Billi matul l-aħħar leġislazzjoni, f'diversi okkażjonijiet tlabt lill-Kummisarju tal-Pulizija jinvestiga allegazjonijiet li kien qed isiru fil-Parlament, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fihx waslu l-istess investigazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar dettalji dwar liema allegazzjonijiet qed jirreferi.
Billi l-formula li fuqha jinħadem ir-retail price index ilha stabilita' mhux ħażin, jitsa' l-Ministru jara jekk wasalx iż-żmien li din il-formula tiġi riveduta biex jieħu in konsiderazzjoni r-realtajiet moderni?
Jekk diġa' sar xi studju dwar dan, jista' jagħti tagħrif dwar x'konklużjonijiet ħarġu minn dan l-istudju?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-aħħar weighting frame tal-RPI ġie introdott fis-sena 2002. Essenzjalment, dan il-weighting frame hu msejjes fuq l-aħħar Household Budgetary Survey (HBS) li beda fis-sena 2000 u spiċċa fis-sena 2001. Fil-preżent għaddej HBS ieħor sabiex, fejn ikun hemm bżonn, nibdlu il-weighting frame eżistenti b’wieħed li jirrifletti aħjar il firxa ta’ l-ispejjes fuq oġġetti ta’ konsum u servizzi tal-familji Maltin.
Jista' l- Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx case offices li għandhom xi forma ta' permess biex jassentu ruħhom mix-xogħol minħabba courses li qed jattendu?
Jekk iva, x'inhu n-numru ta' applikazzjonijiet lill-MEPA li qegħdin pendenti għal dawn il-case officers?
Jista' l-Ministru jara li s-siti li jiġu magħżula biex fihom jitqiegħdu l-containers tal-bring-in sites fil-fatt ikunu tali li fihom l-istess containers ma tantx ikunu viżibbli?
Jista' jiġi stabilit xi forma ta' disinn li jservi biex kemm jista' jkun dawn is-siti jkunu moħbija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Membru li għalissa sakemm jindraw iżjed mill-pubbliku u jiġi mħeġġeġ kemm jista’ jkun l-użu tagħhom, tajjeb li dawn jitpoġġew f’post fejn jidhru. Il-proċess kollu ta’ ftuħ ta’ bring-in site isir b’konsultazzjoni sħiħa mal-kunsill li saħansitra jagħżel is-sit fejn jitpoġġew il-containers.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern qattx ikkonsidra jew studja l-possibilita' ta' l-introduzzjoni ta' mezzi alternattivi ta' transport pubbliku li huma iktar eco-friendly komparati ma' dawk konvenzjonali bħal a) solar-powered vans fi traġitti komparattivament qosra bħalma huma dawk tal-park-and-ride mill-Furjana għall-Belt u b)sistema ta' mono-rail fi traġitti itwal?
Jista' jgħid ukoll jekk il-Gvern qattx ikkonsidra jew studja bis-serjeta' l-idea ta' underground/metro/tube-system f'Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħala parti minn proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropea (Interreg III PAGUS Component C), fl-2007 l-Awtorita’ dwar it-Trasport kienet ippreżentat riċerka fuq l-introduzzjoni tal-Bus Rapid Transit f’Malta. Sa issa, ma kien hemm l-ebda studju fuq l-introduzzjoni ta’ sistemi solar-powered, mono-rail jew underground/metro/tube-system.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tat-tariffa li se tiġi użata biex xi ħadd jintavola rikors quddiem it-Tribunal ta' Reviżjoni mwaqqaf taħt Kap. 490 tal-Liġijiet ta' Malta? Meta se jidħol fis-seħħ it-Tribunal ta' Reviżjoni?
Jista' jindika wkoll jekk hijiex l-intenzjoni tal-Gvern li l-bordijiet jew tribunali amministrattivi preżenti elenkati fl-Ewwel Skeda tal-Kap. 490 jiġu nkorporati fit-Tribunal ta' Reviżjoni, mwaqqaf taħt Kap. 490 tal-Liġijiet ta' Malta sabiex ikun hemm Tribunal wieħed amministrattiv li jiġbor taħt nomenklatura u kappa legali waħda u f'post fiżiku wieħed it-tribunali u l-bordijiet kważi ġudizzjarji kollha?
In oltre jista' jispjega kif qed jipprospetta li l-Artiklu 469A tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili l-Kap. 490 se jikkoeżistu flimkien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tariffi legali li talab għadhom qed jitħejjew.
