Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #1213 Sitting 23 2008-06-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema fl-Isptar ta' Għawdex — Promozzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kriterji użati sabiex toħroġ promozzjoni għall-ħaddiema fl-isptar ta' Għawdex humiex l-istess kriterji li jintużaw biex toħroġ promozzjoni għall-ħaddiema fl-isptar ta' Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-kriterji ghall-promozzjonijiet tal-haddiema jigu mahruga mill-Kummissjoni ghas-Servizz Pubbliku.

Mater Dei — Emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li jiġi jiswa' fuq medja kull pazjent li jidħol l-emerġenza ta' l-isptar Mater Dei? Kemm tiswa lill-istat fuq medja kull vista bħala emerġenza fiċ-ċentri tas-saħħa? Jekk hemm differenza, għaliex?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma tinżammx. Bħala gwida nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għall-Avviż Legali Nru 201 ta’ l-2004 bit-titolu “Regolamenti ta’ l-2004 dwar Drittijiet għal Kura tas-Saħħa” dwar tariffi applikabbli għal persuni barranin li jużaw is-servizzi tas-saħħa f’Malta.

Konsum ta' dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 1038, 793 u 572 u jieħu l-figuri ta' bejn l-1 ta' Marzu 2007 u l-1 ta' Marzu 2008 u jindika kemm hi l-medja ta' ħlas totali fis-sena li kull household tħallas lill- a) Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma b)Enemalta għall-konsum tal- i)ilma u ii)dawl inkluż konsum , kirjiet ta' arloġġi u soprataxxa? Kemm minn din iċ-ċifra, bħala medja, tmur bħala ħlas għas-surcharge?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Gozo Channel — Vapuri għat-tagħbija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 638 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrasttruttura, Trasport u Kommunikazzjoni u li issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid x'arranġamenti qed isiru biex il-Gozo Channel jibqa' jkollha vapur li tista' tuża regolarment għat-tagħbija tal-merkanzija u ta' skart perikoluż peress li bħalissa għandha vapur wieħed u allura meta jkun bil-ħsara ma jkollhiex mezz biex iġġorr din it-tagħbija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gozo Channel bħalissa għandha l-MV GAUDOS li jista’ jġorr merkanzija perikoluża. Għalkemm bħalissa m’għandniex alternattiva jew mezz ta’ ġarr ieħor ta’ dan it-tip, il-Gvern u l-Gozo Channel qed jaħdmu sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata mingħajr ma jkun hemm inkonvenjent għall-passiġġieri l-oħra li jużaw is-servizz bejn iż-żewġ gżejjer.

Mistra Village Complex

Question

Stante li minflok il-Mistra Village Complex se jitla' torri ġdid, u dan l-iżvilupp ta' bilfors se jkollu jerġa' jitfa' fuq l-agenda l-iżvilupp tat-triq minn ġo l-Imbordin ta' l-hekk imsejjaħ TEN-T Network, u stante li s-soluzzjoni għall-problema tax-Xemxija li jieħu wisq traffiku ġej u sejjer mill-Mellieħa u Għawdex, ma tistax tkun triq li i) tiġġenera iżjed tniġġis fil-Pwales,is-Simar u l-Imbordin ii) kontra l-liġi ta' l-EU għax tipperikola l-aquifer tal-Miżieb u iii) triq ġdida bħal din mhux se ttaffi l-vera problema tagħna cioe' dipendenza kbira fuq il-karozzi u trasport privat, jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-gvern fuq it-triq ta' l-Imbordin? Veru li l-gvern qed jikkonsidra li jitnaqqas l-użu tal-port taċ-Ċirkewwa b'ferry li jasal sal-port tal-Marsa (fejn is-Sea Malta)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pestiċidi mportati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 365 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jindika liema kategorija ta' pestiċidi jiġu mpurtati f'pajjiżna? Għal kull kategorija ta' pestiċidi liema kimiċi jiġu l-iktar importati? Minn fejn jiġu mportati? Kemm kienet l-importazzjoni ta' pestiċidi sena b'sena fl-aħħar 10 snin skond il-kategorija u l-kimika tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 797.

