Legislature:
Category:
Reset
Active:

Talba għal helper

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana ta' 79 sena, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix waħedha u li kienet talbet għall-helper xi xhur ilu? Dan huwa każ li ta' min jagħtih attenzjoni..

Response (DALLI, JOHN)

Infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna konċernata waslet għand id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita fid-29 t' April 2008. Dan il-każ qed jiġi assessed mis-Social Workers qabel ma jiġi riferut lill-bord għad-deciżjoni.

Sussidju tal-kera

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-persuna, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, id-dħul tiegħu għadu l-istess bħas-snin l-oħra meta dan kellu tnaqqis fis-sussidju tal-kera?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata, jew rappreżentant awtorizzat minnha, tmur it-taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Leg 11 PQ #945 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Parental Skills Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Parental Skills Programme ġie organizzat mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali fis-snin 2005, 2006, 2007 u fejn ġew organizzati? Fhiex eżattament jikkonsisti dan il-programm li hu bżonnjuż ħafna għall-familji? Kemm se jiġu organizzati minn dawn il-programmi matul din is-sena u fejn se jiġu organizzati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lukanda Jerma Palace — Art

Question

In segwitu tar-risposta li l-Prim Ministru ta lill-Interpellant odjern għall-mistoqsija parlamentari 362, jista' l-Ministru jispjega: (a) Min hu s-sid ta' l-art privata li fuqha nbniet il-Lukanda Jerma Palace? (b) Jekk l-awtur tas-sid ta' l-art privata li fuqha nbniet il-Lukanda Jerma Palace kien il-gvern ta' Malta u b'liema titolu dan is-sid akkwta l-art de quo? (c) Jekk kienx hemm kondizzjonijiet fil-kuntratt tat-trasferiment li bih is-sid ta' l-art privata li fuqha eventwalment inbniet il-Lukanda Jerma Palace akkwista l-art de quo, u jekk iva, x'kienu? (d) Dwar l-art esproprijata li fuqha nbniet parti mil-lukanda u li għadha tal-Gvern, xi proċeduri se jintużaw biex isir l-eventwali trasferiment?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #949 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu nvestigax allegazzjonijiet serji ta' ħruġ ta' sensiela ta' direct orders f'ammonti ferm aktar milli stipulati fil-Liġijiet finanzjarji u amministrattivi li saru mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fl-Ufiċċju tal-Prim Ministru fil-leġislatura preċedenti fejn tikkonċerna l-FAM? Jekk iva, x'miżuri ttieħdu? Jekk le, għaliex? Jista' jagħti rendikont tal-kuntratti kollha li ngħataw b'direct order mill-FAM matul il-perijodu 2004 sa 2008 u lil min?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ċirkewwa — Terminal

Question

Jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 639 u jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlesta t-terminal taċ-Ċirkewwa? Sakemm jitlesta, jistgħu jitpoġġew servizzi bażiċi bħal toilets, li bħalissa jinsabu bla dawl, peress li dawk li jivvjaġġaw bil-lejl u kmieni fil-għodu qed isibu ruħhom imċaħħdin minn dawn is-servizzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sakemm jitlesta t-terminal taċ-Ċirkewwa , l-Awtorita' Marittima ser tieħu miżuri sabiex jitjiebu l-faċilitijiet preżenti.

Gozo Channel — Vapuri għat-tagħbija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 639 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlesta t-terminal taċ-Ċirkewwa? Sakemm jitlesta, jistgħu jitpoġġew servizzi bażiċi bħal toilets, li bħalissa jinsabu bla dawl, peress li dawk li jivvjaġġaw bil-lejl u kmieni fil-għodu qed isibu ruħhom imċaħħdin minn dawn is-servizzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kostruzzjoni tat-terminal taċ-Ċirkewwa hija f’idejn l’MMA u għaldaqstant l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lil ministru kkonċernat. Fiċ-Ċirkewwa hemm toilets li jiffurmaw parti mill-cafeteria, li responsabbli minnhom hu l-operatur tal-cafeteria, u dawn huma aċċessibbli sa ma tagħlaq il-cafeteria tard bil-lejl. Hemm ukoll żewġ toilet portables li huma responsabbilita’ tal-MMA li huma aċċessibbli l-ħinijiet kollha tal-ġurnata, inkluż bil-lejl.