Jista' l-Ministru jagħti lista xahar, b'xahar bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-1 ta' Mejju 2008 ta' ċittadini Maltin li żżewġu ċittadini li ġejjin minn pajjiż mhux mill-Unjoni Ewropea? Minn dawn, kemm miċ-ċittadini Maltin kienu diġa' miżżewġin preċedentement u kellhom iż-żwieġ tagħhom imħassar b'sentenza tal-Qorti qabel ma reġgħu żżewġu għal darb'oħra? Kemm miċ-ċittadini Maltin diġa' kellhom tfal reġistrati f'isimhom qabel ma żżewġu ċittadini li ġejjin minn pajjiżi mhux mill-Unjoni Ewropea?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hi kif tidher it-tabella annessa. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tinżammx taħt forma ta’ statistika.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 456 u jindika x'inhi l-proċedura li għandha tiġi adottata f'każ li jkun se jsir żvilupp privat li jmiss ma' triq li għalkemm tintuża mill-pubbliku tkun għadha proprjeta' tal-privat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-proċedura li trid tintuża fil-każ msemmi mill-Onor Interpellant hija dik kif indikata fil-Kodiċi tal-Pulizija Kap 10 II 'Fuq Toroq'.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 457, b' "għat-twaqqif" l-interpellant jifhem l-attwazzjoni ta' dak sanċit bil-permess tal-MEPA?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li z-zona ta’ l-akkwakultura barra l-Ponta ta’ Żonqor, bdiet topera sentejn ilu u minn nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju reġa’ beda jkollha l-ħut fiha għal dan l-istaġun.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' persuna ta' ċittadinanza Niġerjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed isib impediment legali biex ikun jista' jikkontratta ż-żwieġ tiegħu mal-partner Maltija tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant qiegħed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru permezz ta' l-ADT jara x'inhi r-raġuni għaliex f' Triq l-Oratorju, l-Mosta minn fejn jgħaddu ħafna tfal mal-ġenituri waqt il-ħin li jkunu sejrin għad-duttrina f'Oratorju Qalb ta' Ġesu', il-kunsill lokali tal-Mosta spiċċa biex neħħa t-traffic calming measures li l-bżonn juri li għandhom jerġgħu jiġu mqiegħda biex il-vetturi jnnaqsu l-veloċita' ta' sewqan tagħhom ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT approvat żewg round topped road humps fi Triq Oratorju b’ittri datati 6 ta’ Frar 2006 u 24 ta’ Ottubru 2006. Ma nstabu l-ebda dokumenti sabiex jitnehhew ir-road humps fi Triq Oratorju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini Maltin li xi darba ħadu plot tal-Gvern u bnew id-djar tagħhom fuqu u li sal-lum għadhom fuq konvenju? Fejn jinsabu dawn ir-residenzi? Kemm hawn residenzi b'dan il-mod, f'kull lokalita? Meta se jikkonkludu l-ftehim billi l-art li għadha fuq konvenju tgħaddi għal fuq kuntratt?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li hemm 1,324 benefiċċjarji li bnew id-dar tagħhom fuq plot mogħtija lilhom b'ċens mill-Awtorita' tad-Djar u li għadhom fuq Konvenju. Ebda Dipartiment jew entita' taħt id-dekasteru tieghi ma għandu kontroll fuq meta l-artijiet in kwistjoni jghaddu ghand l-Awtorita'.
Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jerġa' jdur it-traffiku ħalli l-vetturi li jidħlu minn Triq il-Kungress Ewkaristiku jħarsu lejn il-knisja u mhux jibqgħu jagħtu daharhom lejn il-knisja kif qed jagħmlu llum huma u ħerġin mill-Mosta għal Birkirkara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għad m’hemm l-ebda ħsieb li fil-futur qarib din il-bidla fl-immaniġġar tat-traffiku sa sseħħ.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm hemm nies jistennew dar mingħand il-Housing Authority? Kemm hemm minnhom single parents? Kemm hemm romol? Kemm hemm minnhom b'familji kbar ta' iktar minn żewġt itfal?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li hemm 3.489 applikazzjoni quddiem l-Awtorita’ tad-Djar għal akkomodazzjoni alternattiva. Minn dawn, 679 huma minn single parents, 189 minn romol u 356 minn familji b’aktar minn żewġt itfal.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm tqassmu djar/plots/flats lill-poplu bħala skemi tal-Housing? Liema huma dawn l-iskemi? Jista' jgħid jekk hemmx xi skema li mhux kulħadd huwa ntitolat għaliha?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika s-sena jew snin li dwarhom qed jitlob l-informazzjoni..
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta jsirilha l-manutenzjoni meħtieġa speċjalment fejn hemm il-culverts, li jinsabu perikolużi jekk xi vettura tinżel fuqhom bi żball?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jispjega jekk huwiex possibbli li professjonist li jagħlaq il-61 sena jkompli jagħti s-servizzi tiegħu fil-qasam pubbliku bħala impjegat mas-Servizz Pubbliku? Kemm hemm professjonisti li bħalissa qed jagħmlu dan u f'liema oqsma?
Jista' l-Ministru jassigura li l-pelican lights li ġew installati numru ta' ġimgħat ilu biswit zebra crossing fi Triq Temi Zammit, Mġarr, u li sal-lum għadhom qatt ma nxtegħlu, jinxtegħlu mingħajr aktar dewmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li wara li l-ADT għamlet ix-xogħol neċessarju, bħal issa qed jiġi nstallat is-supply tad-dawl għall-pelican lights imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant u b’hekk dawn il-lights ikuu jistgħu jinxtegħlu fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 357 u jinfurmani jekk Triq tas-Sliema, Kappara, San Gwann hux qegħda f'xi programm ta' rranġar tat-toroq bħala triq prinċipali u iżjed issa bit-traffiku li jgħaddi għall-iSptar Mater Dei? In vista ta' l-istat ħażin li t-triq tinsab fiha, jista' jikkonsidra li jsiru xi xogħlijiet f'din it-triq?