Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet ġodda għall-bus shelters/bus stops fil-lokalitajiet tas-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali? Jekk iva fejn hemm dawn it-talbiet pendenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li b’kollox hemm 11-il talba għal bus shelters ġodda f’lokalitajiet li jaqgħu taħt is-seba’, il-ħdax u t-tnax-il distrett. Dawn it-talbiet huma:
· Imġarr 1
· Ħ’Attard 2
· Ħal Balzan 2
· Il-Mosta 2
· Il-Mellieħa 2
· Baħar iċ-Ċagħaq 1
· San Pawl il-Baħar 1
Jista' l-Ministru jagħti l-aċċertazzjoni tiegħu li l-Ministeru tiegħu qiegħed jaderixxi mad-delega ta' ċerti setghat dwar is-servizz pubbliku kif ordnat jagħmel fl-4 ta' April 2009 mill-Prim Ministru billi, fost oħrajn, jassigura li f'kull każ u mingħajr ebda eċċezzjoni uffiċjali pubbliċi rtirati li jiġu ri-ingaġġati fil-gradi tan-nursing skont l-istess delega jingħataw dawk ir-responsabbiltajiet u obbligi marbuta strettament ma' uffiċċju pubbliku mhux għola minn dak ta' staff nurse? Fejn jinsab allokat u x'xogħol qiegħed jagħmel l-ex ufficjal pubbliku li rtira aktar minn sena ilu mill-gradi tan-nursing li deher qiegħed iqassam il-mediċini f'paġna 3 ta' ktejjeb maħruġ mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Kommunità bl-isem 'Minn Qalbna... Għalik'? Huwa minnu dak li jingħad minn dan l-individwu fl-istess paġna, jiġifieri li x-xogħol li qiegħed jagħmel huwa dak ta' infermier? Fil-verità dan l-individwu qiegħed jagħmel xogħol ta' staff nurse skont ma tipprovdi d-delega bil-għan li jittaffa n-nuqqas akut ta' ħaddiema kwalifikati fil-qasam tan-nursing?
Response (CASSAR, JOSEPH)
B’risposta għal din il-Mistoqsija Parlamentari nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għar-Tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 33572.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna separata li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament, peress li kitbet ittra lill-ARMS Ltd biex issir revision tal-kont ta' żmien fejn kienu jgħixu ż-żewġ persuni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paul u tinsab taħt lista ta' priorità imma kif jidher f'ċertu dokumenti, hemm każ urġenti li tidħol f'home minħabba li qed taqa ħafna u tbati bid-dimentia?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata sabiex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule u b’hekk tpoġġiet fuq il-lista ta’ stennija.
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk fil-faċilitajiet tal-MCAST kellux jinbena hangar biex l-istudenti jagħmlu prattika fuq it-tiswija tal-ajruplani? Jekk il-Ministru tikkonferma, tista' tagħti r-raġuni għala dan il-hangar baqa’ ma sarx fil-faċilitajiet tal-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-MCAST kien oriġinarjament ippjana li jibni ‘hangar’ fil-Kampus Ewlieni tal-MCAST, f’Raħal Ġdid, biex fih iżomm ajruplan żgħir li l-MCAST juża għat-taħriġ tal-istudenti.
Madankollu, xi xhur ilu, l-Kulleġġ talab lil għadd ta’ MROs (Aviation Maintenance and Repair Organisations) biex jassistu lill-MCAST billi jipprovdu taħriġ fuq il-lant tax-xogħol lill-istudenti, biex dawn ikunu jistgħu jakkwistaw il-prattika u l-esperjenza meħtieġa. Ħafna MROs laqgħu t-talba tal-MCAST u saħansitra offrew li jagħtu dan it-taħriġ mingħajr ħlas. Xi drabi, l-akbar diffikulta’ li kienu jiltaqgħu magħha l-MROs kienet in-nuqqas ta’ ajruplan li fuqu l-istudenti jkunu awtorizzati jagħmlu taħriġ. Għalhekk, ġie deċiż li l-ajruplan żgħir tal-MCAST jinżamm fl-Ajruport ta’ Ħal Luqa, biex dawn id-diffikultajiet jissolvew waqt li jiġi żgurat li l-istudenti qed jieħdu l-aħjar taħriġ possibli.
