Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 179 u 360 u jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-Gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-Tarznari?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 461 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jiddentifika liema dipartiment/aġenzija hija responsabbli sabiex iġġib l-investiment lejn Malta? Kemm għandha riżorsi/budget u ħaddiema sabiex din tagħmel dan?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 993.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-gvern għaddiex xi allokazzjoni partikolari wara l-maltempata kbira li saret xi snin ilu, lill-kunsilli lokali?
Kemm kien hemm kunsilli lokali li talbu li jingħataw fondi wara dan il-maltemp?
Billi kien hemm kunsilli lokali li ħallsu għat-tiswija tal-ħsarat minn fondi oħra, jista' l-gvern jieħu l-passi biex isiru l-ħlasijiet lura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tlieta u tletin (33) Kunsill kienu għamlu talba għal fondi wara l-maltempata ta’ Settembru 2003.
Il-Gvern kien ġab fondi ta’ l-Unjoni Ewropea biex jagħmel tajjeb għal ħsarat ikkaġunati minn din il-maltempata. Dawn intużaw mill-Gvern biex isewwi d-diversi ħsarat madwar Malta u Għawdex.
Saru xogħlijiet fil-Marsa, Ħal Qormi, is-Salini, Ħ’Attard, il-Mosta, il-Qrendi u San Ġwann. Ix-xogħol kien jinkludi tiswija ta’ ħitan, emergency stabilisation ta’ ħajt naturali fid-Drydocks u upgrading ta’ sistema ta’ l-ilma tax-xita fiż-żona tal-Marsa
Jista' l-Ministru jgħid kemm naqsu d-depożiti tal-Gvern fil-Bank Ċentrali (inkluż Sinking Funds) bejn Diċembru 2007 u April 2008?
Jekk dawn naqsu, kif utilizzahom il-Gvern fl-istess perijodu?
Kemm għandu depożitu mal-banek kummerċjali l-Gvern?
Jista' jgħid kemm kien hemm depożiti f'Diċembru 2007 u f'April 2008?
Response (FENECH, TONIO)
Id-depożiti tal-Gvern mal-Bank Ċentrali (inkluż is-Sinking Funds) fil-perjodu bejn Diċembru 2007 u April 2008 naqsu b'ammont ta' €75m waqt li dawk tal-banek kummerċjali żdiedu b'ammont ta' €4.5m. Dettalji ta' ċaqlieq f' dawn il-bilanċi huma murija fit-tabella hawn isfel.
Depożiti tal Gvern (ċentrali) f’euro '000
Mal-Bank Ċentrali ta’ Malta
Diċ-07
€ 387,241.33
Apr-08
€312,143.84
Ma’ banek kummerċjali
Diċ-07
€ 37,408.77
Apr-08
€ 41,951.16
L-Onorevoli Interpellant għandu jżomm f’moħħu li ċ-ċaqlieq fil-kontijiet tal-Gvern mal-Bank Ċentrali ta’ Malta hu volatili ħafna u ma jsegwix xejriet staġjonali. Ċaqlieq li jkun hemm fil-bidu tas-sena jirrifletti kemm dħul u ħruġ relatat mal-programm fiskali tas-sena kurrenti kif ukoll pagamenti li baqgħu pendenti mis-sena ta’ qabel.
Id-depożiti tal-Gvern mal-bank Ċentrali jintużaw għal skopijiet speċifiċi li għalihom ikunu nfetħu dawn il-kontijiet. Dawn jistgħu ikunu marbuta kemm mal-programm fiskali tal-Gvern kif ukoll ma proviżjoni għal ħlas lura ta’ dejn.
Stante li d-dipartiment tradizzjonalment msejjaħ Monte di Pieta' hu obbligat li jiġbor it-taxxi fuq transferimenti u dokumenti (il-bolol) fuq l-assigurazzjoni u kif ukoll fuq il-bejgħ bl-irkant ta' oġġetti mobbli u transferimenti ta' ishma , jista' l-Ministru jgħid:
i) Jekk hemmx żmien stipulat sabiex kumpaniji ta' l-assigurazzjoni u irkantaturi jħallsu l-bolol tal-klijenti?
ii) Kemm hemm Poloz ta' Assigurazzjoni bil-bolol mhux imħallsa lid-dipartiment?
iii) Kemm jiġbor bolol id-dipartiment fuq oġġetti mobbli li jkunu suġġetti ta' bejgħ bl-irkant?
iv)X'sistema juża id-dipartiment sabiex jkun jaf li nġabru l-bolol kollha ta' bejgħ bl-irkant?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi:-
i) Il-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni għandhom iħallsu t-taxxa tal-boll fuq poloz ta’ l-assigurazzjoni fi żmien ħmistax –il ġurnata mill-aħħar tax-xahar, jew mill-aħħar tal-perjodu ta’ tlett xhur, skond kif ikun ingħata l-permess lilhom skond l-Avviż Legali Numru 31/1982, filwaqt li rkantaturi ma hemmx żmien stipulat fl-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364) sabiex jagħmlu l-ħlas tal-boll dovut.
