Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #34311 Sitting 481 2012-05-28 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħolqien ta' impjiegi ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdown tal-20,000 impjieg li pubblikament kemm-il darba qal li inħolqu mill-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum? Kemm minnhom kienu impjiegi ġodda? Kemm minnhom huma ħaddiema li tkeċċew mix-xogħol u rnexxielhom isibu post ieħor? Kemm minnhom kienu ħaddiema li biddlu l-post tax-xogħol? Kemm minnhom kienu full-time? Kemm minnhom kienu part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ impjiegi ġodda huwa kkalkolat billi ż-żieda netta fin-numru ta’ nies jaħdmu bi qliegħ, part-time u full-time, tiġi miżjuda bin-numru ta’ redundancies għaliex persuna li tkun sfat redundant u sabet xogħol tfisser post tax-xogħol ġdid. B’dan il-kejl naslu għal figura ta’ aktar minn 20,000 post tax-xogħol ġdid skont it-tabella murija hawn taħt. 2008 2009 2010 2011 TOTAL Redundancies1 1,922 2,597 1,888 1,564 7,971 Żieda fil-postijiet tax-xogħol full-time 2 2,882 -345 2,328 2,328 7,193 Żieda fil-postijiet tax-xogħol part-time 2 1,945 1,780 2,104 2,946 8,775 TOTAL 6,749 4,032 6,320 6,838 23,939 Sorsi: 1ETC 2Gainfully Occupied, NSO Dawn ir-riżultati pożittivi huma wkoll konfermati mill-fatt li fl-istess perjodu, l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ kellha aktar minn 43,000 vacancy irreġistrati magħha u għamlet aktar minn 15,000 placement . 2008 2009 2010 2011 TOTAL Vacancies 12,506 7,791 9,477 13,653 43,427 Placements 3,839 4,027 4,043 3,428 15,337 Sors: ETC Jista’ jingħad ukoll li dawn ir-riżultati pożittivi huma konfermati wkoll mill-fatt li f’dawn l-aħħar erba snin, l-ETC kellha aktar minn 60,000 engagement form reġistrata magħha kull sena. Engagement form tintela kull darba li persuna tidħol f’impjieg jew tbiddel l-impjieg jew tirreġistra bħala self-employed . 2008 2009 2010 2011 Engagements 66,843 60,556 64,561 60,893 Sors: ETC

Immigranti irregolari — attentati ta' ħarbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ħarbiet jew attentat ta' ħarbiet minn immigranti irregolari detenuti matul l-2008, l-2009, l-2010, l-2011 u mill-1 ta' Jannar sal-lum? Jekk jirriżulta li kien hemm, kemm kien in-numru ta' drabi? Meta ġraw (data) u ta' liema nazzjonalità kienu l-immigranti involuti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin imsemmija mill-Onorevoli Interpellant in-numru ta' ħarbiet minn immigratni illegali detenuti kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:- 2008 61 2009 73 2010 5 2011 9 2012 7 Infurmat ukoll illi dawn l-immigranti kienu mill-Alġerija, Benin, Burkina Faso, Cameroon, Chad, Eġittu, Etiopja, Gabon, Gambja, Ghana, Guinea, Indja, Kosta tal-Avorju, Kurdistan, Liberja, Libja, Mali, Marokk, Niger, Niġerja, Palestina, Senegal, Sierra Leone, Somalja, Sudan, Sirja, Togo u Tunesija.
Leg 11 PQ #34398 Sitting 481 2012-05-28 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — informazzjoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwiegeb mistoqsija 33415 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 33415.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — informazzjoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija 33419 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz, inghatax b'direct order jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija 33424 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Korp tal-Pulizija — Intelligence Unit - allokazzjoni ta' fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi lill-Intelligence Unit tal-Korp tal-Pulizija sena b'sena fl-aħħar ħames snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-fondi jiġu allokati lill-Korp tal-Pulizija in ġenerali u mhux individwalment għas-Sezzjonijiet. Dawn il-fondi mbagħad jiġu użati skont il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet li jkollhom id-diversi Sezzjonijiet fil-Korp.

Bini tal-akkademja tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-bini ġdid tal-akkademja tal-pulizija u meta huwa stmat li jitlestu? Jista' jgħid jekk kienx hemm tibdil mill-pjanti oriġinali u jekk iva, għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif ġa kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-Akkedmja tal-Pulizija l-ġdida ġewwa Ta’ Kandja miexi kif ippjanat. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-ġibjun tlesta, wara li kien sar tender pubbliku. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar għalaq iż-żmien għat-tfiegħ tat-tender għall-kostruzzjoni tal-blokk li jkopri l-uffiċċji ta’ l-amministrazzjoni u l- lecture rooms, liema tender huwa fl-istadju li jiġi evalwat. Dan huwa maħsub li jkun lest fi żmien 62 ġimgħa minn meta tingħata l-ordni li x-xogħol jista’ jibda. Qiegħed ukoll ikun ippreparat it-tender tax-xogħolijiet infrastrutturali li huwa stmat li jkun lest fi żmien 64 ġimgħa minn meta tingħata l-ordni li x-xogħol jista’ jibda. Bħal kull proġett ta’ bini, il-pjanti oriġinali dejjem jgħaddu minn proċess ta’ evalwazzjoni u jiġu aġġornati, sakemm isiru dawk finali li jkunu sottomessi għall-approvazzjoni tal-MEPA. Infurmat ukoll illi ma kien hemm ebda tibdil mill-pjanti kif approvati mill-MEPA.

