Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żieda fil-Prezzijiet

Question

Billi l-Ministru qal li l-Gvern qed jistħarreġ permezz ta' l-awtoritajiet kompetanti għaliex pajjiżna għandu żieda fil-prezzijiet ferm ogħla minn pajjiżi l-oħra tal-Eurozone, jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jitlesta dan l-istudju u jiġi ppublikat?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Healthy Food fl-Iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid fil-konkret x'qed jippjana l-Gvern biex it-tuck shops ta' l-iskejjel jibdew jbiegħu biss healthy food; kif nifhem li diġa' qed issir fil-Kulleġġ ta' San Benedittu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d-Dipartiment diġa’ għandu pjan li jindirizza s-suġġett interpellat. Dan il-pjan mniedi s-sena li għaddiet igib l-isem ta’ Healthy Eating Lifestyle Plan. Matul din is-sena skolastika dan il-pjan kien fil-fażi ta’ implimentazzjoni. Fid-dokument HELP hemm indikat l-ikel u xorb li hu permissibbli jinbiegħ fit-Tuck Shops u dak li għandu jkun projbit milli jinbiegħ. Id-direttorat ħa ħsieb biex il-proċess għat-tendering tat-tuckshops ikun konformi ma’ dawn l-istandards.

Unjoni Ewropea — Ħasil tal-flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern kaxkar saqajh daqstant biex ikun konformi mat-tibdil meħtieġ mill-Unjoni Ewropea fil-leġislazzjoni tagħna dwar ħasil ta' flus, bil-konsegwenza li l-Kummisjoni Ewropea issa ġiet irrapurtata li ddeċidiet li tissokta bi proċedimenti ta' ksur kontra pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma hu minnu xejn li l-Gvern kaxkar saqajh fl-implimentazzjoni tad-Direttiva in kwistjoni. Kummenti mhux informati bħal dawk ta’ l-Onor. Interpellant ma jagħmlu ebda ġid lil Malta f’qasam tant intimament marbut mas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta. L-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) ilha taħdem fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva, li hi waħda komprensiva u komplessa, għal żmien twil. Di fatti, appena ħarġet id-Direttiva, l-istaff ta’ l-FIAU ġew inkarigati jagħmlu analiżi tagħha sabiex jiġu identifikati l-emendi fil-leġislazzjoni tagħna li kienu neċessarja biex jimplimentaw id-Direttiva. Dan sar u minnufih wara ġie deċiż li minħabba l-kwantita’ kbira ta’ emendi u l-komplessita’ tagħhom kien aħjar li minflok isiru emendi għar-regolamenti eżistenti l-istess regolamenti jinkitbu mill-ġdid bit-tibdiliet neċessarja inkorporati fihom. Dan sar ukoll. Minħabba l-qasam sensittiv tas-servizzi finanzjarji li kien involut ġie wkoll deċiż li qabel jiġu pubblikati r-regolamenti ġodda, li, kif ingħad, huma diġa abbozzati, ssir konsultazzjoni wiesa’ ma’ l-operaturi f’dan il-qasam, u oqsma oħra li huma suġġetti għal dawn ir-Regolamenti, sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni il-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom dwar ir-regolamenti ġodda. Ġie għalhekk mfassal mill-FIAU dokument konsultattiv b’tavoli komparattivi u informazzjoni oħra li ġie distribwit lill-operaturi u mqiegħed fuq il-website tal-FIAU http://www.fiaumalta.org/ u kull min kien interessat ġie mistieden jagħmel il-kummenti tiegħu. Irrid ngħid li r-rispons kien wieħed tajjeb u kostruttiv ħafna u daħlu diversi kontribuzzjonijiet mill-oqsma kollha tas-settur finanzjarju u setturi oħra. Dan kien jirrikjedi li dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kollha eżaminati bir-reqqa internament fl-FIAU u fejn ikun il-każ isir it-tibdil indikat fir-regolamenti diġa abbozzati. L-FIAU diġa eżamina l-maggior parti ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u għamel it-tibdil suġġerit skond il-każ. Dan il-proċess għadu għaddej. Kif ikun finalizzat il-proċess ta’ konsultazzjoni isir l-abbozz finali tar-regolamenti u wara li jiġu approvati mill-Gvern jiġu pubblikati. Hu mistenni li r-regolamenti in kwistjoni jiġu pubblikati fi żmien xahrejn. Għalhekk sar ħafna u ħafna xogħol serju u bil-għaqal li jispjega ż-żmien li qiegħed jittiehed. Meta tqis li fl-Unjoni Eworpeja hemm diversi pajjiżi ħafna akbar u b’ħafna riżorsi aktar minn tagħna, mhux anqas minn ħmistax Stat Membru ieħor, li għadhom ma ffinalizzawx il-proċess ta’ implimentzzjoni tad-Direttiva wieħed għandu jifhem li ż-żmien li qed tieħu Malta mhux xi wieħed straordinarju.
Leg 11 PQ #970 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awditur tal-MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti quddiem l-Uffiċċju ta' l-Awditur tal-MEPA fis-sena 2007 sal-lum u kemm dan l-uffiċċju rnexxielu jinvestiga minnhom? Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' investigazzjonijiet li saru minn wara t-tneħħija ta' l-Assistent ta' l-Awditur, li ismu qed jidher separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju tal-Verifika ma kienx qed jopera minn Frar sa Ġunju 2007. Minn Ġunju sa l-aħħar ta' Settembru 2007 daħlu 34 ilment. Minn Jannar sa Ġunju 2008 daħlu 34 ilment. Xi wħud minn dawn l-ilmenti ġew riferuti lill-Complaints Section tal-MEPA, oħrajn ġew ittrattati permezz ta' ittra lill-persuna li għamlet l-ilment, x'aktarx minħabba li l-ilment ma kienx dwar ħwejjeġ li jirrigwardjaw ippjanar. L-oħrajn ġew investigati. Minn Ġunju sa Settembru 2007 saru għaxar (10) investigazzjonijiet li ġew konklużi permezz ta' Audit Report li ntbagħat lill-MEPA għall-konsiderazzjoni tagħha. Minn Ottubru 2007 sa Ġunju 2008 saru dsatax-il (19) audit report ieħor. Hemm tnax-il (12) investigazzjoni oħra li għadhom mhumiex konklużi.
Leg 11 PQ #971 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord DCC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-ammont ta' applikazzjonijet quddiem il-MEPA li r-rakkmandazzjoni tagħhom kienet overturned min-naħa tal-Bord tad-DCC matul is-sena 2007? Jista' jagħti din l-istatistika xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Footway Bridge