Mosta — Triq Ta' Mlit

Question

Jista' l-Ministru jagħti time frame meta sejjer jibda x-xogħol ta' asfalt fi Triq Ta' Mlit, fil-Mosta li tinstab wara l-ground tal-football, liema triq tinstab fi stat ħażin ħafna u qed tikkawża ħsarat fil-vetturi tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bank Ċentrali — Profitt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-profitt, sena b'sena tal-Bank Ċentrali ta' Malta għal dawn l-aħħar għaxar snin mis-sena 1998 sas-sena 2007?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-profitti tal-Bank Ċentrali għall-aħħar għaxar snin kienu dawn: Sena Profitt Lm’000 €’000 2007 12,317 28,691 2006 11,152 25,977 2005 10,796 25,148 2004 14,901 34,710 2003 18,233 42,471 2002 19,782 46,080 2001 26,054 60,689 2000 25,902 60,335 1999 23,113 53,839 1998 30,682 71,470 Dawn il-figuri jiġu ppubblikati f’aktar dettal fir-rapport anwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u jistgħu jinkisbu wkoll mill-website uffiċjali tal-Bank li jagħti aċċess għall-istess rapporti tul l-aħħar għaxar snin.

Formularju tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa fin-numru l-istaff professjonali li jieħu ħsieb "full-time" li jaġġorna l-formularju tal-Gvern u protokolli speċifiċi fejn jidħlu l-mediċini li jistgħu jingħataw minn fuq il-kartuna s-safra b'xejn lill-poplu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li d-Direttorat li taħtu sar jaqgħa xogħol bħal ma hu l-aġġornar tal-formularju tal-Gvern u protokolli speċifiċi għall-użu ta' mediċini b'xejn huwa id-Direttorat tal- Politika Farmaċewtika u Moniteraġġ fi ħdan id-Direttorat Ġenerali ta' l-Istrateġija u Sostennibilita'. Dan id-drettorat huwa pjuttost ġdid u magħmul minn direttur, assistent direttur (reduced hours), spiżjara (reduced hours) u spizjara full-time. F'dan id-direttorat hemm ħafna xogħol ieħor li jinkludi: · l-aġġornar tal-lista tal-formularju tal-Gvern bl-introduzzjoni ta' mediċini ġodda, aġġornar ta' protokolli u anke tneħħija minn fuq il-formularju ta' mediċini li għalihom m'hemmx aktar użu. · aġġornar ta' speċifikazzjonijiet għax-xiri tal-mediċini li jintużaw u jinagħtaw b'xejn mis-servizzi tal-gvern. · monitoraġġ ta' konsumi ta' mediċini partikolari għall-iskop ta' kontrolli ta' nefqa. · assessar tal-effettivita relattiva ta' mediċini ġodda. · proċess ta' abbinament tal-kondizzjonijiet kroniċi li jaqgħu taħt l-iskeda V jew il-kartuna r-roża u l-mediċini tal-formularju li jistgħu jingħataw għal kull kondizzjoni. · networking mal-Unjoni Ewropea Id-direttorat iservi wkoll punt ta' referenza teknika ma' diversi sezzjonijiet oħra tal-Ministeru tal-Politika Socjali bħal ma huma is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern, is-Servizzi Kliniċi, Tobba u Speċjalisti fl-iptarijiet u kliniċi tal-Gvern li magħhom isiru laqgħat regolari. Id-direttorat jieħu ħsieb li ikollu laqgħat ukoll ma membri tal-industrja farmaċewtika Maltija. Dan ix-xogħol kollu jsir minn nies tekniċi imsemmija hawn fuq u huwa maqsum bejn il-membri kollha kemm minħabba li l-membri huma ftit u kemm ukoll għall-iskop ta' kontinwazzjoni fis-servizzi.

Użu ta' karta riċiklata

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tiegħu għall-implimentazzjoni ħalli kull dipartiment u entita' governattiva tibda tuża l-karta riċiklata? Meta fil-fatt se jibda dan? Kemm hija ppjanata li ġejja tiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-abbozz ta’ pjan imsejjaħ Green Public Procurement National Action Plan tlesta u issa dan irid jitressaq għall-approvazzjoni tal-gvern. L-għan ta’ dan id-dokument hu, li juri kif id-dipartimenti u entitajiet pubbliċi huma obbligati jżommu quddiem għajnejhom il-ħarsien ta’ l-ambjent, meta jkunu qed jordnaw jew jixtru l-bżonnijiet tagħhom fosthom il-karta, kompjuters, traspsort, bini servizzi ta’ tindif etc..

