Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq Villa Fransija, Ħal-Lija? Meta hu ppjanat li tkun lesta? Kemm ġie jiswa dan il-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li, x-xogħol fuq Villa Fransija li sar mit-Taqsima tax-Xogħlijiet, kważi tlesta kollu għajr għal sala fl-ewwel sular li xogħol fuqha ser jibda f’dawn il-ġranet minħabba li jrid jinbidel is-saqaf u wara jsir ix-xogħol ta’ restawr.
Dan il-proġett hu stmat li ser iqum madwar € 920,000. Fuq din il-villa ma sarx xogħol biss ta’ restawr fuq il-ġebla u l-aperturi, imma ġew installati sistema ta’ l-elettriku u sistema mekkanika ġodda kif ukoll lifts b’aċċess għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u sistema ta’ komunikazzjoni.
Sar ukoll xogħol ta’
landscaping
fil-ġonna tal-madwar kif ukoll xogħol fuq bibien u aperturi nterni. Dan barra xogħol kbir ta’ restawr ta’ affreski li sar mill-ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 77 dwar bini ta' skejjel, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-prijoritajiet edukattivi għas-sentejn li ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-prioritajiet edukattivi jinkludu l-bini u r-refurbishment ta’l-iskejjel biex jitwaqqfu l-Kulleġġi ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat. Ninsab infurmata li l-pjanijiet dwar bini ta’ skejjel għas-sentejn li ġejjin jinkludu t-tkomplija ta’ bini ta’ tliet skejjel ġodda li għaddej bħalissa, il-bidu ta’ bini ta’ skola ġdida fil-Mosta u r-refurbishment ta’ numru ta’ skejjel li l-aktar għandhom bżonn.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se tinżamm il-wegħda li saret fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti li jibnew ranges ġodda għall-użu tax-Shooting Federation Maltija ħalli b'hekk ikunu jistgħu jiġu organizzati kompetizzjonijiet ta' natura internazzjonali li jattiraw numru kbir ta' kompetituri u mhux biss?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 231.
Wara li Malta ilha xi xhur fiz-zona Schengen, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'tip ta' lmenti rċieva l-gvern jew d-dipartiment u kif qed taħdem is-sistema b'mod ġenerali? X'tip ta' ftehim hemm ma' pajjiżi oħra ħalli jagħtu l-għajnuna tagħhom lil pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għas-sistema ta' l-applikazzjoni tal-visa.
Bla dubju, minkejja l-preparamenti li jsiru minn qabel, xorta jibqa element ta' rfinar li jsir wara li tibda titħaddem is-sistema. Dan jirriżulta f'ilmenti li jistgħu jiġu ndirizzati f'qasir żmien biex b'hekk l-affariet jirranġaw. Hemm ilmenti oħra pero li jirrigwardaw żieda qawwija fil-kapaċita amministrattiva bħal per eżempju n-nuqqas ta' Konsolati Maltin f'ċerti pajjiżi terzi u l-fatt li m'għadux possibli li tinħareġ "visa at the border". L-ilmenti li jirriżultaw minn dan l-istat ta' fatt trid aktar żmien biex issolvihom, aktar analiżi u ħsieb ta' wieħed x'jista u ma jistax jagħmel, u fuq kollox aktar flus. Minkejja dan, sabiex ittaffi kemm jista' jkun dawn iż-żewġ problemi, l-Ministeru, grazzi għall-għajnuna ta' l-awtoritajiet Taljani, Awstrijaċi u Spanjoli qed juża l-Konsolati ta' dawn il-pajjiżi sabiex jinħarġu visas għall-Malta minn 90-il pajjiż fejn Malta m'għandhiex Ambaxxata jew Konsolat. Minbarra dan, saru diġa u qed ikomplu jsiru arranġamenti biex, f'pajjiżi b'territorju kbir, jiġu ngaġġati intermedjarji (aġenti ta' l-ivjaġġar) biex ikunu huma li jieħdu ħsieb iwasslu l-applikazzjonijiet għall-visas u d-dokumentazzjoni meħtieġa lil eqreb Ambaxxata jew Konsulat Malti (li ma jkunx onorarju).
