Legislature:
Category:
Reset
Active:

proċess ta' reġistrazzjoni ta' annimali

Question

Jaħseb il-Ministru li l-proċedura ta' kif jiġu eżegwiti l-proċessi mis-servizz veterinarju vis-à-vis il-bhejjem mhux irreġistrati huwa tajjeb? Jista' l-Ministru jispjega dan il-proċess x'inhu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 38146, ninformah li d-Dipartiment jżur kull razzett reġistrat u jittestja il-bhejjem regolarment, kif ukoll li fuq kull rapport li jkun hemm issir ispezzjoni mill-Uffiċjali Veterinarji tad-Dipartiment. Jekk l-annimali huma regolari u għalhekk għandhom ear tag imma jkunu ġew imċaqalqin mingħajr permess, is-sid oriġinali u x-xerrej jeħlu multa amministrattiva ta’ Ewro 3,884. Jekk il-post m’għandux il-permessi neċessarja tal-iżvilupp iżda l-annimali huma regolari, kollha bl-ear tag, u reġistrati fuq dak il-post għaliex tkun saret reġistrazzjoni fil-passat, meta bdew dawn il-programmi regolatorji fl-1987, is-sid jingħata iċ-ċans jirregolarizza ruħhu mal-MEPA. Meta l-annimali ikunu bla ear tags f’post mhux reġistrat u għalhekk mhux parti mill-programmi regolatorji veterinarji, dawn l-annimali huma ikkunsidrati periklu għal kumplament tas-settur u jinqatlu u jiġu inċenerati.

Għawdex — annimali mhux reġistrati

Question

Jaħseb l-Ministru li l-proċedura ta' kif jiġu trattati l-bhejjem mhux irreġistrati u allura jinqatlu kif sar fil-każ tal-mogħoż ġewwa Għawdex dan l-aħħar għandu jinbidel jew jibqa' kif huwa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 38146, niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li din hi proċedura wkoll f’ pajjiżi oħra tal-UE. Biex tkun garantita l-katina tal-ikel il-liġi ma tiqafx biss fir-reġistrazzjoni u traċċabilità ta’ l-istess annimali iżda tmur oltre. Fid-dawl ta’ risku ta’ mard li ma jistax jiġi dijanjostikat waqt li l-annimal huwa ħaj kif spjegajt fl-istess Mistoqsija Parlamentari numru 38146, skont il-liġi d-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti għandu l-obbligu li jittestja kull n-nagħġa u mogħża ta’ aktar minn sena li tmut biex ikun aċċertat li m’hemmx preżenza ta’ mard u b’hekk tibqa’ tinżamm ukoll sorvelljanza fuq l-irziezet tan-nagħag kollha li huma skond il-ligi.

Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji — spiża biex jinqatlu l-mogħoż

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienet l-ispiża tad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji biex ittieħdu l-azzjonijiet li waslu biex numru ta' mogħoż fil-razzett f'Għawdex dawn l-aħħar jiem jinqatlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-pagi tan-nies ikkoncernati kienu parti mill-pagi normali tal-mansjonijiet tagħhom waqt ix-xogħol. L-unika spiża straordinarja li saret s’ issa kienet ta’ 1,455 Ewro għat-trasport ta’ parti mill-karkassi lejn l-inċeneratur fil-Marsa. L-ispejjeż oħra kienu parti minn sistemi u proċeduri li huma eżistenti fid-Dipartimenti għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti u Għal-Proġetti u Żvilupp f’Ghawdex. Ma hemmx valur kummerċjali tal-215-il nagħga li diga inqatlu u ta’ dawk li għad baqa biex jinqatlu peress li skont il-liġi dawn l-annimali ma jistgħux jiġu trasferiti, ma jistgħux jiġu ċertifikati u għalhekk ma ghandhom l-ebda possibilità li jidħlu fil-kummerċ. Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 38146, il-preżenza ta’ annimali llegali mhux taħt il-kontroll veterinarju kif preskrit mill-liġi Maltija u dik Ewropeja joħolqu danni kbar lis-settur minħabba li joħolqu inċertezzi kbar fis-sigurta tal-katina ta’ l-ikel

ilment dwar dħul ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li dieħel l-ilma mit-twieqi tal-appartament li tgħix fih?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar toffri skema ghal dan il-ghan. L-inkwilin huwa mheggeg javvicina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar sabiex japplika.

pensjoni fil-bank account

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibda tirċievi l-pensjoni mill-ewwel fil-bank account?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni li jirċievu l-Għajnuna Soċjali u/jew Pensjoni ta’ l-Eta’ mhux Kontributorja ma jitħallewx jagħmlu l-metodu ta ħlas tagħhom bħala ‘Direct Credit’.
Leg 11 PQ #38305 Sitting 528 2012-11-26 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — ingaġġ ta' nisa

Question

Fir-rigward tat-tul rikjest għall-ingaġġ ta' nisa fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar 5 snin, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien it-tul rikjest f'kull sejħa f'dan il-perjodu? Għaliex dan inbidel minn żmien għal żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi it-tul rikjest matul dawn l-aħħar ħames snin sabiex nisa setgħu japplikaw għall ingaġġ bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija kien kif ġej: 2008 - ma kienx hemm sejħiet għall-applikazzjonijiet 2009 - 1.65m 2010 - 1.65m 2011 - 1.70m 2012 - 1.70m Ta’ min jghid illi t-tul huwa element importanti kemm għad-dehra kif ukoll għan-natura tax-xogħol tal-Pulizija. Għaldaqstant inħass illi t-tul rikjest għall ingaġġ ta’ pulizija għandu jkun l-istess kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

DSS — talba ta' over payment

Question

Jista' l-Ministru jara li tintbagħat informazzjoni dettaljata lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan wara li din il-persuna ntalbet tħallas overpayment ta' aktar minn €3000 mid-DSS? Jista' jiġi spjegat lilha kif waslu għal dan l-ammont?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ser tiġi infurmata permezz ta’ ittra dwar ir-rifuzjoni ta ħlas żejjed li għandha.

