoll li hemm zewg tobba, tliet infermiera u erba' technicians li qeghdin jircievu t-tahrig biex ikunu jistghu jaghtu t-trattament permezz tad-Decompression Chamber. Il-Hyperbaric Unit ser tkun taghti servizz ta' emergenza lill-ghaddasa f'kas ta' "decompression illness" ikkawzata minn incidenti waqt l-ghadds kif ukoll trattament ta' "hyperbaric oxygen" lil pazjenti li jehtiguh. It-tahrig mistenni li jitlesta fir-12 ta' Gunju u t-trattamenti jkunu jistghu jibdew sa l-ahhar tax-xahar.

Sistema ta' tendering — Audit

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ġiex ikkummissjonat audit indipendenti mill-Unjoni Ewropea dwar is-sistema tat-tendering preżenti? Jekk iva, x'kien l-eżitu ta' dan l-audit? Jista' jqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq nikkonferma li ġie kkumissjonat audit indipendenti mill-Unjoni Ewropeja dwar is-sistema tat-tendering preżenti. Ir-rapport ta’ dan l-eżerċizzju għadu ma’ ġiex konkluż.

Office for fair trading

Question

Jista' l-Ministru jindika meta se tingħata awtonomija sħiħa lill-Office for Fair Trading kif irrikkmandat mill-Commission of Fair Trading?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għalkemm l-Uffiċċju għall-Kompetitzjoni Ġusta huwa dipartiment tal-Gvern, il-liġi tal-Kompetizzjoni (Kap. 379) tassigura li l-operat tad-direttur tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta huwa awtonomu. Tajjeb ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l-funzjonijiet li għandu id-Direttur skond il-liġi tal-kompetizzjoni huma indikazzjoni ċara tal-awtonomija li jgawdi l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta, bħal ngħidu aħna: (1) id-Direttur, minkejja li investigatzzjoni tista tiġi mibdija fuq talba tal-Ministru responsabbli jew wara li d-direttur jkun irċieva xi ilment, għandu l-poter u l-obbligu li jibda investigazzjonijiet ex officio, cioe’ minn jheddu, u dan sabiex jassigura li l-liġi tal-kompetizzjoni hija osservata; (2) kwalunkwe informazzjoni li tinġabar mill-Uffiċċju hija ttratata bl-akbar kunfidenzjalita’ u tista tiġi rivelata biss lill-Kummissjoni għall-Kummerc Ġust u l-ħadd aktar; (3) wara l-konkluzjoni ta’ xi investigazzjoni id-Direttur huwa obligat, jekk jirrizulta li kien hemm xi ksur ta’ xi artikolu tal-liġi tal-Kompetizzjoni, joħroġ deċizjoni u jispjega x’wasslu sabiex jikkonkludi li kien hemm tali ksur. Tali deċizjoni tkun mgħoddija lil dawk konċernati biss. Jekk in oltre kien hemm xi ksur serju tal-liġi, id-Direttur huwa obligat jisottometti rapport lill-Kummissjoni u mhux ngħidu lis-Segretarju Permanenti jew lill-Ministru. Għalhekk ġialadarba l-Uffiċċju igawdi awtonomija fil-ħidma tiegħu ikun aktar għaqli jekk l-Uffiċċju jkompli jissaħħaħ.

Mosta — Biċċa art

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal dik il-biċċa art li hemm bejn Vjal l-Indipendenza u l-Housing Estate tal-Blata l-Għolja fil-Mosta li sal-lum tinsab abbandunata, maħmuġa u kollha ħaxix ħażin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi l-art in kwistjoni mhix tal-Gvern.

Servizz tas-saħħa — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi data dwar il-full complement tal-ħaddiema fis-servizz tas-saħħa f'Malta u Għawdex? Jekk hemm bżonn aktar ħaddiema, f'liema gradi hemm dan in-nuqqas? Meta jaħseb li dan il-full complement se jintlaħaq? Se ssir xi kampanja biex żgħażagħ jitħajru jidħlu f'dan il-qasam?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni mitluba tirrekjedi ammont konsiderevoli ta’ riċerka li għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- Institute of Health Care għaddej b’kampanja kontinwa kemm fuq il- media ta’ l-Università u dik lokali biex jattiraw aktar żgħażagħ għall-professjoni ta’ nursing , midwifery u professjonijiet allejati mal-mediċina. Sadanittant kampanja simili għal dik li saret is-sena l-oħra għal aktar applikanti fil-qasam tan- nursing , u li ħalliet riżultati pożittivi ser tiġi ripetuta din is-sena wkoll.