B'mod ġenerali, s-sistema ta' l-ipproċessar tal-visa tibda billi l-Ambaxxati Maltin idaħħlu fis-sistema kompjuteriżżata l-applikazzjoni tal-visa wara li tkun saret verfikazzjoni tad-dokumenti u interview żgħir ma' l-applikant. Meta l-applikazzjoni tintbagħat elettronikament mill-Ambaxxata din tasal l-ewwl għand is-Central Visa Unit u hemmekk jibda proċess elettroniku ta' approvazzjoni minn diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern. Ir-risposta terġa fl-aħħar tasal għand l-Ambaxxata kkonċernata biex din toħroġ il-visa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm Learning Support Assistants (facilitators) ġewwa Għawdex u f'liema skejjel qegħdin? Kemm hemm tfal li ġew statemented u f'liema skejjel jinsabu? Kemm ġew impjegati LSAs xahar b'xahar minn Settembru 2007 sa Mejju 2008?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Nterpellant li ma gie impjegat hadd mill-Ministeru ghal Ghawdex bhala LSA minn Settembru 2007 sa Mejju 2008.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm Learning Support Assistants (facilitators) ġewwa Malta u f'liema skejjel qegħdin? Kemm hemm tfal li ġew statemented u f'liema skejjel jinsabu? Kemm ġew impjegati LSAs xahar b'xahar minn Settembru 2007 sa Mejju 2008?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 110, tista' l-Ministru tgħid jekk fil-każ tas-suġġetti msemmija kienx hemm bidla fis-setters tal-karti? Tikkonferma li din is-sena meta mqabbel ma' snin oħra l-livell tal-karti kien ogħla ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li s-setters tal-karti ta’ l-eżami tal-matematika fil-livell tas-SEC ta’ Mejju 2008 u ta’ Mejju u Settembru 2007 kienu l-istess. Fil-każ tal-fiżika fl-istess livell is-setters tal-karti ta’ l-eżami f’Mejju 2008 u ta’ Mejju u Settembru 2007 kienu l-istess minbarra persuna waħda li ma kinetx eliġibbli li tkun setter din is-sena.
Fis-suġġetti kollha fil-livell tas-SEC, l-eżaminaturi jippreparaw tlett karti, Paper 1, Paper 2A u Paper 2B, li jkun fihom mistoqsijiet li jitolbu firxa wiegħsa ta’ ħiliet. Din is-sena bħal fi snin oħra l-eżaminaturi tal-matematika u tal-fiżika qagħdu attenti biex ikun hemm bilanċ bejn mistoqsijiet diffiċli u oħrajn inqas diffiċli u biex il-livell ikun jixbaħ kemm jista’ jkun il-livell tas-snin ta’ qabel.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 488, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jindika eżatt għal liema disability pension qed tirreferi, hux disability pension għax ikun ġara xi inċident jew inkella diżabilita' mit-twelid jew mard?
Response (DALLI, JOHN)
Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, id-disability pension, li kienet is-suġġett tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 488, hi dik il-pensjoni mħallsa dwar persuna li jkollha sittax-il sena jew aktar u tkun ċertifikata li qed issofri minn subnormalità mentali severa jew li tkun persuna gravament diżabilitata, u tkunu tissodisfa it-test tal-mezzi skond l-istess l-Att.
Għalhekk, l-informazzjoni mogħtija bi Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 488 kienet speċifikament dwar din il-pensjoni..
