Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #1252 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Street Furniture

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' konsultazzjoni saret mill-Gvern Ċentrali mal-kunsilli lokali fejn tneħħiet street furniture fil-lokalitajiet turistiċi f'Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onorevoli Interpellant hu ġentilment mitlub jispeċifika fejn u liema street furniture qed jirreferi għalihom.

Kunsilli mal-Heritage Malta — Mappa 3D

Question

Tista' l-Ministru tara jekk hux possibli li permezz tal-Heritage Malta tingħaqad mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar biex tiġi stampata mappa (three dimensional) tas-siti storiċi ta' San Pawl il-Baħar u l-madwar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li l-mapep ta’ Malta jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Mapping Unit fi ħdan il-MEPA, nissuġġerixxi li l-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Proposta lill-Kabinett

Question

Jista' l-ministru jgħid jekk huwiex minnu li se jressaq proposta lill-Kabinett sabiex jiġi liberalizzat is-suq in konnesjoni mas-servizz tal-vetturi li jġorru l-kadavri? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid meta se jressaq din il-proposta lill-Kabinett? Jista' jgħid jekk din il-proposta hijiex limitata għall-vetturi tal-ġarr tal-kadavri jew hux se tinkludi anke t-taxis?

Response (GATT, AUSTIN)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li hi l-prattika f’Malta li l-aġenda tal-Kabinett hi meqjusa bħala kunfidenzjali. Il-Gvern iħabbar id-deċiżjonijiet tiegħu meta jeħodhom”.

Pensions Ordinance

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 922 u jinfurmani jekk in-negozjati fuq il-legal notice 197, li hija l-Pension Ordinance li taffettwa xi impjegati tal-MITTS, ġewx konklużi? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negattiv, meta se jikkonkludu ruħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 922.

UEFA

Question

Ġaladarba l-Parlament Ewropew ivvota bil-kbir kontra l-proposta tal-UEFA, peress li f'Malta m'hawnx free movement kif kontemplat mill-Unjoni Ewropea, tista' l-Ministru twieġeb mistopqsija parlamentari 539 u tgħid hux se jittieħdu passi kontra l-Malta Football Association biex din tirregola ruħha fuq ir-regoli ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk se jittieħdu xi passi, meta se jsir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew mhix kontra dik tal-UEFA kif tagħti x’tifhem il-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant. Il-Kummissjoni Ewropea għadha qed tistudja r-regoli tal-UEFA. Hi l-Qorti Ewropea li tiddeċiedi jekk ir-regoli tal-MFA imorrux kontra l-liġijiet Ewropej u dan fit-tmiem ta' proċess legali. Sa fejn jien infurmata, s'issa, ħadd għadu ma beda xi proċess legali dwar dawn ir-regoli.

Facilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’nies miżmuma fil-Facilita’Korrettiva ta’ Kordin u li qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs? Kemm hemm minnhom li kienu sentenzjati għal għomorhom u li b’hekk mistennija jibqghu l-ħabs sal-mewt? Dawn huma kollha Maltin? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm nies miżmuma l-ħabs li m'humiex sentenzjati? Kemm minn dawn huma barranin u ta’ liema nazzjonalita’?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li n-numru totali ta' priġunieri miżmuma fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin hu ta' 413. Minn dawn hemm 8 priġunieri sentenzjati għal għomorhom, li ħamsa minnhom huma Maltin. In-numru ta' priġunieri li ma humiex sentenzjati huwa ta' 136, li minnhom hemm 76 Malti u 60 barrani, li ġejjin minn dawn il-pajjiżi:- Amerika, Brażil, Ingilterra, Bulgarija, Kanada, Chad, Ċina, Olanda, Estonja, Franza, Germanja, Guinea, Ungerija, Libja, Liberja, Malażja, Messiku, Niger, Niġerja, Palestina, Panama, Somalja, Sudan, Sirja, Tuneżija u Turkija.
Leg 11 PQ #1263 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