Power stations — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm ipproduċa kilowatts ta' dawl fis-sena mill-power stationstal-Marsa u ta' Marsaxlokk (Bengħajsa)? Kemm minnu jintuża għall-użu pubbliku? Kemm jintuża għall-użu privat? Kemm minnu jiġi moħli minħabba ħsarat jew għal xi raġuni oħra? Kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Produzzjoni ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm ipproduċa litri ta' ilma tal-vit fis-sena? Kemm minnu jintuża għal użu pubbliku? Kemm minnu jintuża għal użu privat? Kemm minnu jiġi moħli minħabba ħsarat jew għal xi raġuni oħra, kemm f'Malta u f'Għawdex separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bajjiet popolari — First aid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jipprovdi servizz ta' ambulanza, nurseu first aider ma' ġenb bajjiet kbar li fil-ġranet tas-sajf ikunu ferm popolari, bħalma hija l-Bajja ta' l-Armier u l-Għadira fost oħrajn?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-Ministeru tas-Saħħa qatt ma kien jipprovdi servizz ta’ first aid fil-bajjiet Maltin. Is-servizz ta’ life saving dejjem ġie provdut mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Madankollu ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta joffri servizz t’ambulanza kuljum sat-8.00 p.m. biex tintlaħaq in-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Dan is-servizz ikopri wkoll il-bajjiet indikat f’każ li jinqala’ xi inċident.

Mosta — Zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet ħalli ż-zebra crossing li hemm bħalissa li hija perikoluża tiġi modifikata ħalli jonqos dan il-periklu? Din iż-zebra crossing tinsab ġo Valletta Road maġenb il-ground tal-Mosta li l-modifikazzjoni tagħha trid issir fuq naħa minnhom inti u dieħel lejn il-Mosta ħalli karozzi li jkunu ġejjin minn Triq il-Manwella għal Triq Valletta jkunu jistgħu jagħmlu dan b'inqas periklu.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Għajnuna addizzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex intitolata għal għajnuna addizzjonali peress li għandha tifla li tbati b'diżabilita' u sal-lum din it-tifla ma tieħu l-ebda għajnuna?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha jew li ċċempel SPIC fuq freephone 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Taxxa fuq petrol u fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija t-taxxa, s-sisa u l-VAT fuq petrol u fuel li jinbiegħ mill-pompi? Kemm hija t-taxxa, s-sisa u l-VAT fuq fuel li jintuża mill-industrija? Kemm hija t-taxxa, s-sisa u l-VAT fuq fuel li jintuża mill-jottijiet u mill-ajruplani rispettivament? Kemm hija s-sisa li tħallas l-Enemalta kull sena fuq il-fuel oil?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Pensjoni tar-romol

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li armla li taħdem full time tibqa' tirċievi l-pensjoni tar-romol? Kemm-il darba din l-armla jkollha ulied li għalqu 16-il sena u għalhekk ma jibqgħux jikkwalifikaw għaċ-Children's Allowance, dawn ir-romol f'tali ċirkustanza xorta jibqgħu ntitolati għall-pensjoni sħiħa?

Response (DALLI, JOHN)

Armla li jkollha tfal taħt is-16-il sena jkollha dritt għall-Pensjoni għar-Romol bla tnaqqis, anki jekk taħdem full-time, ikun kemm ikun id-dħul li jkollha mix-xogħol. Fejn l-ulied jagħlqu 16-il sena iżda jkollhom anqas minn 21 sena u jattendu f’istituzzjoni edukattiva jew jirreġistraw għax-xogħol taħt l-Ewwel Parti tar-Reġistru miżmum mil-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, l-armla tibqa’ tirċievi l-Pensjoni għar-Romol iżda r-rata tista’ tonqos skond id-dħul tagħha mix-xogħol, iżda fl-ebda każ ma r-rata tal-pensjoni tkun anqas mill-Pensjoni Minima mħallsa lir-Romol. F’każ li ħadd mit-tfal ma’ jkun taħt is-16-il sena, jew taħt il-21 sena u jkun jirreġistra għax-xogħol jew jattendi istituzzjoni edukattiva, il-Pensjoni għar-Romol tibqa’ dovuta sakemm id-dħul mix-xogħol ta’ l-armla ma’ jaqbiżx il-paga minima nazzjonali.