ii) Id-Dipartiment jizgura li kull kumpannija ta’ l-assigurazzjoni tħallas il-boll fi żmien stipulat lilha skond kif spjegat hawn fuq (i). Għaldaqstant m’hemmx bolol mhux imħallsa fuq poloz ta’ l-assigurazzjoni.
iii) F’bejħ b’irkant ta’ mobbli, l-ammont totali mħallas fuq oġġetti jew l-oġġetti mixtrija minn persuna waħda, ikun iżjed minn mitejn u tletin ewro (€ 230), għandu jitħallas fuq il-Memorandum li fuqha jkun imniżżel dak il-bejgħ, taxxa ta’ żewġ ewro u sittin ċenteżmu ( € 2.60) għal kull mitt ewro ( €100), jew parti minnha, tal-prezz imħallas minn dak ix-xerrej.
iv) Id-Dipartiment isir jaf bl-irkantijiet permezz ta’ avviżi li jkunu saru mill-irkantaturi fil-gazzetti lokali.
Jekk fi żmien raġjonevoli ta’ bejn wieħed u ieħor sitt gimgħat minn meta jkun sar l-irkant, l-irkantatur ma jiġix fid-Dipartiment u ma jġibx miegħu il-
Memorandum
li fih ikun hemm kull bejgħ li sar f’dak l-irkant partikolari, u dan sabiex titħallas it-taxxa dovuta skond l-artikolu 39 (i) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364), id-Dipartiment jinnotifika l-irkantatur sabiex jagħmel hekk mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 179, 360 u 681 u jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-Gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-Tarznari?
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk in-negozjati fuq il-legal notice 197, li hija l-Pension Ordinance li taffettwa xi impjegati tal-MITTS, ġewx konklużi? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negattiv, meta se jikkonkludu ruħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi peress li din il-PQ hija relatata ma’ amenda li saret fit-Treasury Pensions Ordinance, għandha tiġi riferuta lid-Director (Employee Relations) (MPO). Il-bidliet li jsiru fil-‘policy’ isiru mill-MPO.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsij parlamentari 835 u jgħid kemm naqsu d-depożiti tal-Gvern fil-Bank Ċentrali (inkluż Sinking Funds) bejn Diċembru 2007 u April 2008?
Jekk dawn naqsu, kif utilizzahom il-Gvern fl-istess perijodu?
Kemm għandu depożitu mal-banek kummerċjali l-Gvern?
Jista' jgħid kemm kien hemm depożiti f'Diċembru 2007 u f'April 2008?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 835
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu nvestigax allegazzjonijiet serji ta' ħruġ ta' sensiela ta' direct orders f'ammonti ferm aktar milli stipulati fil-Liġijiet finanzjarji u amministrattivi li saru mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fl-Ufiċċju tal-Prim Ministru fil-leġislatura preċedenti fejn tikkonċerna l-FAM? Jekk iva, x'miżuri ttieħdu? Jekk le, għaliex?
Jista' jagħti rendikont tal-kuntratti kollha li ngħataw b'direct order mill-FAM matul il-perijodu 2004 sa 2008 u lil min?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saritx investigazzjoni dwar direct orders mogħtija mill-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar snin.
Rigward it-tieni mistoqsija, rendikont tal-kuntratti kollha li ngħataw b’direct order mill-FAM bejn l-2004 sa l-2008 u lil min, jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi l-Ministru qal li l-Gvern qed jistħarreġ permezz ta' l-awtoritajiet kompetanti għaliex pajjiżna għandu żieda fil-prezzijiet ferm ogħla minn pajjiżi l-oħra tal-Eurozone, jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jitlesta dan l-istudju u jiġi ppublikat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni tagħmel moniteraġġ tal-prezzijiet ta’ firxa wiesa’ ta’ prodotti ta’ l-ikel li jinsabu fis-suq. Meta jiġi nnutat li xi prezzijiet ikunu varjaw b’mod mhux normali, ssir analiżi biex jiġi ivverifikat jekk hemmx xi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni.
Dak li qed jipprova jalludi għalih l-Onor. Interpellant mhux xi studju statiku ta’ sitwazzjoni tas-suq kollu, imma ta’ setturi speċifiċi (u fis-settur wiesa’ ta’ l-ikel) li jista’ jidher li qed iħallu impatt negattiv fuq l-għoli tal-prezzijiet mingħajr ġustifikazzjonijiet raġonevoli.
Saru investigazzjonijiet fuq ċaqlieq ta’ prezzijiet u f’ħafna mill-każijiet irriżulta li ċ-ċaqlieq kien ġustifikat minħabba l-għoli ta’ prezzijiet minn barra u spejjeż għola fit-trasport pero’ minħabba li l-informazzjoni miġbura hija ta’ natura kummerċjali hija għalhekk kunfidenzjali u ma tistax tiġi ppublikata.