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-progett ta' Footway Bridge f Triq is-Sebħ, f'Ħal Qormi u jekk l-ADT sabitx soluzzjoni għall-problema ta' nuqqas ta' faċilitajiet għall-pedestrians f'din il-parti tat-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Shared Ownership Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk l-applikanti għall-shared ownership scheme, ma' l-Awtorita' tad-Djar li kienu ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom qabel l-14 ta' Mejju, 2008 iżda wara l-24 ta' April, 2008 u li kienu diġa' rċevew ittra mingħand l-Awtorita' tad-Djar li infurmahom li din(jiġifieri l-Awtorita') lesta tiffinanzja parti mill-prezz u b'hekk issir ko-proprjetarja fix-xiri (kopja ta' ittra simili flimkien ma' korrispondenza oħra relatata qed tintbagħat b'mod separat)? Fid-dawl li f'każi simili l-applikanti jkollhom data definita fil-konvenju sa meta jistgħu jagħmlu l-kuntratt, jista' l-Ministru jagħti terminu sa meta dawn l-applikanti ser jingħataw risposta definittiva dwar l-applikazzjoni tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal applikazzjonijiet taħt l-iskema ta’ l-equity sharing u mhux dik tax-shared ownership. Jekk dan hu l-każ, f’dan l-istadju m’għandi xejn xi nżid ma’ dak li diġa għidt fi stqarrija għall-istampa maħruġa fl-20 ta’ Mejju 2008.
Leg 11 PQ #974 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Complaints Office

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta' ilmenti li ġew imressqa quddiem il-MEPA fil-Complaints Office xahar b'xahar matul is-sena 2007 sa Ġunju 2008? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ilmenti ġew riżolti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu msemmi, l-Uffiċċju li jirċievi l-ilmenti fi ħdan il-MEPA rċieva 5,664 ilment, li minnhom ġew riżolti 4,292. L-ilmenti daħlu xahar b’xahar hekk kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #975 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tneħħija ta' Site Notices

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qiegħda tieħu l-MEPA fuq kazi fejn ikun hemm rapporti ta' tneħħija ta' site notices waqt il-perjodu ta' konsultazzjoni fuq applikazzjonijiet li jkunu ġew mitfugħa quddiemha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkjarifika illi skond is-sub-Artiklu (4) ta’ l-Artiklu 32 ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp (Kap 356) jobbliga lill-Awtorità li twaħħal is-site notice fuq is-sit relattiv. L-istess dispożizzjoni tal-liġi tinkombi obbligu fuq l-applikant li jassigura li s-site notice tibqa’ mwaħħla hemm għal perjodu ta’ għoxrin ġurnata minn meta tiġi mwaħħla fuq is-sit in kwistjoni. Fil-każ li jiġi ppruvat li s-site-notice nqalgħet fiż-żmien stipulat bil-liġi, il-MEPA titlob lill-applikant jiġbor kopja biex iwaħħalha fuq is-sit in kwistjoni.
Leg 11 PQ #976 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Promozzjonijiet fil-MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar mis-sejħiet għall-promozzjonijet fil-MEPA li kienu nħarġu qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u li waqfu ħesrem? Jista' jgħid jekk dawn hux se jitkomplew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, hekk kif titħabbar l-Elezzjoni Ġenerali jieqaf kull proċess għal reklutaġġ mal-Gvern. Sabiex dan il-proċess ikun jista’ jitkompla wara l-Elezzjoni, ikun hemm bżonn ta’ approvazzjoni minn naħa ta’ l-Amministrazzjoni Ċentrali kif fil-fatt sar f’dan il-każ. Ninsab infurmat ukoll li issa dan il-proċess tkompla billi bdew isiru l-interviews.

