Ministeru għall-Politika Soċjali — Impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu mpjegati ġodda ma' l-entitajiet u korporazzjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Awissu sa Diċembru 2007, xahar b'xahar u skond il-grad?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu mpjegati ġodda ma' l-entitajiet u korporazzjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Awissu sa Diċembru 2007, xahar b'xahar u skond il-grad?
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qed jieħu l-ministeru tiegħu sabiex jaġixxi kontra l-abbuż sfaċċat li qed isir mill-kumpannija bl-isem ta' European City Guide, liema kumpannija tgħid li hi bbażata f'Valenzia, Spanja u li qed tqarraq sfaċċatament bin-negozjanti Maltin u wara li tqarraq bihom titlobhom il-ħlas? X'assistenza qed jingħataw il-vittmi milquta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-transazzjonijiet in kwistjoni għandhom bħala partijiet kummerċjanti u mhux konsumaturi, u għalhekk l-istess transazzjonijiet huma klassifikati bħala “business-to-business transactions” li ma jikkwalifikawx taħt il-kompetenzi tad-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni. Minkejja dan, din id-Diviżjoni, sa fejn setgħet ipprovdiet l-assistenza tagħha lill-kummerċjanti milquta. F’dan l-istadju, nirreferu lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 487 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Transport u Komunikazzjoni u issa ġiet referuta lilu u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta' Maltin li għamlu użu mill-fare speċjali li offriet l-Airmalta biex jiġu jivvutaw? Minn liema pajjiżi ġew?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-awtorizzazzjoni li ħarġet l-Airmalta kienet hekk kif iddikjarata hawn taħt : -
78 NETHERLANDS
274 BELGIUM
1685 UK & I
145 GERMANY
349 ITALY
136 LIBYA
29 AUSTRIA
54 FRANCE
15 RUSSIA
65 SWITZERLAND
6 TURKEY
2 HUNGARY
15 GREECE
2 BULGARIA
19 TUNISIA
168 LUXEMBURG
15 Oħrajn
------------------------------------------------------
3057 Total
---------------------------------------------.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 356 u jgħid kemm kienet l-istima oriġinali għat-tiswijiet tal-Bridge Manwel Dimech u kemm ser tlaħħaq is-somma globali meta jitlesta x-xogħol? Kemm tħallas s'issa mill-ammont kemm mill-Gvern u kemm mill-EU?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min hu responsabbli għat-tiżjin mas-siġar li hemm max-Xatt ta' Sliema sa San Giljan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena infurmat li r-responsabbiltà għal din is-sistema tad-dawl ser tgħaddi mingħand l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta għal għand il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 575 u jispjega fuq liema bażi l-Gvern jipprova jagħmel forecast taċ-ċaqliq tal-prezz taż-żejt internazzjonali minn qabel ma' dan iseħħ? Kemm fil-fatt il-forecast li kellu l-Gvern ikkombaċjaw ma' dak li seħħ realment fl-aħħar xhur?
Jista' jgħidilna wkoll jekk ikkonsidrax il-Gvern li jidħol f'xi tip ta' arranġament (partikolarment
hedging
) fejn jorbot bil-quddiem il-prezz taż-żejt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta għandha Risk Management Committee li regolarment jimmonitorja u jannalizza rapporti ta’ kumpaniji kbar fis-swieq internazzjonali bħal Goldman Sachs, Deutsche Bank, Barclays Capital u Societe Generale.
Barra minn hekk il-Management tal-Korporazzjoni kontinwament jitlob il-parriri u jiddiskuti ma banek internazzjonali u kumpaniji taż-żjut.
Minkejja dan, xorta jibqa’ l-fatt, li huwa diffiċli ħafna biex wieħed jara’ l-futur.
Id-Diffikulta kbira biex wieħed ibassar il-futur tista’ tiġi demostrata bil-‘forecast price revision’ għas-sena 2008 ta’ Goldman Sachs tas- 16 ta’ Mejju 2008. Goldman Sachs l-ikbar bank f’dan is-suq, kellu jirrevedi t-tbassir tiegħu minn USD 107.00 għal USD 141.00
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, L-Enemalta ila s-snin tuża strumenti finanzjarji (inkluż hedging) f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 607 u jgħid kemm hu l-ammont ta' arretrati : a) taxxi tad-dħul u b) VAT li l-Gvern għandu jdaħħal sal-lum mingħand persuni privati u soċjetajiet kummerċjali?
Tista l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 606 u tipprovdi lista sena b'sena ta' a)suġġetti li studjaw/qed jistudjaw l-istudenti li bbenifikaw/qed jibbenifikaw mill-iskema tal-YSSS b) l-universitajiet barranin li offrew/qed joffru s-suġġetti rispettivi u ċ)l-ammont ta' studenti skond is-suġġetti u l-universitajiet rispettivi għaż-żmien kollu minn mindu l-YSSS daħlet fis-seħħ sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Stante li d-dipartiment tradizzjonalment msejjaħ Monte di Pieta' hu obbligat li jiġbor it-taxxi fuq transferimenti u dokumenti (il-bolol) fuq l-assigurazzjoni u kif ukoll fuq il-bejgħ bl-irkant ta' oġġetti mobbli u transferimenti ta' ishma , jista' l-Ministru jgħid:
i) Jekk hemmx żmien stipulat sabiex kumpaniji ta' l-assigurazzjoni u irkantaturi jħallsu l-bolol tal-klijenti?
ii) Kemm hemm Poloz ta' Assigurazzjoni bil-bolol mhux imħallsa lid-dipartiment?
iii) Kemm jiġbor bolol id-dipartiment fuq oġġetti mobbli li jkunu suġġetti ta' bejgħ bl-irkant?
iv)X'sistema juża id-dipartiment sabiex jkun jaf li nġabru l-bolol kollha ta' bejgħ bl-irkant?