Kartuna safra — Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista bl-ismijiet ta' kemm-il mediċina ntalbet li titniżżel biex tkun tista' tibda tingħata minn fuq il-kartuna s-safra matul is-snin 2006 - 2008? Liema talba saret mill-market authorisation holder u minn konsulenti li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u kemm ma ġewx? Għaliex ġew milqugħa u għaliex ma ġewx?

Response (DALLI, JOHN)

Informat illi rikjesti simili għal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant huma kostanti, ma naħsibx li għandna noqgħodu ngħatu dawn id-dettalji li jisgħu iservu biss biex tiżdied il-pressjoni fuq dawk li qegħdin jamministraw is-sistema fil-limiti tar-riżorsi li għandhom. Ninforma lill-Onor Interpellant li r-reviżjoni tal–formularju huwa proċess kontinwu u kostanti. Il-lista tal–formularju tal-gvern hija aċċessibli għall-pubblikki fuq il-link http://www.sahha.gov.mt/pages.aspx?page=740 waqt li l-lista tal-protokolli fuq http://www.sahha.gov.mt/pages.aspx?page=739 .

Bdiewa — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar in-numru ta' bdiewa li għandhom talbiet pendenti għal għajnuniet finanzjarja? Minn liema lokalitajiet (raħal, raħal) huma dawn il-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Membru jkun aktar speċifiku u jindika għal liema inizjattivi qed jirreferi.

Prodotti Agrikoli — Spot Check

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk isiux xi spot checks fuq il-prodotti agrikoli mpurtati f'pajjiżna? Jekk iva, kemm saru minn dawn l-i spot checks matul l-aħħar 16-il xahar, xahar b'xahar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li d- Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru jispezzjona dawk il-prodotti kollha impurtati f’pajjiżna li huma suġġetti ta’ ispezzjoni skond id-Direttiva 2000/29 EC u l-Avviż Legali 97 ta’ 2004 u l-emendi tagħhom. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella li turi n-numru ta’ spezzjonijiet li saru matul dawn l-aħħar sittax -il xahar.
Leg 11 PQ #1118 Sitting 22 2008-06-24 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Samples ta' ilma baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' samples ta' ilma baħar li ttieħdu kull xahar minn Jannar sa Mejju matul il-kosta minn Baħar iċ-Ċagħaq sal-Ġnejna? Minn kemm-il post differenti jittieħdu dawn is-samples? B'liema frekwenza jittieħdu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat illi l-istaġun ta’ l-għawm huwa regolat permezz ta’ Att Legali dwar il-Kwalita’ ta’ l-Ilma għall-Għawm ta’ l-2003 (A.L. 380 ta’ l-2003). L-istaġun uffiċjali ta’ l-għawm huwa bejn it-tielet ġimgħa ta’ Mejju u t-tielet ġimgħa t’Ottubru. Għaldaqstant minn Jannar sat-tieni ġimgħa ta’ Mejju ma jittieħdu l-ebda kampjuni ħlief għall-prova waħda li ssir qabel jiftaħ l-istaġun (pre-season). Din saret bejn il-5 ta Mejju u 8 ta’ Mejju u f’dik il-gimgħa ittieħdu madwar 87 kampjun minn madwar Malta u Għawdex, b’34 minn dawn il-kampjun jittieħdu miż-żona bejn Baħar iċ-Ċagħaq u l-Ġnejna (jiġiefieri t-Tramuntana ta’ Malta li teskludi Għawdex). Dawn l-istess ammonti jittieħdu kull ġimgħa waqt l-istaġun ta’ l-għawm. F’Mejju ittieħdu ukoll żewġs rawnds oħra ta’ kampjuni, jiġieferi fil-ġimgħa li tibda 19 ta’ Mejju u dik li tibda 26 ta Mejju. Għaldaqstant it-totali għal Mejju miż-żona indikata mill-Interpellant huwa ta’ 102 kampjuni. Ser inpoġġi lista fuq il-Mejda tal-Kamra rigward iż-żoni fit-Tramuntana ta' Malta.