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 345, jista' l-Ministru jgħid is-624 angiogram li saru tul 2008 kemm kien ilhom fuq il-waiting list? Kif jiddefinixxi "fair" l-Ministru? Min qed jassigura li kollox isir "fair"? Japprezza li min ma jistax iħallas jista' jkun żvantaġġjat bis-sistema kif inhi llum? Kif jassigura l-Ministru li min ikun ra speċjalista privatament ma jaqbiżx in-nies li jkunu fuq il-waiting list? Jista' biex jitnaqqas l-abbuż tibda tiġi pubblikata lista u turi l-ordni ta' min imissu u meta tpoġġa fuq il-waiting list? Jekk l-oġġezzjoni għal dan huwa Data Protection Act tista' tiġi ippublikata skond in-numru tal-karta ta' l-identita'? Dan jista' jiġi applikat wkoll għad-dipartiment tal-kirurġija u ta' l-għajnejn?
Response (DALLI, JOHN)
It-terminu “Fair” fil-Medicina tfisser “Bzonn Kliniku”. Huwa għalhekk li għandna departiment ta’ emerġenza li jara pazjenti qabel oħrajn li jiġu eżaminati fl-Outpatients. Barra minn hekk, jekk it-tabib responsabbli mill-pazjent iħoss li l-kundizzjoni tal-pazjent qed tiddeterjora malajr jew li progress kliniku jirrikjedi azzjoni mmedjata, dan jista’ jagħmel kuntatt mal-Konsulent ikkoncernat li jkun jista’ jieħu azzjoni dwar dawn il-bżonnijiet.
Dan il-process japplika għal kull minn jiġi eżaminat. Individwi jitpoġġew fuq
waiting list
komuni u l-kriterji ta’ urgenza japplikaw għal pazjenti li l-kundizzjoni klinika tagħhom tirrikjedi li jingħataw prijorita fil-lista. Il-Kodici ta’ l-Etika tal-Professjoni Medika tassigura l-
fairness
li l-Onorevoli Parnis qed jistaqsi dwarha. Il-
waiting lists
qatt ma huma bbażati fuq
“First Come first served basis”
imma l-urġenza tal-każ tiddetta iż-żmien ta’ stennija għall-procedura necessarja.
Hemm Team Mediku tal-Kardjologija fuq
standby
fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa biex jinvestiga u jittratta każi urġenti li jidħlu mid-Dipartiment ta’ l-Emergenza. Barra minn hekk, każi fejn il-pazjent ikun rikoverat fl-Isptar wara li sofra sintomi ta’ problemi kardijaci akuti jingħataw precedenza fuq dawk il-pazjenti fuq il-
waiting list
li jkunu jistgħu ikomplu l-ħajja normali tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li nqabdu bid-droga minn April 2007 sa April 2008? Minn liema rħula u villaġġi huma?
Kemm kien in-numru ta' nies li ġew arrestati fuq serq? Kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Il-barranin ta' liema nazzjonalita' huma? Il-Maltin minn liema rħula u villaġġi huma?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn April 2007 u April 2008 kien hemm 504 persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq akkużi relatati ma' droga. Filwaqt li 30 kienu ta' nazzjonalita' barranija, il-kumplament kienu minn dawn il-lokalitajiet:
Attard, Baħar iċ-Ċagħaq, Balzan, B'Kara, Birgu, B'Buġia, Bormla, Buġibba, Fgura, Floriana, Għargħur, Għaxaq, G'Manġia, Għawdex, Gżira, Ħamrun, Ibraġġ, Isla, Kalkara, Luqa, Marsa, M'Scala, M'Xlokk, Mellieħa, Mġarr, Mosta, Msida, Naxxar, Paola, Pembroke, Pieta', Qawra, Qormi, Qrendi, Rabat, San Ġiljan, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Santa Luċija, Santa Venera, Siġġiewi, Sliema, Swieqi, Ta' Xbiex, Tarxien, Valletta, Xgħajra, Żabbar, Zebbug, Żejtun, Żurrieq.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li ma tinżammx statistika kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma l-proġetti pendenti quddiem il-MEPA li l-istima tagħhom taqbeż €2 miljun? Kemm ilhom li applikaw proġett, proġett? Kemm hemm proġetti li l-istima tagħhom taqbeż €2 miljun ġew approvati mill-MEPA fl-aħħar 3 snin (April 2005 sa April 2008)? Meta applika għall-ewwel darba kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-MEPA ma żżomx l-informazzjoni mitluba.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Membri/Diretturi tal-bord
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-elezzjoni ġenerali 2008 'l hawn min huma l-membri/diretturi tal-bord/entitajiet kollha li nħatru taħt il-ministeru tiegħu? Kif saret l-għażla? Min minnhom huwa jew kien xi darba kandidat għal xi elezzjoni ġenerali? Min minnhom huwa jew kien xi darba kandidat għal elezzjoni ta' xi kunsill lokali? Min minnhom kien u fil-preżent huwa Membru Parlamentari u min minnhom huwa kunsillier?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-elezzjoni ġenerali ’l hawn inħatru dawn il-persuni biex iservu fuq bordijiet li jaqgħu fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru:
Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp ‘B’
Ms Mariella Axisa
Is-Sur Patrick Calleja
Chairperson
Membru
Il-ħatra ta’ dawn il-persuni ġiet imġedda sal-31 ta’ Diċembru 2008 jew sakemm isir ir-ristruttar tal-MEPA, liema minnhom tiġi l-ewwel.
Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp ‘C’
Perit Norbert Gatt
Is-Sur Claude Muscat
Chairperson
Membru
Kumitat Ko-ordinattiv għall-Bio-Sigurtà
Ms Maureen Delia
Membru
Ms Delia ġiet maħtura membru ta’ dan il-Kumitat fuq rakkomandazzjoni tal-MEPA, għal 3 snin mit-13 ta’ Mejju 2008.
Kumitat Ornis
Is-Sur Henry Fenech Azzopardi
Membru
Il-ħatra tas-Sur Fenech Azzopardi ġiet imġedda sad-9 ta’ Awissu 2008.
Id-dettalji li jinżammu dwar il-membri appuntati mill-Gvern huma marbuta mar-rappreżentanza tagħhom fuq il-bordijiet u ma jinkludux xi kandidatura li setgħu qatt tefgħu għal xi elezzjoni ġenerali jew elezzjonijiet għall-kunsilli lokali.
B'referenza għall-qagħda ħażina tat-Triq Vjal il-Ħaddiem ir-Rabat Malta, jista' l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet neċessarji, ħalli wara xogħlijiet tal-kuntrattur din it-triq ma tibqax ta' skomdu kif inhi llum sija għall-pedestrians u sija għall-karozzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol li qed issir fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant qed issir mill-Koporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma. La darba jitlesta dan ix-xogħol, il-Kuntrattur huwa obbligat li jagħmel reinstatement bit-tarmac bħala kundizzjoni li l-ADT għamlet fil-permess maħruġ għal dan ix-xogħol. Il-kuntrattur għandu obbligu li jagħlaq it-trinek kollha b’cold mix material b’mod temporanju sakemm jitlesta ix-xogħol, u ingħata struzzjonijiet f'dan is-sens.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji li fil-mument għandhom talbiet għall-akkomodazzjoni alternattiva kawża li l-fondi li jgħixu fihom huma kundannati bħala perikolużi.u fi stat li jista' jiġġarraf? X'inhi l-politika tal-Gvern quddiem dawn il-każijiet? Kemm minnhom se jingħataw l-akkomodazzjoni mitluba fis-sena li qegħdin fiha?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar għanda 100 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva minn postijiet li hemm xi tip ta’ periklu, mhux neċessarjament tal-gravita’ indikata mill-Onor. Interpellant. Il-politika tal-Gvern f’dawn il-każijiet hi li jagħti priorita’ lil dawn l-applikazzjonijiet l-ewwel nett billi jgħin biex isiru xogħlijiet ta’ rranġar, taħt l-iskemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, biex jitneħħa l-periklu. Sfortunatament, ħafna jippreferu li ma jagħmlu l-ebda xogħol u jibqgħu fil-perikolu.