Minħabba li fil-media hemm rapporti rigward l-istudju soċjo-ekonomiku dwar l-impatt tat-tneħħija tas-sussidju tal-gvern fuq il-ħobż, jista' l-Ministru jgħid x'diffikulta' sab biex ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-rapport li tħejja huwa mibni fuq analiżi ta' tagħrif u li hu kummerċjalment sensittiv u għaldaqstant ma jkunx għaqli li rapport bħal dan jiġi ppubblikat.
Jista' l-Ministru jagħti s-segwenti informazjoni:
i) Kemm kien in-numru ta' studenti li bbenifikaw mill-iskema ta'
myPotential
?
ii) Prevja l-fehma tal-Gvern li din l-iskema kienet suċċess, il-Gvern għandu l-intenzjoni li jestendiha f'setturi li jinħass li hemm bżonn ta' aktar riżorsi, bħal ma huma s-settur finanzjarju u dak tas-saħħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti li s'issa bbenefikaw mill-iskema ta' myPotential ħuwa ta' 1,085. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija tiegħu, nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandha biex tiftaħ child care centres f'Malta u Għawdex? Meta se jinfetħu u fejn se jkunu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul il-ħames snin li għaddew il-Gvern investa b’mod konkret fiċ-Ċentri ta’ kwalita’ta’ ħarsien tul il-jum għat-tfal ċkejknin bl-għajnuna finanzjarja u professjonali liċ-ċentri privati kif ukoll billi fetaħ ċentri tiegħu.
Fir-rigward ta’ċentri ta’ ħarsien tul il-jum tal-Gvern, fix-xhur li għaddew infetħu tlett ċentri tal-Gvern f’Ħal-Luqa, Raħal Ġdid u l-Għargħur. Fil-ħames snin li ġejjin, il-Gvern irid jiftaħ aktar ċentri f’Malta u f’Għawdex li joffru mhux biss ħarsien imma programm edukattiv li jgħin fl-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom. Għaldaqstant, il-proċess li nbeda bil-ftuħ ta’dawn it-tlett ċentri jrid jitkompla u ser jitwettaq matul is-snin li ġejjin.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il child care centre hawn fil-pajjiż bħalissa? Kemm minn dawn iċ-ċentri jiġu mmexxija mill-privat u kemm mill-gvern? Kemm hi r-rata stabbilita ta' ħlas li kull ġenitur irid iħallas għal kull wild li jkollu sabiex jeħodhom hemm? Hemm liċenzja/permess/ċertifikat/kwalifika speċjali għal dawk li jieħdu ħsieb it-trabi u t-tfal f'dawn iċ-ċentri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 152 bħala risposta għall-ewwel parti tal-Mistoqsija. Sabiex inwieġeb it-tieni parti nixtieq ngħarrfek li l-Ministeru tiegħi huwa responsabbli mill-proviżjoni ta’ childcare centers. Ir-regolatur ta’ dan is-settur ser jibqa’ d-Dipartiment ta’ l-Istandards fil-Ħarsien Soċjali li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ċentri ta' l-anzjani ta' matul il-jum? Fejn jinsabu? Għandu xi pjan li jiftaħ iktar ċentri ta' matul il-jum? Jekk iva, fejn?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' għandu 16-il Ċentru ta' matul il-jum. Dawn jinsabu Żejtun, Ħamrun, Qormi, Dingli, Sliema, Żurrieq, Mtarfa, B'Kara, Bormla, San Pawl il-Baħar, B'Buġia, Mosta, Luqa, Sta Venera, Naxxar u Safi.
Id-Dipartiment qiegħed f'kuntatt ma Kunsilli Lokali sabiex jistudja l-possibilita' li jinfetħu aktar day centres fejn ikun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jispjega jekk il-Gvern jeħilx multi meta jixtri xi servizzi/apparat/mediċini mingħand il-privat u ma jħallasx fil-ħin jew kif ikun il-ftehim? Il-Gvern ġieli jħallas multi lill-privat jew din is-sistema ma teżistix fejn jidħol xiri mingħand il-privat? Jekk ma teżistix din is-sistema, jista' jispjega liema sistema tiġi applikata?
Response (FENECH, TONIO)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant il-Gvern ma jistax ma jaderixxix mal-provvediment ta’ l-Avviż Legali dwar ħlasijiet tard.
Billi xi xhur ilu ġew installati monitoring cameras f'numru ta' lokalitajiet, waħda minnhom fl-inħawi tal-bajja ta' Buġibba (ħdejn il-breakwater), jista' l-Ministru jara li din il-camera tintuża biex jitwaqqfu l-abbużi minn numru żgħir ta' operaturi li qed jikkawżaw problemi għal operaturi oħrajn, u għal sidien tad-dgħajjes privati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 499, filwaqt li napprezza li dan l-eżami mhux intenzjonat għall-ebda użu ieħor, ħlief għal dawk li jkunu se jagħmlu l-kors ta' għalliema, fl-istess ħin ma nara l-ebda problema biex jinħareġ ċertifikat, iktar u iktar meta llum joħorġu numru kbir ta' ċertifikati oħra. Fl-istess waqt, tista' l-Ministru tgħid jekk persuna li tkun għamlet dan l-eżami, ikollhiex terġa' tagħmel l-istess eżami jekk ma tidħolx għall-imsemmi kors hekk kif tgħaddi minnu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Lardarba applikant jgħaddi mill-eżami ta’ profiċjenza, ma jerġax jagħmel dan l-eżami jekk jitħajjar japplika jew jibda l-kors ta’ Baċellerat fl-Edukazzjoni f’xi żmien iktar tard.