Gozo Channel — Ġarr ta' merkanzija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 635 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni,u issa ġiet riferuta lilu, u jara li jittieħdu passi biex il-kumpannija Gozo Channel toffri servizz regolari ta' ġarr tal-merkanzija bejn Mġarr, Għawdex u Sa Maison, Malta peress li s-servizz kurrenti ta' darbtejn fil-ġimgħa mhux adegwat?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Merkanzija lejn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 641 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Investiment u Komunikazzjoni, u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk il-gvern jikkunsidrax li jdaħħal għajnuna ġdida għall-ġarr ta' merkanzija lejn Għawdex peress li ż-żieda fil-prezz tad-diesel qed iżid l-ispejjeż tal-ġarr b'€50 kull vjaġġ, u dan se jgħolli l-ħajja f'Għawdex jekk iż-żieda fil-prezz se tgħaddi għal fuq il-konsumaturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tali konsiderazzjonijiet jiġu evalwati f’qafas wiesa’ ta’ għajnuniet f’oqsmi differenti li l-iStat jagħti fil-parametri baġitarji u regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropeja

Mosta — Triq il-Ħtajriet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb jagħti isem lil New Street fi Triq il-Ħtajriet, Mosta? Din it-triq illum saret parti mir-ring road ta' bejn Triq il-Ħtajriet sa Triq is-Sagħtar, Mosta u n-nuqqas ta' dan l-isem qed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti Mostin li jgħixu hemm.

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Turiżmu f'Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hija l-mira tal-Gvern li jżuruna turisti fis-sena 2008? Jista' jgħid kemm morna tajjeb jew żbaljati s'issa fuq dak li kien imbassar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern għandu miri ċari fir-rigward ta’ l-andament ta’ l-industrija tat-turiżmu f’Malta għal din is-sena u dawn il-miri huma bbażati fuq il-kontinwazzjoni tax-xejriet pożittivi li seħħew f’dawn l-aħħar tmintax-il xahar. Il-Gvern mhux qed iħares biss lejn in-numru ta’ turisti li jżuruna imma wkoll lejn in-numru ta’ ljieli u l-flus li qed jibqa’ fl-ekonomija Maltija mill-attività turistika. Filwaqt li l-indikazzjonijiet li jeżistu bħalissa jikkonfermaw il-miri stabbiliti, ma jistax jonqos li nkunu kontinwament kawti għal żviluppi internazzjonali li jistgħu jikkawżaw tibdil fil-prestazzjoni ta’ din l-industrija li hija tant suxxettibbli għal fatturi ekonomiċi internazzjonali kemm diretti w indiretti.

Drittijiet tal-konsumatur — Xiri mill-internet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli mid-drittijiet tal-konsumatur meta dan jiġi misruq minn fuq l-internet? Hemm protezzjoni għall-konsumaturi Maltin jekk dan jintalab jsegwi proċeduri minn fuq l-internet li wara jirriżulta li huma foloz?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi kemm-il darba konsumatur jixtri permezz tal-internet minn bejjiegħ li huwa bbażat ġewwa Malta, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni, u kif ukoll l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni bhala r-regolatur fuq e-commerce, ikunu jistgħu jintervjenu biex iħarsu d-drittijiet tal-konsumatur. Kemm-il darba l-bejjiegħ ikun ibbażat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, hemm iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur ta’ Malta ( ECC Malta ) li jkun jista’ jassisti lil konsumatur. Tajjeb li wieħed jinnota li dan iċ-ċentru ma jamministrax liġijiet partikolari u l-għan tiegħu huwa li jinforma u jassisti lill-konsumatur meta jkun xtara minn stat membru ieħor. Fil-fatt dan iċ-ċentru ħareġ żewġ stqarrijiet fuq il- media lokali rigward siti foloż. Kemm-il darba l-bejjiegħ ikun ibbażat f’pajjiż ieħor barra l-Unjoni Ewropea, il-konsumatur jista’ javviċina lid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni bħala membru tal- International Consumer Protection Enforcement Network ( ICPEN ) u dan ikun jista’ jwassal l-ilment tal-konsumatur lill-Awtoritajiet membri ta’ dan in- Network skond fejn ikun ibbażat il-bejjiegħ. Iżda kemm il-darba l-każ ikun jammonta għall-serq jew frodi, il-konsumatur l-ewwel għandu jagħmel rapport lill-Pulizija peress li d-diffikulta’ prinċipali tkun biex jiġi rintraċċjat il-bejjiegħ. Il-Pulizija għandha is-sezzjoni speċifika Cyber Crimes Unit li tinvestiga dawn it-tipi ta’ reati fuq l- internet . Dr Irene Bonello Case Officer (Consumer Protection)
Leg 11 PQ #1002 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Jerma Palace Hotel