Qrati tal-Ġustizzja — Deputat Maġistratur

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm-il persuna tokkupa l-karigi ta' Deputat Maġistratur fil-Qrati tal-Ġustizzja u jekk hemmx ħsieb li dawn jiżdiedu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti: Fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja Malta Fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja hemm 68 persuna li tokkupa il-kariga ta’ Deputat Reġistratur. Minn żmien għal żmien, id-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja joħroġ sejħiet għall-applikazzjonijiet kull meta n-numru ta’ Deputati Reġistraturi jonqos jew meta jiżdiedu l-Membri tal-Ġudikatura. Fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja Ghawdex Fil-preżent, fil-Qorti ta’ Għawdex sitt (6) jokkupaw il-kariga ta’ Deputtat Reġistratur. In-numru ta’ Deputati Reġistraturi jiżdied skont il-bżonn.

każ dwar kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li qabel il-kont tad-dawl u l-ilma kien ikun ta' €22 u issa għandu kont ta' €11,773 u qed jaħseb li hemm xi żball?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

każ ta' kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li s-soltu jirċievi kont ta' madwar €100 dawl u ilma imma issa ġieh kont ta' €1765 għax jaħseb li hemm xi żball?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

tiswija ta' gallarija

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi msewwija gallarija li tinsab fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar toffri Skema SM għal dan it-tip ta’ ħtiġijiet. L-inkwilin huwa ġentilment mitlub javviċini l-customer care tal-awtorità sabiex japplika.

persuni li ngħatalhom il-protezzjoni tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2007/8/9/10/11 u 12 kien hemm persuni li ngħatalhom il-protezzjoni tal-pulizija? Għal kemm-il ġurnata ngħatat din il-protezzjoni u kemm ġiet tiswa lill-Kaxxa ta' Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li jkollhom l-protezzjoni tal-Pulizija u l-modalita' ta’ tali protezzjoni ma hix waħda statika u tvarja minn ġurnata għall-oħra skont kif ikun meħtieġ. Għaldaqstant il-kumpilazzjoni tat-tagħrif kif mitlub jinħtieġ eżerċizzju elaborat liema eżerċizzju jirrikjedi ħafna ħin.

protezzjoni tal-pulizija fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ċittadin Malti li ngħata l-protezzjoni u kellu jakkumpanjawh pulizija u sigurtà Maltija anki meta jsiefer barra mill-pajjiż?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm xi ċittadin Malti li ngħata protezzjoni u kellu jakkumpanjawh Pulizija jew sigurta' Maltija meta jsiefer barra l-pajjiż.

persuni li ngħatatilhom il-protezzjoni tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid dawk il-persuni li ngħatatilhom il-protezzjoni tal-pulizija 24 siegħa kuljum matul il-perjodu 2007/8/9/10/11 u 12 x'kienet ir-raġuni li ġara dan? Jista' jgħid jekk kenitx ukoll relatata max-xogħol li huma bdew iwettqu jew jekk din l-protezzjoni ngħatatx minħabba xi raġuni oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Bħal ma diġa' kelli l-okkażjoni ngħid, għal diversi raġunijiet, mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar kif u għaliex persuni jkunu provduti b’miżuri ta’ sigurtà li jittieħdu mill-awtoritajiet konċernati meta u fejn ikun meħtieġ.

deċiżjoni biex persuna tingħata l-protezzjoni tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jiddeċiedi u allura min iddeċieda matul is-snin 2007/8/9/10/11 u 2012 biex persuni jingħataw il-protezzjoni tal-pulizija? Jista' jgħid jekk kinitx il-qorti li ddeċiediet dan jew xi entità oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ordni sabiex xi persuna jew persuni jkollhom protezzjoni, jingħataw mill-awtoritajiet konċernati. Infurmat ukoll illi għar-raġunijiet mogħtija fit-tweġiba għall-Mistoqsija 34809, mhux possibli li jingħata t-tagħrif kif mitlub.

talba għall-protezzjoni tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk individwu personali jistax jitlob huwa stess għall-protezzjoni tal-pulizija u f'dan il-każ x'inhuma l-proċeduri li jrid jgħaddi minnhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull meta l-Pulizija jkollha rapport minn xi persuna li tkun vittma ta’ xi reat kriminali, wara li dan ir-rapport jiġi nvestigat, jittieħdu l-provvedimenti opportuni, inkluż jekk ikun meħtieġ, li tkun provduta protezzjoni neċessarja.

Dritt ta' flus minn fondi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33105, peress li din l-anzjana għadha ma rċievet l-ebda fondi, jista' l-Ministru jerġa' jara l-każ u terġa tiġi kkuntatjata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab nfurmat li Transport Malta ikkuntatjat lill-persuna konċernata u spjegawlha li l-flus li ħadet tul iż-żmien u li kienet intitolata għalihom skont il-liġijiet, filfatt ħadithom.

Każ dwar pensjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33606, jista' l-Ministru jerġa jibgħat kopja oħra tal-ittra peress li dan is-sinjur ma rċieva xejn?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li d-Dipartiment reġa' bagħat kopja tal-ittra oriġinali mibgħuta.

Kumpens ta' Art

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33468, jista' l-Ministru issa jara li l-anzjana li d-dettalji dwarha (flimkien ma' site plan) qed jingħataw separatament, li kienu ħadulha r-raba xi 30 sena ilu fejn infetħet triq ġewwa l-Gudja (tal-Ħofra), tingħata l-kumpens mistħoq?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Persuni li ddaħħlu l-Emeġenzja mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u Sptar Monte Carmeli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu persuni fl-emerġenza mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u/jew minn Sptar Monte Carmeli matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn informazzjoni miġbura permezz tal-Accident and Emergency Module tal-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei, in-numru ta’ attendenzi fid-dipartiment tal-Emerġenza mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u/jew minn Sptar Monte Carmeli matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa hekk. 2012 Jannar Frar Marzu April Faċilità Korrettiva ta' Kordin 14 27 10 28 Sptar Monte Carmeli 0 0 0 0