San Ġiljan — Rampi

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'permessi ntalbu mill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan u x'permessi nħarġu mill-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', fuq ir-rampi li saru ġo Triq Angelo Pullicino? Dawn ir-rampi huma konformi mal-guidelines tal-Kummisjoni? Dawn huma fi stat li jintużaw għal persuni b'diżabilita'?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita’ ma toħroġ ebda permess dwar it-tip ta’ xogħlijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, iżda tagħti r-rakkomandazzjoni tagħha meta tiġi mitluba mill-MEPA jekk il-pjanti jew ix-xogħlijiet humiex skond il-Linji Gwida tal-Kummissjoni kif ippubblikati fl-Access for All - Design Guidelines. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ntalbitx tagħti rakkomandazzjoni. Peress li l-Kummissjoni, meta tirċievi lment li jkun sar xogħol li mhux skond dawn il-Linji Gwida, tista’ tinvestiga hi stess, għaddejt din il-Mistoqsija lill-Kummissjoni biex tagħmel l-investigazzjoni li jidhrilha xierqa.
Leg 11 PQ #1264 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet overturned

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' applikazzjonijiet quddiem il-MEPA li r-rakkmandazzjoni tagħhom kienet overturned min-naħa tal-Bord tad-DCC matul is-sena 2008? Jista' jagħti din l-istatistika xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jagħtu l-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Studenti fil-Junior College

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li daħlu għall-ewwel darba fil-Junior College f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom telqu mill-istudji tagħhom? Kien hemm min tkeċċa? Jekk iva, għal liema raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li n-numru ta’ studenti li daħlu għall-ewwel darba fil-Junior College f’din is-sena skolastika: Bniet Subien 900 585 Numru ta’ studenti li telqu mill-istudji tagħhom matul is-sena skolastika: Bniet Subien 52 64 Ma kien hemm ebda student li tkeċċa matul din is-sena.
Leg 11 PQ #1266 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Agenzija Sedqa — Action plan

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana jekk l-Aġenzija Sedqa ipprezentatx lill-Ministeru tiegħu b'action plan' sabiex jiġi mplimentat biex jonqos drastikament l-użu ta' l-alkoħol fost iż-żgħażagħ u t-tfal? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-'action plan' propost minn din l-Aġenzija? Xi twettaq s’issa minn dan il-pjan ta' azzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li fl-2001 l-Aġenzija Sedqa, flimikien mal-Health Promotion Unit fil-Ministeru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien, kienu ippreżentaw abbozz ta’ politika nazzjonali dwar l-alkoħol lil diversi Ministeri u lill-Kelliemi ta’ l-Oppożizzjoni dwar Affarijiet Soċjali. Dan kien jinkludi, fost affarijiet oħra, proposti ta’ tibdil fil-liġi li tirregola l-konsum ta’ l-alkoħol minn minuri, li sussegwentement gie attwat permezz ta’ emendi fil-kodici tal-Liġijiet tal-Pulizija fl-l-2007. Minn dak iż-żmien ’l hawn ġie deċiż li r-responsabilita’ ta’ tifsil ta’ policies dwar is-suġġett tgħaddi f’idejn il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuz tad-Droga, l-Alkoħol u Vizzji Oħra, flimkien mad-Direttorat għall- Policies u l-Implimentazzjoni ta’ Programmi. Ta min jgħid li Sedqa regolarment tagħmel kampanji fil-mezzi tax-xandir bil-għan li tikkumbatti dan l-abbuż. Sedqa għandha wkoll programmi estensivi u elaborati fl-iskejjel primarji u sekondarji biex jedukaw tfal u żgħażagħ kontra l-abbuż ta’ sustanzi perikolużi għas-saħħa, inkluż l-alkoħol.

Studenti fil-Higher Secondary

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li daħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom telqu mill-istudji tagħhom qabel ma ntemmet is-sena skolastika? Kien hemm xi studenti li tkeċċew? Jekk iva, għal liema raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ studenti, subien u bniet li daħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi f’din is-sena skolastika huwa ta’ 1638. (Subien - 716/Bniet – 922) It-total ta’ studenti li rriżenjaw huwa ta’ 173, filwaqt li ma kien hemm ebda tkeċċija. In-numru ta’ dawk li twaqqfu formalment wara li ma baqgħux jattendu (terminations) kien ta’ 57.
Leg 11 PQ #1268 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Aġenzija Appoġġ — Social workers