Jista' l-Ministru jwieġed mistoqsijiet parlamentari 884, 179, 360 u 681 u jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-Gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-Tarznari?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 702 u jiddentifika liema dipartiment/aġenzija hija responsabbli sabiex iġġib l-investiment lejn Malta? Kemm għandha riżorsi/budget u ħaddiema sabiex din tagħmel dan?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Malta Enterprise hija l-Aġenzja responsabbli sabiex tattira l-investiment barrani lejn Malta. Il-Malta Enterprise timpjega 96 ħaddiem li minnhom hemm 20 li huma direttament involuti biex iġibu dan l-Investiment lejn Malta.
Fir-rigward tar-Rizorsi/
budget
, il-
Malta Enterprise
tingħata żewġ Voti kull sena sabiex topera u tilħaq l-għanijiet tagħha li tinċentiva l-intraprisi. Ghas-sena 2008, il-Vot rikurrenti u kapitali kien kif ġej:
Rikurrenti Kapital
€000 €000
2008 4,847 10,903
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 671 u jgħid meta huwa ppjanat li Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta jsirilha l-manutenzjoni meħtieġa speċjalment fejn hemm il-culverts, li jinsabu perikolużi jekk xi vettura tinżel fuqhom bi żball?
Jista' l-Ministru jgħid fejn jista' jsib għajnuna ċ-ċittadin li jkun xtara prodott minn fuq l-internet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ċ-ċittadin jista’ jsib għajnuna mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni kif ukoll mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, jekk jixtri mingħand bejjiegħ li huwa bbażat ġewwa Malta.
Kemm-il darba l-bejjiegħ ikun ibbażat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, hemm iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur ta’ Malta (
ECC Malta
) li jkun jista’ jassisti lill-konsumatur.
Kemm-il darba l-bejjiegħ ikun bbażat f’pajjiż ieħor barra l-Unjoni Ewropea, il-konsumatur jista’ javviċina lid-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni bħala membru tal-
International
Consumer
Protection
Enforcement
Network
(
ICPEN
).
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 672 u jispjega jekk huwiex possibbli li professjonist li jagħlaq il-61 sena jkompli jagħti s-servizzi tiegħu fil-qasam pubbliku bħala impjegat mas-Servizz Pubbliku? Kemm hemm professjonisti li bħalissa qed jagħmlu dan u f'liema oqsma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li professjonisti fis-Servizz Pubbliku li jagħlqu l-61 sena jistgħu jwettqu dmirijiethom fis-Servizz jekk ikun hemm aktar ħtieġa għas-servizz tagħhom.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant li turi li hemm 47 professjonist fis-Servizz Pubbliku li għandhom ’l fuq minn 61 sena u li komplew jaqdu dmirijiethom fil-professjoni tagħhom fuq bażi full time jew part-time. Dettalji personali tħallew barra għal raġuni ta’ etika.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 670 u jagħti statistika ta' kemm tqassmu djar/plots/flats lill-poplu bejn Jannar 2007 u Jannar 2008 bħala skemi tal-Housing? Liema huma dawn l-iskemi? Jista' jgħid jekk hemmx xi skema li mhux kulħadd huwa ntitolat għaliha?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li fil-perjodu speċifikat mill-Onor. Interpellant, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorita' tad-Djar qassmu 190 appartament bil-kera. Matul l-istess żmien, l-Awtorita' allokat 259 post taħt it-tieni ħarġa ta' Shared Ownership.
L-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar huma miftuħa għall-pubbliku in ġenerali u huma suġġetti għall-kundizzjonijiet rispettivi kif jiġu ppublikati fuq il-Gazetti tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jagħti time frame ta' meta sejjer jibda x-xogħol fuq Triq il-Waqqafa, fil-Mosta, liema triq diġa' għandha parti minnha li saret u fadlilha parti oħra li għad trid tingħata wiċċ ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi/vetturi mikrija fil-mument għall-użu tal-ħteġijiet tal-ministeri, dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Kemm hija ċ-ċifra ta' flus globali li titħallas kull xahar għal dawn il-karozzi/vetturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 583 u jieħu azzjoni biex art quddiem ir-Roman Villa fir-Rabat, li fil-preżent qed tintuża bħala spazju ta' parking tingħata t-tarmac sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent ta' trab u nuqqas ta' sigurta' għal min juża l-istess parking space. Fil-preżent dan l-ispazju qed iservi ta' dannu quddiem it-turisti li jżuru r-Rabat u l-Imdina.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi din il-biċċa art hija parti mixtrija mill-Gvern Ċentrali u l-parti l-oħra hija tal-privat. Taħt din l-art hemm skavi fosthom strutturi ta’ żmien Ruman u oħrajn ta’ żmien aktar riċenti.
Jidher li kien hemm proposti biex din l-art tiġi rranġata billi tingħata wiċċ bit-tarmac b’tali mod li meta jkun meħtieġ dan jista’ jitneħħa u l-iskavi jinkixfu mill-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa t-total ta' art li ngħatat il-kumpanija MIDI u kemm minn din l-art kellha tinbena ma' l-iffirmar tal-kuntratt oriġinali?
Kemm-il darba ġie emendat dan il-kuntratt u x'kundizzjonijiet ġodda ġew introdotti fuq il-kuntratt oriġinali?
Response (FENECH, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat, u cioe lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.