Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #1495 Sitting 26 2008-06-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ġonna — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min hu responsabbli mill-manutenzjoni tal-ġnien a) Kottonera u b) Sta Margerita? Jista' jara li jinqata' l-ammont kbir ta' ħaxix ħażin li hemm, u jinbidlu l-bozoz maqtugħin li hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġnien Kottonera Ninsab infurmat li r-responsabbiltà tal-manutenzjoni ta' dan il-Ġnien fil-preżent hija tal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. F'dan ir-rigward l-uffiċjal inkarigat ser jiġi mitlub li jispezjona s-sit ħalli jara x'hemm bżonn isir biex isir ix-xogħol li hemm bżonn. Ġnien Santa Margerita Ninsab infurmat ukoll li l-manutenzjoni tal-Ġnien Santa Margerita taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Il-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali għaddej b’ħidma sabiex id-dwal ta’ dan il-Ġnien jinxtegħlu.

Surcharge

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' surcharge fuq il-konsum ta' l-elettriku miġbur mill-EneMalta matul is-sena 2007? Kemm kien is-surcharge fuq il-konsum ta' l-ilma miġbur mill-WSC għall-istess perijodu? Dan is-surcharge hu inkluż fid-dħul ordinarju tal-korporazzjonijiet rispettivi għas-sena 2007?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Income tax — Tnaqqis fir-rata

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-Gvern iwettaq il-wegħda elettorali tiegħu u jbaxxi r-rata ta' l-income tax fid-dawl li wara l-elezzjoni ntqal mill-Prim Ministru li waħda mill-ewwel wegħdi li se jwettaq il-Gvern kellha tkun it-tnaqqis fir-rata ta' l-income tax?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tnaqqis fir-rata ta’ l-income tax beda fl-2007 u żdied bis-sħiħ fl-2008. Dan jirrikonoxxieh kull min iħallas it-taxxa, jew kien iħallas it-taxxa u ma baqax. B’atteġġjament matur u responsabbilta’ politika, l-Gvern, bħal ma jagħmel qabel kull Budget, fil-qafas ta’ diskussjonijiet waqt il-preparazzjoni tal-Budget u dawk fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Socjali, ser ikun qed jevalwa kif ir-riforma fl-income tax, mibdija fl-2007 u qed titkompla din is-sena, tkompli titwettaq fl-isfond tal-wegħda elettorali, u fl-isfond tar-realtajiet ekonomiċi internazzjonali biex jiġi żgurat is-sostenibbilita’ tal-miżuri meħuda.

Vetturi Ġodda — Dħul mill-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-VAT minn fuq il-karozzi/vetturi mportati ġodda matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għall-aħħar 5 snin, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux l-informazzjoni mitluba fis-sistema tiegħu, għaliex il-figuri ta’ VAT rappurtati minn aġenti li jbieġħu l-vetturi jinkludu wkoll ammonti oħra ta’ VAT miġbura fuq provvisti ta’ servizzi u prodotti oħrajn bħal spare parts, żejt, servizzi etc., li huma rraportati flimkien f’kaxxa waħda.

Karozzi second hand — Dħul mill-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-VAT minn fuq il-karozzi/vetturi mportati second hand matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għall-aħħar 5 snin, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux l-informazzjoni mitluba fis-sistema tiegħu, għaliex il-figuri ta’ VAT rappurtati minn aġenti li jbiegħu l-vetturi jinkludu wkoll ammonti oħra ta’ VAT miġbura fuq provvisti ta’ servizzi u prodotti oħrajn bħal spare parts, żejt, servizzi etc., li huma rraportati flimkien f’kaxxa waħda.