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 729, jista' l-Ministru jindikalna f'dawn l-aħħar tliet snin, kemm kienu l-każijiet li ġew riferuti mill-Assessment Team tal-Facilita' Korrettiva ta' Kordin lill-Aġenzija Appoġġ? Sar pjan ta' azzjoni ma' kull każ fejn f'dan il-pjan ta' riabilitazzjoni jkun hemm involut il-priġunier? Kemm kien hemm familji ta' priġunieri f'dan il-perjodu li sabu għajnuna minn servizzi oħra ta' l-Aġenzija Appoġġ u mhux dak li x-xogħol prinċipali tagħha hu mal-priġunieri? Għaliex ix-xogħol soċjali ma' dawn il-familji ma jsirx mill-istess social workers li qed jaħdmu mal-priġunieri li l-każ tagħhom ġie riferut mill-Assessment Team?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li bejn l-2005 u l-2007 kien hemm madwar 56 każ, riferut mill-Assessment Team indikat, lill-ħaddiema soċjali fl-Appoġġ. Fl-2007 il-ħaddiema soċjali ta’ Appoġġ kienet qed taħdem ma’ madwar 40 minn dawn il-każijiet Dan in-numru jinkludi każijiet ‘long term’ li jibqħu miftuħa fuq diversi snin. Il-priġunieri dejjem ikunu nvoluti f’kwalunkwe pjan ta’ azzjoni dwarhom. Ninsab infurmat ukoll li mhux dejjem hu possibbli jew professjonalment indikat li jkun l-istess ħaddiem soċjali li jaħdem mal-priġunieri u l-familji tagħhom.