Teħid ta' proprjeta — Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-kumpens dovut lill-persuni, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, flimkien mad-dettalji tal-każ, għall-art proprjeta' tagħhom li ttieħdet mill-Gvern ta' Malta għal skop pubbliku permezz tal-Gvern? Jista' jgħid meta se jieħdu tali kumpens?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #678 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Tetrabenazine

Question

Jista' l-Ministru jiżgura li jkun hawn stock adegwat ta' Tetrabenazine? Din hija mediċina li tintuża fil-kontroll tal-marda tal-Huntington's Chorea, għax dan l-aħħar l-istock ta' dawn il-pilloli fl-ispiżerji tal-Gvern kien vera baxx, għad-detriment tal-familjari ta' dawn il-pazjenti li qed ikollhom joqogħdu jiġru minn spiżerija tal-Gvern għall-oħra biex jinqdew?

Response (DALLI, JOHN)

Id-Dipartiment tas-servizzi ta’ procurement – taqsima tas-saħħa – wasslitlu kunsinna ta’ tliet xhur stokk ta’ din il-medicina fit-12/05/08. Din il-kunsinna, sat-30 ta’ Mejju, tqassmet kollha lill-ispizeriji tas-Servizzi tas-Saħħa. Filwaqt li hu mistenni li dan l-istokk għandu jservi għal tlett xhur, kunsinna oħra ta’ din l-istess mediċina mistennija tasal sa tmiem din il-ġimgħa.
Leg 11 PQ #680 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija sospiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pulizija nvoluti fil-każ tal-persuna, li isimha qed jidher separatament, ma ġewx sospiżi temporanjament sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom, kif soltu jiġri f'każi simili?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi skond il-proċedura uffiċċjal jista' jiġi sospiż mid-doveri tiegħu f'każ li jkunu nbdew jew ikunu ser jinbdew proċeduri kriminali jew dixxiplinarji serji fil-konfront tiegħu. Fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, s'issa m'hemm ebda membru tal-Korp tal-Pulizija taħt dawn iċ-ċirkostanzi. Wara li jkunu lesti ż-żewġ inkjesti li bħalissa hemm għaddejjin rigward il-każ, l-amministrazzjoni tal-Korp tkun tista' tieħu dawk il-provvedimenti skond ma jirriżulta.

Libyan Arab Maltese Holding Company

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 179 u 360 u jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-Gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-Tarznari?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #686 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Reġistru Pubbliku — Divorzji

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 293 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjni u issa ġiet riferuta lilha, u tgħid kemm ġew reġistrati divorzji fir-Reġistru Pubbliku ta' Għawdex f'dawn l-aħħar tlett snin separatament u jindika l-pajjiżi ta' min fejn ġew ottenuti dawn id-divorzji?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija hawn taħt; 2005 3 divorzji – 2 ottenuti minn Parramarra, Awstralja u l-ieħor minn Edinburgh, Skozja. 2006 2 divorzji – 1 ottenut minn St. Petersburg, Russja u l-ieħor minn New York, U.S.A. 2007 2 divorzji – 1 ottenut minn Melbourne, Awstralja u l-ieħor minn New York, U.S.A.
Leg 11 PQ #689 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Żwiġijiet Ċivili

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 292 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilha, u tgħid kemm kien hemm żwiġijiet ċivili f'Għawdex bejn persuni Maltin u persuni ta' nazzjonalita' barranija f'dawn l-aħħar tlett snin separatament? Tista' tindika s-sess u l-eta' tal-partijiet u tgħid jekk tweldux tfal minn dawn iż-żwiġijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella annessa. ŻWIĠIJIET ĊIVILI BEJN MALTIN U BARRANIN 2005 7 irġiel Maltin iżżewġu ma’ barranin u 2 irġiel barranin iżżewġu ma’ Maltin. L-irġiel Maltin kellhom 59,38,33,57,43,36,33 sena u n-nisa barranin li izzewguhom kellhom 28, 28, 30, 42, 37, 37, 24 sena rispettivament. L-irgiel barranin kellhom 28 u 39 sena filwaqt li n-nisa Maltin li żżewġuhom kellhom 21 sena. 2006 6 irġiel Maltin iżżewġu ma’ barranin u raġel barrani iżżewweġ ma’ Maltija. L-irġiel Maltin kellhom 34,26,36,32,45,44,27 sena u n-nisa li żżewġuhom kellhom 29,26,25,33,20,25 sena rispettivament. Il-barrani kellu 28 sena u l-mara Maltija kellha 36 sena. 2007 5 irġiel Maltin iżżewġu ma’ barranin u 2 irġiel barranin iżżewġu nisa Maltin. L-irġiel Maltin kellhom 61,32,44,25 u31 sena u n-nisa barranin li żżewġuhom kellhom 44,29,38,31 u 20 sena. L-irġiel barranin kellhom 30 u 65 sena u n-nisa Maltin li żżewġuhom kellhom 23 u 46 sena rispettivament. Ma tinżammx statistika tat-tfal li twieldu minn dawn iż-żwiġijiet.