Fid-dawl ta’ dan, l-MCAST ħass li l-bini ta’ dan il-‘hangar’ fil-Kampus tal-MCAST m’huwiex neċessarju f’dan il-mument hekk kif l-istudenti xorta waħda qed jirċievu taħriġ ta’ kwalita għolja fuq il-lant tax-xogħol.
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk studenti full-time tal-MCAST humiex jintbagħtu biex jattendu għal-lezzjonijiet għand kuntratturi jew kumpaniji privati li ġew subcontracted jew imqabbda mill-MCAST għal dan il-għan minflok li jattendu għal-lezzjonijiet fl-istituti rispettivi tagħhom u r-raġunijiet għala dan sar jew qed isir, kors b’kors, kemm ilu mwaqqaf l-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Numru ta’ studenti ‘full time’ tal-Kulleġġ jintbagħtu għal lezzjonijiet għand xi kumpaniji ta’ taħriġ privati li ġew ‘sub-contracted’ jew imqabbda mill-MCAST għal dan il-għan. L-ingaġġ ta’ dawn il-kumpaniji sar taħt wieħed mill-programmi tal-MCAST ko-finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew tal-UE, li kellu l-għan li jżid ir-riżorsi ta’ tagħlim meħtieġa biex jilqa’ għaż-żieda sostanzjali ta’ żgħażagħ Maltin li jagħżlu karriera fis-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). B’hekk l-MCAST ingħata r-riżorsi meħtieġa biex joffri taħriġ lil aktar studenti minn kemm kieku seta’ joffri mingħajr din l-għajnuna.
Il-korsijiet li fihom l-istudenti qed jattendu għal xi lezzjonijiet għand kumpaniji privati imqabbda mill-MCAST huma:
- Foundation Certificate in Computing,
- First Diploma in Computing,
- National Diploma in Computing (Software), u
- National Diploma in Computing (ICT Systems Support).
Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kumpaniji sussidjarji tal-MCAST u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tad-diretturi u/jew shareholders ta’ dawn il-kumpaniji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-MCAST għandu kumpanija waħda sussidjarja, l-MCAST Gateway to Industry Ltd. L-ismijiet tad-diretturi u shareholders ta’ din il-kumpanija huma dawn:
Diretturi
Maurice Grech
Emanuel Attard
Vince Maione
Helga Pizzuto
Shareholders
Malta College of Arts, Science and Technology
Maurice Grech
Is-Sur Clive Demicoli waqaf jokkupa il-kariga tiegħu ta’ direttur f’din il-kumpanija. Postu se jittieħed minn Dr Lorna Buttiġieġ.
Tista' l-Minisru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts ta’ dawn il-kumpanjij jew entitajiet sussidjarji tal-MCAST minn mindu twaqqfu sallum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar ir-rimunerazzjoni jew kull tip ta’ ħlas, kumpens, allowance, fringe benefits jew benefiċċju li għandhom iċ-chairman, diretturi u/jew dirigenti ta’ dawn il-kumpaniji jew etitajiet sussidjarji tal-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Iċ-chairman, diretturi u/jew diriġenti tal-kumpanija sussidjarja tal-MCAST, l-MCAST Gateway to Industry Ltd ma jirċievu l-ebda forma ta’ rimunerazzjoni jew ħlas, kumpens, allowance, fringe benefits jew benefiċċju mill-istess kumpanija għas-servizzi li huma jagħtu lill-istess kumpanija.