Football Malti — Ħlas lill-Pulizija

Question

Issa li ntemm l-istaġun tal-football Malti, jista' l-Ministru jgħid kemm f'somma totali għandhom jieħdu l-pulizija għal xogħol li għamlu waqt logħob tal-football fid-diversi stadiums f'Malta u Għawdex separatament? Meta sar l-aħħar ħlas?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li s-somma totali li għandhom jieħdu l-pulizija għal xogħol li għamlu waqt il-logħob tal-futbol fid-diversi stadia tammonta għal €40,162.11, (€36,335.87 huma dovuti ghall-loghobiet f'Malta u €3,826.24 f’Ghawdex). Infurmat ukoll li l-aħħar ammont li tħallas kien ikopri sa Frar ta’ l-2008 fil-każ ta’ Malta u sa Novembru ta' l-2007 fil-każ ta’ Għawdex.
Leg 11 PQ #1280 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Skema Spiżerija ta' l-Għażla Tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-iskeda tal-lokalitajiet li biha se titkompla l-iskema ta' l-ispiżerija ta' l-għażla tiegħek? Jista' jforni lista tal-lokalitajiet fejn diġa' bdiet titħaddem din l-iskema u meta huwa maħsub li tibda titħaddem lokalita' b'lokalita' f'dawk il-lokalitajiet l-oħra li għad baqa'? Jista' jispeċifika jekk hux il-mediċini kollha li bħalissa jitqassmu mill-ispiżeriji tal-gvern ser jibdew jitqassmu mill-ispiżeriji privati? Jista' jgħid jekk il-formoli tar-reġistrazzjoni hux suppost li jkunu coded speċifikament għal kull lokalita'? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li issa jew fil-futur qarib jibda' jintalab xi ħlas mingħand il-pazjenti? Kif u b'liema mod ser ikunu kkompensati l-ispiżjara talli jrendu dan is-servizz? X'ser jiġri mill-bereġ u mill-istaff tal-Gvern li jaħdmu hemm biss?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma l-Onor Membru li r-residenti fil-lokalitajiet li ser nsemmi u li huma ntitolati għall-mediċini b’xejn taħt l-Att tas-Sigurta' Soċjali qed jinqdew mis-settur privat għal ġbir tal-mediċini tagħhom: - Għarghur, Mġarr, Mellieħa, Naxxar, San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra, Mosta, Swieqi, Ta’Ġiorni, Paceville, Sant Andrew, Pembroke, Msida, Ta’Xbiex, Mtarfa, Dingli, Mdina, Baħrija, Rabat, Attard, San Ġiljan u San Ġwann. Bħal issa qed issir ir-reġistrazzjoni mal-ispiżerija tal-għażla tiegħek f’ dawn il-lokalitajiet – Gżira, Sliema, Siġġiewi, Qormi, Iklin, Luqa, Santa Luċija, Pieta, Balzan, B’Kara, Lija, Fleur De Lys, Floriana u Valletta. Ir-residenti ta' dawn il-lokalitajiet ser jibdew jinqdew mis-settur privat b’mod inkrimentali - Gżira mit-30 ta’ Ġunju, Pieta' mis-7 ta’ Lulju, Balzan, Lija u Fleur De Lys mill-14 ta’ Lulju, Iklin mill-21 ta’ Lulju, Floriana mit-28 ta’ Lulju, Sliema mill-4 ta’ Awissu, Siġġiewi mill-11 ta’ Awissu, Qormi mit-18 ta’ Awissu, B’Kara mill-1 ta’ Settembru u Valletta, Luqa u Santa Luċija mit-8 ta’ Settembru. Ir-reġistrazzjoni f’Senglea, Bormla, Birgu u l-Kalkara se tiftaħ fis-7 ta’ Lulju waqt li f’Safi, Kirkop, Zurrieq, Qrendi, Mqabba, Zabbar u M’Scala se tiftaħ fil-21 ta’ Lulju. Fil-Marsa, Żebbug, Ħamrun u Santa Venera ir-reġistrazzjoni se tiftaħ fid-29 ta’ Settembru waqt li f’ Paola, Tarxien, Fgura, Għaxaq, Gudja, M’Xlokk, B’Bugia u Żejtun ir-reġistrazzjoni se tiftah fl-10 ta’ Novembru. Fl-Lulju se jibdew taħdidiet mal-Ministeru ta’ Għawdex dwar id-dħul tal-iskema f’Għawdex. Wieħed mill-kunċetti ta' l-Iskema hi ta’ one stop shop u għalhekk qed jiġu amalgamati s-servizzi li kienu jingħataw miċ-ċentri tas-saħħa u minn Mater Dei. Minħabba raġunijiet tekniċi il-pazjenti li għandhom kolostomija, HIV jew qegħdin fuq mediċini ristretti ħafna fejn ikun meħtieġ testijiet tad-demm speċifiċi sabiex nassiguraw is-saħħa tal-pazjent, il-klijenti se jibqaw jinqdew mill-ispizerija ta’ Mater Dei. Fil-każ ta’ coeliac disease, il-prodotti li jiġu provduti lil pazjentii li jbatu minn din il-kundizzjoni ser jibqgħu jitqassmu miċ-ċentri tas-saħħa sakemm isiru arranġamenti oħra. Il-formoli tar-reġistrazzjoni qegħdin ikunu colour coded għal kull lokalita'. Ma hemm ebda ħsieb li jintalab ħlas minn għand il-pazjenti. Skond il-ftehim milħuq bejn il-Gvern, GRTU u l-Kamra tal-Ispiżjara, il-Gvern se jħallas 18.63 ewro [Lm8] fis-sena għal kull pazjent reġistrat. Dan il-ħlas jitla għal 27.95 ewro [Lm12] kull pazjent fuq medda ta’ ħames snin. Ninforma lill-Onor Interpellant li ghalissa m’hemmx il-ħsieb li jingħalqu l-bereġ. Staff mediku u infermiera ser jibqgħu jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.