żieda fil-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kera tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, splodiet minn €20.96 kull tliet xhur għal €213.04 kull tliet xhur?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jara r-risposta għal din il-mistoqsija f’mistoqsija parlamentari 38132 seduta numru 524.

Awtorità tad-Djar — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni mal-Awtorità tad-Djar li r-referenza tagħha qed tintbagħat separatament?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qed tistenna lill-persuna msemmija tlesti x-xogħlijiet u tibghat l-ircevuti fiskali, sabiex ikun jista’ jsir il-hlas, u dan kif kien gie maqbul fil-ftehim iffirmat bejn il-persuna msemmija u l-Awtorita’ tad-Djar fl-4 ta’ Gunju 2012.

Siġġiewi — Triq Wied Ħesri - traffic calming measures

Question

Peress li Triq Wied Ħesri fis-Siġġiewi hija traffikuża, jista' l-Ministru jordna li fil-kantunieri bejn triq u oħra jitpoġġew traffic calming measures minħabba li s-sewqan qawwi qed jikkostitwixxi periklu kontinwu għal ħafna tfal u anzjani li jgħixu fl-akwati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rreferejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

talba għal facilitator

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi facilitator lit-tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istatementing Moderating Panel għadu ma rcieva l-ebda applikazzjoni għan-nom tat-tifel.

tlaqqim kontra virus

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jitlaqqmu l-bniet kontra l-virus li jħassar is-cervix?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa hemm appell pendenti quddiem il-Kumitat tal-Appelli dwar it-tilqima għall-prevenzjoni tal-kanċer ċervikali fil-bniet. Qabel ma tingħata deċiżjoni ma jistax jitkompla l-proċess tax-xiri ta’ din it-tilqima.

tilqima kontra l-meningitis

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-batch il-ġdid tat-tilqima kontra l-meningitis, hux se jkun inkluż il-Meningococcal B strain f'prodott approvat dan l-aħħar - 4CMenB, peress li l-B strain hu l-aktar komuni u virulenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tilqima kontra l-meninġite li tinsab fil-formularju tal-Gvern tilqa’ kontra l-gruppi A, C, W135, u Y. Ma kien hemm l-ebda talba għad-dħul ta’ 4CMenB fil-formularju tal-Gvern. Importanti jingħad li l-vaċċin 4CMenB għadu fl-istadju ta’ provi kliniċi u għaldaqstant għadu ma ġiex illiċenzjat.

żgumbrament ta' post

Question

Peress li l-każ ta' żgumbrament ta' post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, irriżulta issa li ċerti sottomisjonjiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar min-naħa ta' terzi kienu infondati u anke foloz u peress li hemm appell a bażi ta' artikolu 77 ta' DPA jkun aħjar li l-proċess ta' żgumbrament jiġi sospiż sakemm jinqata' dan l-appell, jista' l-Ministru jordna li dan il-proċess jigi sospiż biex ikun evitat sakemm jiġi deċiż l-appell u jkun verifikati l-provi u fatti ġodda sollevati li jista' jirriversa deċiżjoni meħuda u għalhekk jirriżulta bla dubju każ ta' abuzz u danni għall-gvern u għal kull min ħa deżisjoni żbaljata?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

San Ġwann — childcare centre - reservior għall-ilma

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li wasluli li ċ-childcare centre li qed jibni l-gvern fi Vjal ir-Rihan San Ġwann PA/01187/12 qrib l-iskola primarja, m'għandux pjani u/jew pjanti għal reservoir kif titlob il-liġi?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sky Parks Luqa Airport

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38119 u 37910 u jgħid: a) kemm kien iż-żmien stipulat biex jitlesta dan il-proġett tal-Sky Parks Luqa Airport; b) ir-raġuni għaliex ma tlestiex fiż-żmien stipulat; ċ) kemm kienet l-istima jew l-kuntratt oriġinali; d) kemm sewa dan il-proġett; u e) għal liema raġuni mhuwiex qiegħed jintuża mill-Vodafone?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — pendenzi fil-pagamenti għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38093 u jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ammont globali ta’ pagamenti pendenti għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment huwa ta’ € 5,615,916. Filwaqt li ninformah ukoll li 65% minn din il-fiġura għadhom fit-termini taż-żmien ta’ kreditu, fuq dawk fejn dan skada għad hemm verifiki xi jsiru u biex intlahaq qbil mal-fornitur fuq dettalji tal-kont.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — pendenzi fil-pagamenti għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38089 u jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — pendenzi tal-pagamenti għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38090 u jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.