Għal diversi raġunijiet, fosthom dik imsemmija hawn fuq, kif ukoll in-numru ta’ postijiet battala u addattati li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-Awtorita’, mhux possibli Tweġiba għall-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi ġodda, xahar b'xahar, matul is-sena 2007 u ta' liema ditta kienu u ta' kemm iċ-ċilindraġġ? Kemm inġabru flus fl-istess perjodu bħala registration tax?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li, rigward importazzjoni ta' karozzi ġodda jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ninsab infurmat li minn karozzi ġodda, matul is-sena 2007 inġabru €32,888,965 f'registration tax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu proprjeta' l-Uffiċċju Konġunt, maqsuma b'residenzjali u kummerċjali, lokal b'lokal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Konġunt jamministra 29,769 proprjetajiet li minnhom 1,783 jħallsu kera residenzjali filwaqt li 303 jħallsu kera kummerċjali. Il-fondi mikrija b’kera residenzjali jew kummerċjali jinsabu fil-lokalitajiet li jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jgħid li din l-informazzjoni qiegħda tiġi aġġornata kontinwament b’korrezzjonijiet li jsiru f’Annex 8.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu postijiet mikrija l-Joint Office, lokal b'lokal, u kemm għandu postijiet battala, lokal b'lokal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju Konġunt jamministra 2,086 postijiet mikrija u għandu ċ-ċwievet ta’ 22 post battal fil-lokalitajiet li jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jgħid li din l-informazzjoni qiegħda tiġi aġġornata kontinwament b’korrezjonijiet li jsiru f’Annex 8.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm tfal li fallew l-iskola għal perjodu aktar minn dak aċċettabbli, matul is-sena skolastika 2007/8? Minn liema lokalita' kienu ġejjin? Tista' tgħid hux tikkonsidra xi azzjoni/miżura ġdida sabiex dawn il-każi ta' assenteiżmu jonqsu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi dawk l-istudenti li ġew irrapurtati lis-Sezzjoni tas-Social Work għax fallew mingħajr raġuni valida sa l-aħħar ta’ Marzu, sena skolastika 2007-2008. F’din il-lista, jidher ukoll kemm kien hemm studenti li fallew għal perjodu mhux aċċettabli (aktar minn tlett ijiem ta’ skola mhux koperti minn ċertifikat mediku) u minn liema lokalita’ ġejjin.
Bħalissa l-kulleġġi flimkien mas-servizz ta’ ħidma soċjali fl-iskejjel qed jieħdu diversi inizjattivi, skond kif inhu rakkomandat fir-Rapport
School Attendance Improvement
(2005).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ir-rapport ta' inċident li seta' nqala' iktar minn sena ilu bejn ajruplan ta' l-Air Malta u ajruplan privat żgħir fil-fatt issa tlestiex minn dawk li kienu qed jagħmlu l-investigazzjonijiet? Jista' jgħid jekk dan ir-rapport hux se jiġi ppubblikat meta jkun lest?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-investigazzjoni fuq dan l-inċident waslet biex tiġi konkluża u malli din titlesta, ir-rapport ikun ippubblikat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 66, tista' l-Ministru tgħid fil-preżent kemm mill-għalliema jinsabu għaddejjin bi studju dwar is-suġġett tal-lingwa li jgħallmu bil-għan li jtejbu l-livell tagħhom? F'liema universitajiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-preżent, hemm 25 għalliema li għaddejin bi studju tal-lingwa li huma jgħallmu bil-għan li jtejbu l-livell tagħhom.
Dawn qed jistudjaw fl-Universitajiet kif imsemmi hawn :
· 14 fl-Universita’ ta’ Malta
· 3 fil-University of Nottingham
· 2 fit-Trinity College of London
· 1 fl-Universite’Jean Monet St.Etienne
· 1fl-Universidad Antonio Mebrija Madrid
· 1 fil-U.N.E.D. Madrid
· 1 f’Goethe Institute Frankfurt
· 1 f’Goethe Insitute Munich
· 1 f’ Ca’ Fosca Venezia.