Leg 11 PQ #1285 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Akkomodazzjoni Alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jiżgura li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata akkomodazzjoni alternattiva mill-aktar fis possibli, peress li l-applikazzjoni tagħha għal skema R ma ġietx aċċettata abbażi tal-fatt li l-fond mikri minnha huwa substandard? Jekk din l-individwu qed toqgħod f'fond substandard għax ma taffordjax li tikri b'post kerha aktar għolja (l-istess awtorita' qed tikkonferma dan il-fatt) kif jista' jkun li titħalla tistenna ħafna biex tingħata akkomodazzjoni alternattiva, speċjalment meta wieħed jikkonsidra l-fatt li din hija armla u trid trabbi żewġt itfal bi problemi f'saħħithom u problemi soċjali oħrajn?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.
Leg 11 PQ #1286 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Wied Garnaw/MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jiżgura li l-appell dwar it-twaqqif ta' impjant ta' riciklaġġ f'Wied Garnaw fil-limiti ta' Santa Lucia/Gudja/Għaxaq , jinqata' darba għal dejjem? Jista' jiżgura li l-partijiet kollha konċernati (il-Kunsilli Lokali ta' Santa Lucia, Tarxien, Gudja, Għaxaq, Grupp ta' Azzjoni Insalvaw Wied Garnaw, u lili nnifsi li nirrappreżenta l-firem ta' madwar 6000 firmatarju ta' ċittadini Maltin u Għawdxin, inkluż membri parlamentari oħrajn miż-żewġ naħat tal-Kamra) li esprimew ruħhom kontra tali żvilupp ikunu avżati individwalment meta l-bord ta' l-appell ikun se jitlaqqa' fuq din l-applikazzjoni? Il-Prim Ministru jista' qatt jaċċetta l-fatt li petizzjoni parlamentari li tiġbor dan l-ammont kollu ta' firem tiġi skartata mill-bord ta' l-appell tal-MEPA, speċjalment meta kulħadd jaf li l-Parlament huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiz? Jista' jaċċetta l-fatt li l-bord ta' l-appell tal-MEPA jġib ruħu bħallikieku huwa superjuri għal din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar huwa Tribunal Indipendenti mwaqqaf bil-liġi u għalhekk mhux kompetenza tal-Prim Ministru li jiddiskuti każi speċifiċi li jkunu pendenti quddiem dak il-Bord mal-membri tal-Bord ta’ l-Appell jew li b'xi mod jipprova jinfluwenza jew jindaħal fl-operat tal-Bord ta’ l-Appell. L-Onorevoli Interpellant irid iżomm quddiem għajnejh li dan il-Bord huwa tribunal, jiġifieri simili ħafna għal qorti. Il-proċedura quddiem il-Bord hija li terzi persuni jkunu jistgħu jressqu is-sottomissjonijiet tagħhom lill-Bord mhux direttament iżda permezz tal-MEPA. Għalhekk it-terzi persuni in kwistjoni għandhom jimxu ma' din il-proċedura li jaddotta l-Bord ta’ l-Appell f'każ li jridu jġibu xi fatti li jirrelataw mal-pjani ta' żvilupp u mal-policies ta' l-ippjanar għall-konjizzjoni tal-Bord. B'referenza għat-tieni parti ta’ l-interpellanza, il-proċedura tal-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar fejn jidħlu terzi persuni hija kif ġej:- 1. It-terza persuna (li mhix parti fil-proċeduri ta’ l-appell) tista' tattendi għas-seduti kollha tal-Bord peress illi dawn is-seduti kollha jinżammu fil-pubbliku u jiġu avżati fil-web site tal-MEPA. 2. Meta terza persuna tinforma lis-Segretarju tal-Bord li hija tixtieq tattendi għas-seduti tal-Bord, is-Segretarju tal-Bord jinformha bid-data u l-ħin tas-smiegħ ta' dak l-appell li dwaru dik it-terza persuna tkun uriet interess fih. 3. Peress illi l-Bord ta' l-Appell huwa tribunal kważi ġudizzjarju, huwa jsegwi l-proċeduri stabbiliti fl-artiklu 15 u fit-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, Kapitlu 356 tal-Liġijiet ta' Malta, li huma proċeduri simili għal dawk tal-qrati Maltin intiżi biex jagħtu smiegħ xieraq lill-partijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li s-Segretarju tal-Bord javża lit-terza persuna bid-data u bil-ħin tas-smiegħ ta’ l-ewwel seduta ta’ l-appell (ara artiklu 15(4) tal-Kap 356), imbagħad it-terza persuna tkun