Sussidju fuq il-ħobż ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 844 u jgħid peress minħabba li fil-media hemm rapporti rigward l-istudju soċjo-ekonomiku dwar l-impatt tat-tneħħija tas-sussidju tal-gvern fuq il-ħobż, jista' l-Ministru jgħid x'diffikulta' sab biex ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 844.

Libyan Arab Maltese Holding Company

Question

Jista' l-Ministru jwieġed mistoqsijiet parlamentari 884, 179, 360 u 681 u jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-Gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-Tarznari?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mewt

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 786 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet referuta lilu, u jgħid kemm jirriżulta li mietu nies xahar b'xahar fis-sena 2007? Kemm minnhom kellhom anqas minn 65-il sena? Kemm minn dawn jirriżulta li kienu self-employed?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija hija kif tidher fuq it-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-istatistika mitluba fil-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Floriana

Question

Peress li fuq il-paviment tal-mall fil-Floriana żelqu diversi persuni fuqu, jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol meħtieġ sabiex titranġa s-sitwazzjoni? Jista' jitneħħa l- wire tad-dawl fil-passaġġ tal-ġonna ta' l-Argotti fil-Floriana, b'mod partikolari jekk dan jirriżulta li hu perikoluż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qed tara x’inhi s-sitwazzjoni u ser tagħmel dak li hu meħtieġ biex jekk hemm xi problemi jiġu rranġati. Rigward it-tieni parti tad-Domanda, ninforma l-Onor. Membru li l- wire li kien qiegħed hemm b’mod temporanju issa tneħħa.

Abbużi minn servizzi soċjali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 795, fost it-362 każ ta' benefiċċji mwaqqfa,jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-każijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ġew imwaqqfa għal diversi raġunijiet, fosthom li: · ma kinux qegħdin jiffurmaw familja għal rashom; · ma kienux il-kap tal-familja; · kienu qegħdin jaħdmu; · l-mezzi tagħhom kienu jeċċedu dawk stabbiliti mill-liġi; · naqsu li javżaw lid-Direttur tas-Sigurta Soċjali b’xi tibdil ieħor fiċ-ċirkostanzi tagħhom li kien jaffettwa d-dritt għall-benefiċċji.

Bini

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 801,jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-targetdates għat-tlestija tal-104 units ippjanati? F'liema stadju ta' ippjanar qegħdin?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar għandha blokk ta’ tmien units fil-Belt li qiegħed fi stadju ta’ kostruzzjoni. Dan il-proġett mistenni jkun lest is-sena d-dieħla. Tliet proġetti oħra li jikkompredu 96 unit qegħdin fi stadju ta’ preparazzjoni ta’ tenders . Target dates għal tlestija ta’ dawn il-proġetti ikunu jistgħu jingħataw meta jitlesta l-proċess ta’ tendering .

Pjan ta' Ħidma

Question

Filwaqt li nfaħħar l-inizjattiva li ħa l-Ministeru li jorganizza Micro Enterprise and Business Support Unit, jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li l-Ministeru jippubblika pjan ta' ħidma li fiha jidhru l-inizjattivi li l-Ministeru qed jieħu biex janalizza issues li qed jiltaqgħu magħhom self employed u sidien ta' negozi żgħar?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Operations Posposti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew posposti major and intermediate operationsfl-ispeċjalitajiet diversi minn Jannar sa Mejju 2008 għal aktar minn darba għall-istess pazjent mhux minħabba li dan kien ma jiflaħx? X'kienu r-raġunijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Infurmat li bejn Jannar u April 2008, fl-Isptar Mater Dei kien hemm 9 pazjenti li kellhom operazzjoni ta’ kategorija Intermediate li ġiet posposta darbtejn. Dawn l-operazzjonijiet ġew posposti primarjament jew minħabba raġunijiet mediċi jew għaliex il-pazjenti ma żammewx l-appuntament. Ma kien hemm l-ebda major operation li ġiet posposta f’dan il-perjodu. L-informazzjoni ta’ Mejju 2008 għadha ma ġietx pubblikata.
Leg 11 PQ #1013 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Vetturi ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-nurmu ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li swew dawn il-karozzi/vetturi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ karozzi/vetturi ġodda li nxtraw matul l-ewwel 5 xhur ta’ din is-sena mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ta’ sebgħa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Affarijiet Barranin — Vetturi ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien in-nurmu ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li swew dawn il-karozzi/vetturi?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.