Traffic Signs

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' sinjali (overhead u road side) li kienu twaħħlu xi snin ilu fuq ir-rotta (triq) numru 1? Kemm minn dawn is-sinjali huma issa mkissra jew maqlugħa? Meta hu mstenni, jekk inhu l-każ, li dawn is-sinjali jinbidlu/jiġu rranġati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ sinjali li kienu twaħħlu fuq rotta numru 1 kien ta’ 300 sinjal. Sa Settembru 2006 ġew mibdula jew irranġati 29 minn dawn is-sinjali li ġew imkissra. L-Awtorita’ se tkun qed tagħmel eżerċizzju sabiex tistabbilixxi n-numru u liema sinjali huma bħalissa mkissra jew maqlugħa sabiex wara tkun tista’ tara’ x’azzjoni trid tieħu sabiex jitranġaw jew jinbidlu.

Prodotti Agrikoli — Impurtati minn Barra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri ħa jew qed jieħu l-ministeru biex jiġi garantit li l-ebda frott jew prodotti agrikoli oħra impurtati minn barra (inkluż dawk mis-suq intern mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea) ma jsibux ruħhom fil-pitkalija f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Membru li kull meta jkun hemm suspett ta’ prodotti agrikoli mpurtati, jsiru investigazzjonijiet mill-Control Unit tad-Dipartiment sew fil-pitkalija kif ukoll fl-għelieqi. Fejn ikun il-bżonn jittieħdu l-passi neċessarji. Ninfurmaħ ukoll li fil-Pitkalija bħalissa għaddej proġett ta’ modernizzar tas-sistema ta’ l-IT li ser tippermetti li l-oriġini ta’ kull prodott tkun verifikata. Fil-frattemp, qed isiru wkoll laqgħat mal-Pitkala u ma’ l-Għaqdiet tal-Bdiewa waqt it-tfassil ta’ pjan strateġiku għal-pitkalija kollha.
Leg 11 PQ #1121 Sitting 22 2008-06-24 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Spiżjar ta' l-għażla tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif miexja l-iskema ta' l-ispiżjar ta' l-għażla tiegħek fil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett fejn dan ġie nitrodott? Jista' jagħti tagħrif dwar meta l-lokalitajiet kollha ta' Malta jibdew jibbenifikaw minn din l-iskema?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-iskema ta’ l-Ispiżerija ta’ l-Għażla Tiegħek diġa’ bdiet titħaddem f’diversi lokalitajiet, fosthom:- fis-7 Distrett: f’Ħad-Dingli, Mġarr, Mtarfa, u Rabat – numru ta pazjenti registrati huwa 3921; fil-11-il Distrett: Attard u Mosta – numru ta pazjenti registrati huwa 4929 u fit-12-il Distrett: Mellieħa, Naxxar, San Pawl il-Baħar, Qawra u Bugibba – numru ta pazjenti registrati huwa 5364. F’Ħal Balzan – parti mill-11-il Distrett, 361 pazjent diga irregistraw fl-iskema u it-tqassim tal-medicini mill-izpizeriji privati se tibda fl-14 ta’ Lulju li ġej. Fil-lokalita’ ta’ Ħaż-Żebbuġ (Malta), li huwa parti mis-7 Distrett, ir-reġistrazzjoni għall-iskema se tiftaħ fl-aħħar ta’ Settembru. L-iskema ta’ l-Ispiżerija ta’ l-Għażla Tiegħek se tkun estiża f’Malta kollha sa April tas-sena d-dieħla.

Karozzi second hand

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 962 u jgħid kemm kien il-bejgħ ta' karozzi/vetturi second hand reġistrati f'pajjiżna matul Jannar, Frar, Marzu, April u Mejju ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar 5 snin sena b'sena fl-istess perjodu?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bejgħ ta' karozzi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 961 u jgħid kemm kien il-bejgħ ta' karozzi/vetturi ġodda reġistrati f'pajjiżna matul Jannar, Frar, Marzu, April u Mejju ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar 5 snin sena b'sena fl-istess perjodu?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.