trid issegwi d-diferimenti li jingħataw mill-Bord. Din mhix xi proċedura ġdida; anzi hija l-proċedura li jaddottaw il-qrati Maltin. Dawn id-diferimenti jiġu ppublikati wkoll fil-web site tal-MEPA u b'hekk il-pubbliku jkun jista' jsegwihom minn hemm ukoll. Apparti minn hekk il-partijiet u l-pubbliku dejjem jistgħu jċemplu lis-Segretarju tal-Bord (kif jiġri ta' sikwit) biex jiċċekjaw id-dati u l-ħinijiet ta' smiegħ ta' dawk l-appelli li jkollhom interess fihom. Għalhekk, fiċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari, it-terzi persuni għandhom jikkomunikaw l-ilment taghhom dwar id-dewmien tal-proċeduri lir-rappreżentanti tal-MEPA li jidhru quddiem il-Bord biex dawn ikunu jistghu jindirizzaw dan l-ilment tagħhom skond il-proċedura stabbilità. Dwar il-petizzjoni li jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, il-Bord ta' l-Appell ma jistax jieħu konjizzjoni tagħha sakemm din ma tiġix esebita fl-atti tal-proċeduri pendenti quddiem l-istess Bord u dan skond il-prinċipju li ġie stabbilit f'sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell fl-ismijiet "Carmelo Zammit vs Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp", deċiża fl-10 ta' April 1995 (appell numru 1/94). F'dik is-sentenza l-Qorti ta’ l-Appell (Sede Superjuri) idderiġiet lill-Bord biex jieħu konjizzjoni biss fil-proċeduri quddiem ta' dawk l-atti li jkunu jifformaw parti mill-proċess. Mill-banda l-oħra ta' min iżid ukoll illi f'każ illi din il-petizzjoni intbagħtet lil MEPA qabel ma ġie rifjutat il-permess in kwistjoni u hija inserita fil-PA file relattiv, il-Bord ta' l-Appell, qabel ma jagħti d-deċiżjoni tiegħu, dejjem jara l-PA file relattiv u allura jekk il-petizzjoni tinsab f'dan il-file, il-Bord ikun jista' jieħu konjizzjoni tagħha.
Leg 11 PQ #1123 Sitting 23 2008-06-25 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Policy MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy tal-MEPA dwar applikazzjonijiet f'siti li fuqhom ikun diġa' hemm permessi validi jew applikazzjonijiet pendenti li fuqhom jerġgħu jsiru applikazzjonijiet minn periti li ma jkunux dawk li ssottomettew l-applikazzjonijiet oriġinali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policy tal-MEPA dwar l-applikazzjonijiet ġodda għal permess għall-iżvilupp, inklużi dawk li fuqhom diġà hemm permessi validi, hi li l-Perit jiffirma d-dikjarazzjoni fl-applikazzjoni li qed jieħu r-responsabbiltà għax-xogħol li dwaru tkun qed issir l-applikazzjoni. F'każ ta' applikazzjonijiet pendenti, il-perit il-ġdid jissottometti formola apposta għal meta jinbidel il-perit, fejn fiha jieħu r-responsabbiltà għax-xogħlijiet proposti, liema formola timtela wkoll mill-perit oriġinali fejn jiddikjara li jkun qed jeżonora ruħu mir-responsabbiltà għax-xogħol propost. F'każ ta' applikazzjoni ġdida fuq sit fejn diġà jkun hemm applikazzjoni pendenti minn perit ieħor, sakemm ma tiġix irtirata waħda mill-applikazzjonijiet, kull perit ikun qed jieħu, permezz tad-dikjarazzjoni fl-applikazzjoni, ir-responsabbiltà għax-xogħol li dwaru jkun qed japplika. Jista’ jkun il-każ fejn il-MEPA tirċievi talba għal minor amendment fuq permess li għadu validu. F'dan il-każ il-MEPA teżiġi lit-talba għal minor amendment issir mill-istess perit.

Facilitators

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' facilitators li hemm jaħdmu (f'total) fl-iskejjel primarji governattivi? Tista' tagħti din l-informazzjoni fuq bażi ta' belt/raħal f'kull waħda mill-ibliet/rħula tas-7, 11 u 12 -il distrett elettorali? Kemm hu f'kull waħda minn dawn l-iskejjel in-numru ta' tfal , maqsuma bejn bniet u subien li jibbenifikaw mis-servizz ta' facilitators ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #1125 Sitting 23 2008-06-25 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Self Employed

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li skond l-ETC huma rreġistrati bħala self-employed? Jista' jagħti tagħrif skond il-kategorija differenti ta' xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Jannar 2008 kien hemm 16,810 persuna reġistrata bħala self-empoyed mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.