Dipartiment tas-Saħħa — tqassim ta' siringi għan-nies li jbatu bid-dijabete
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi mid-Dipartiment tas-Saħħa lill-persuni li jbatu bid-dijabete u kemm għall-użu ieħor matul l-ewwel erba' xhur tas-sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mill-ispiżerija tal-isptar Mater Dei tqassmu dawn il-kwantitajiet ta’ siringi fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena:
Syringi 10ml - 846
syringi 2ml - 918
syringi 20ml - 140
syringi 5 ml – 1741
syringi 50ml leurlock – 136
syringi 50ml catheter tip – 1760
syringi 0,5ml lill-pazjenti bid-dijabete -9072
syringi 1ml lill-pazjenti bid-dijabete - 1060
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi second hand matul l-ewwel erba' xhur tas-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-istatistika għal April 2012 tkun disponibbli wara l-5 ta’ Ġunju. Għaldaqstant, l-informazzjoni għall-ewwel erba’ xhur tas-sena mhux disponibbli.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34219 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33076, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-persuni li qed jingħataw is-servizz tal-home help fil-lokalitajiet kollha ta' Malta? Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti minn persuni li jixtiequ u li għandhom bżonn il-home help u għadhom ma nqdewx minn dan is-servizz importanti? Kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-preżent qed jibbenefikaw 2,713 households mis-Servizz ta’ Għajnuna fid-Djar f’Malta li jammontaw għal-3,662 benefiċċjarji.
Fil-preżent hemm 89 każ approvat li qed jistennew dan is-servizz.
Il-każ li ilu l-aktar jistenna li jingħata dan is-servizz imur lura għall-10 ta' Ġunju 2011. Dan huwa fil-lokalita’ tal-Qawra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33964, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hija koperativa li l-ħaddiema qed jilmentaw li mhux jitħallsu u kull meta l-ħaddiema jgħidu lil ta' fuqhom, jgħidulhom li għadu ma ħax il-fondi mingħand il-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija msemmija mhijiex koperattiva.
Fl-aħħar xhur kienu, u għadhom, għaddejjin diskussjonijiet bejn uffiċjali tal-Ministeru u uffiċjali ta’ din l-entita’. Dawn id-diskussjonijiet huma fuq issues ta’ konformita’ mar-rekwiżiti legali, u dan sabiex ikunu jistgħu jitħallsu fondi nazzjonali u mill-Unjoni Ewropea li jistgħu jgħinu lill-bdiewa. Irrid nenfasizza li dawn il-fondi m’humiex intiżi biex iservu ta’ ħlasijiet lill-ħaddiema.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kawżi fuq awtoritajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34468 u jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu imsemmi l-kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru kienu kif ġej:
Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi:
2007:
2
2008:
1
2011:
2
WasteServ Malta Limited
2010:2
2011:
1
Fis-snin mhux imsemmija ma kien hemm ebda kawża registrata
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — kawżi fuq awtoritajiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34471, jista' l-Ministru issa jgħid kemm kellu kawżi fil-Qrati fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kawżi fuq awtoritajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34470 u jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34615, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-pieni li ngħataw lil 46 persuna li nstabu ħatja ta' stupru fl-aħħar għaxar snin? B'referenza għall-71 każ ta' stupru, kif joħroġ mill-istess domanda parlamentari kull wieħed minn dawn il-każijiet kemm ilu hekk pendenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija numru 34352. Tagħrif dwar kemm ilhom pendenti il-każijiet li ma ġewx deċiżi huwa kif ġej: -
2002
2003
2004
2005
2006
2007
2008
2009
2010
2011
Total
1
nil
1
3
10
11
24
11
3
7
71
Taqsima ta' Kontra d-Droga — controlled deliveries
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru controlled deliveries tat-Taqsima ta' Kontra d-Droga fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar għaxar snin u f'kemm minn dawn il-każijiet waslu għal proċeduri kriminali fil-Qorti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-controlled delivery li ssir bis-saħħa tal-liġi u trid tkun awtorizzata mill-Avukat Ġenerali jew minn Maġistrat. Minħabba li din hija għodda importanti u sensittiva ħafna fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, ma nħossx li tagħrif dwar dawn l-operazzjonijiet ikun ippublikat.