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 783 u jgħid jekk il-Gvern wettaqx studju dwar l-impatt li kellha l-għeluq tal-Lukanda Jerma Palace fuq l-attivita' turistika f'Marsaskala? Sar xi sforz biex jiġi attirat investiment għal twaqqif ta' lukanda ġdida f'Marsaskala? X'qed isir biex it-turiżmu f'Marsaskala ma jmutx mewta naturali? Kuntent il-Gvern bil-livell ta' attivita' turistika f'Marsaskala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Marsaskala hija lokalità b’potenzjal qawwi għal turiżmu kemm internazzjonali kif ukoll intern. Il-Gvern irid jaħdem sabiex dan il-potenzjal jissarraf f’attività turistika akbar. Il-Gvern bħalissa għaddej bi studju sabiex jara kif tista’ tiżdied l-attività turistika fi bliet u rħula li għandhom potenzjal u dan billi jiġu sfruttati l-faċilitajiet li hemm, billi jiġu organizzati attivitajiet inklużi mixjiet u tours u billi jiġi reklamat l-aspetti uniċi ta’ dawn il-lokalitajiet. Il-Gvern qiegħed ukoll iħares lejn kif jistgħu jiġu ffinanzjati inizjattivi ta’ din ix-xorta.

Wied ta' Burmarrad

Question

Jista' l-Ministru jara li x-xogħol mrabut mal-Wied ta' Burmarrad li jrid iwassal biex l-ilma tax-xita fil-fatt ma jagħmilx ħsara fir-raba' ta' l-inħawi, fil-fatt jitkompla b'rata aktar mgħaġġla? Fl-istess ħin, jista' l-Ministru jara li fejn hu possibli l-wisa' ta' l-istess kanal ma jibqax dak li hemm fl-inħawi tas-Salina għaliex dan il-wisa' qed jaħli ħafna raba'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett jiġifieri l-iżbokk tal-kanal ħdejn is-salini għandu jitlesta fil-ġranet li ġejjin. Minn hawn lejn Burmarrad, il-wisa’ tal-kanal jidjieq b’mod gradwali skond l-ammont ta’ ilma li ser jgħaddi minnu. Ix-xogħol fuq din il-parti tal-kanal ta’ l-ilma ser jitkompla dalwaqt hekk kif jinħarġu l-permessi meħtieġa.

Yacht Marinas

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 509, u b'mod speċifiku f'dak li jirrigwardja l-aħħar parti tar-risposta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jsiru l-marinas indikati fir-risposta? Jista' jara li x-xogħol li sar bejn l-MMA u l-MEPA dwar marinas fil-bajja tax-Xemxija ma jisfumawx fix-xejn ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` Marittima qiegħda tagħmel eżerċizzju sabiex tiġi aġġornata l-evalwazzjoni ta` siti differenti fejn jistgħu jsiru yacht marinas ġodda. Dawn is-siti jinkludu wkoll kemm ix-Xemxija kif ukoll Marsaskala, li matul il-leġislazzjoni l-oħra kien diġa sar xi xogħol fuqhom.

Ġustizzja u Intern — Vetturi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li swew dawn il-karozzi/vetturi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, l-uniċi karozzi ġodda li nxtraw kienu għall-ħtiġijiet tal-Korp tal-Pulizija. In-numru ta' vetturi kien ta' għoxrin (20), li l-ammont globali tagħhom kien ta' € 239,925.46 (Lm103,000).
Leg 11 PQ #1026 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Vetturi mikrija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi/vetturi mikrija fil-mument għall-użu tal-ħteġijiet tal-ministeri, dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Kemm hija ċ-ċifra ta' flus globali li titħallas kull xahar għal dawn il-karozzi/vetturi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Mellieħa — Santa Marija Estate

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 229, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarux stimi tax-xogħolijiet kollha inkluż dawk tas-servizzi li huma meħtieġa fit-toroq kollha ta' Santa Marija Estate? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol f'din l- area ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.