Refund Payment Programm

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kienx hemm xi refunds dovuti lejn l-aħħar tas-sena skond it-3 Year Refund Payment Programm li tħallsu qabel iż-żmien ? Jekk iva, kemm kienu u kemm ibbenifikaw tax payers minn dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond ittra li ntbagħtet lit-taxpayers f’Settembru 2007 jew fix-xhur ta’ wara dwar ir-Refund Payment Programme ma kien hemm l-ebda xahar speċifiku dwar meta se jitħallsu r-refunds skond l-imsemmi programm iżda kien intqalilhom biss li l-ewwel pagament kellu jsir sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007, u jekk ikun il-każ, it-tieni pagament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008 u t-tielet pagament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009. Ghalhekk ma kienx hemm refunds li tħallsu qabel iż-żmien skedat peress li d-diskrezzjoni dwar meta jsir il-ħlas inżammet mid-dipartiment u bl-ebda mod ma ntrabat li dawn isiru fil-bidu, fin-nofs jew fl-aħħar tas-sena. Id-dipartiment intrabat biss li jħallas imgħax ta’ 1 fil-mija fix-xahar jekk il-ħlas isir wara ż-żmien indikat fl-ittra għalkemm ma kienx obbligat bil-liġi li jagħmel dan.

Impatt tal-prezz għoli taċ-ċereali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju dwar l-impatt tal-prezz għoli taċ-ċereali fuq l-industrija tal-laħam f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat u cioe l-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.

Impatt tal-prezz għoli taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju dwar l-impatt fuq l-industrija lokali minħabba l-għoli fil-prezz taż-żejt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern huwa konxju li l-għoli fil-prezz taż-żejt fis-swieq internazzjonali jkollu effetti negattivi fuq ċertu setturi tal-ekonomija Maltija u għalhekk qiegħed isegwi mill-qrib l-iżviluppi f’dan il-qasam. Il-Gvern qiegħed jieħu miżuri sabiex itaffi kemm jista’ jkun dawn l-effetti permezz ta’ arranġamenti ta’ forward buying fix-xiri taż-żejt.

Prezz taż-żejt u ċ-ċereali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studji dwar l-impatt fuq il-familji Maltin u Għawdxin minħabba l-għoli fil-prezz taż-żejt u ċ-ċereali, speċjalment dawk il-familji li għandhom dħul ta' inqas minn €12,000 fis-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żidiet fil-prezzijiet għall-prodotti taż-żejt u taċ-ċereali qegħdin jirriżultaw f’inflazzjoni li qiegħda tolqot lil kull pajjiż inkluż lilna. Il-Gvern ilu jsegwi dawn l-iżviluppi. B’riżultat t’hekk, fl-aħħar budget il-Gvern ħa diversi deċiżjonijiet sabiex itejjeb il-qagħda finanzjarja tal-familji tagħna u jtaffi l-impatt ta’ dawn iż-żidiet. Il-Gvern ilu jħares mill-qrib lejn is-sitwazzjoni kif qiegħda tiżviluppa u l-impatti li din jista’ jkollha fuq il-familji tagħna u se jibqa’ jagħmel dan b’mod regolari.

Budget allokat għat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-budget allokat għat-toroq ġodda u għal irranġar ta' toroq għas-sena 2008 ġew komessi? Kemm tħallsu u x'baqa' x'jitħallas? Kemm hemm penalitajiet għal xogħol li sar ħażin jew tard?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Infiq mill-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali li l-Gvern nefaq fil-livelli kollha ta' l-Edukazzjoni mis-sena 2000 sa l-2007 sena, b'sena? Kemm minn dan l-ammont kien dovut għal pagi, kotba, manutenzjoni, ikel u trasport għal IT sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija tinsab ippubblikata kemm fir-Rapport Finanzjarju tal-Gvern kif ukoll fl-Estimi Finanzjarji li l-Gvern jippreżenta kull sena. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-nefqa kollha tal-Gvern fil-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni għas-snin indikati.

Sena skolastika

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena skolastika kemm fiha ġranet meta teskludi vaganzi, parents days, ħdud u festi, teacher enhancement days u vaganzi tas-sajf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-sena skolastika 2008 – 2009 mingħajr il-vaganzi, parents’ day, ħdud u festi u vaganzi tas-sajf, ser ikun fiha 178 ġurnata. Minn dawn iridu jitnaqqsu tliet (3) nofs ta’ nhari development sessions għall-għalliema.

Ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ssejħet l-ambulanza mill-emerġenza ta' l-isptar u mill-bereġ matul Jannar u Diċembru 2007? Kemm-il darba din is-sejħa kienet fażulla? Kemm tiġi tiswa kull darba li tissejjaħ ambulanza? Kemm hija kbira l-flotta ta' ambulanzi li għandna fil-preżent għas-servizz pubbliku? Dan is-servizz se jibqa' b'xejn jew le?

Response (DALLI, JOHN)

Informazzjoni dwar sejħiet għall-ambulanza mill-emerġenza ta’ l-isptar bejn Jannar u Dicembru 2007 hija miġbura fit-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat li ma jingħata l-ebda servizz ta’ ambulanza mill-bereġ. L-ispiża għas-servizz ta’ l-ambulanza hija determinata minn diversi fatturi u għaldaqstant tvarja. Fost dawn il-fatturi hemm: jekk l-ambulanza tkunx ħarġet bix-xufier biss jew akkumpanjata wkoll minn nurse jew nurse u tabib, il-mudell ta’ ambulanza, tip ta’ fuel li tieħu l-vettura, eċċ. Informat ukoll li l-flotta ta’ ambulanzi fil-preżent għas-servizz pubbliku huwa ta’ 16, li minnhom 7 huma stazzjonati fl-iSptar Mater Dei għall-użu ta’ emerġenza. Ma hemm l-ebda ħsieb li dan is-servizz isir bil-ħlas.

Taħriġ għall-ħaddiema fil-homes ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istaff li jaħdem ma' l-anzjani fil-homes privati huwiex imħarreġ biex jagħmel dan jew le? Jista' jgħid x'tip ta' taħriġ jieħu u jekk isirux korsijiet ħalli dawn il-ħaddiema jkomplu jitħarrġu matul il-karriera tagħhom? Jista' jgħid min jorganizza dawn il-korsijiet u jekk huwiex obbligatorju li dawn il-ħaddiema jattendu għalihom?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li n-numru ta' djar jagħmlu 'in service courses' fuq inizjattivi tagħhom stess. Biss l-ETC jorganizza courses speċifiċi għall-istaff tal-homes kollha, kif ukoll għal min qed jirreġistra għal xogħol ta' carer fuq bażi regolari. Minn żmien għal żmien l-MCAST ukoll torganizza korsijiet simili. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jagħti impjegati ta' dawn il-homes. Dawn il-courses kollha m'humiex obbligatorji. Informat ukoll li dawk kollha li jaħdmu fl-ippreparar jew tqassim ta' l-ikel huma obbligati, skond l-Avviż Legali 178/2001, li jagħmlu kors fl-iġene ta' l-ikel. Dawn it-tip ta' korsijiet jingħataw kemm mill-ETC, kif ukoll minn nies privati jew voluntiera.

Homes ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jagħti nformazzjoni ta' kemm hawn homes ta' l-anzjani u fejn jinstabu? Kemm hemm anzjani f'kull home? Kemm hawn applikazzjonijiet għal homes ġodda? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dawn il-homes u xi gradi qegħdin?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 36 djar ta' l-anzjani u dawn jinkludu 8 tal-Gvern. Ser inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pazjenti li waqgħu mill-għoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu pazjenti l-emerġenza wara li waqgħu mill-għoli matul is-sena 2007? Kemm minn dawn kellhom bżonn operazzjoni minħabba ksur fl-għadam? Kemm minn dawn saritilhom operazzjoni f'dik il-ġurnata stess? Kemm minn dawn tħallew jistennew għal aktar minn ġurnata sabiex ġew operati? Kemm tħallew jistennew dawk li ma ġewx operati mill-ewwel?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Moħqrija u Abbandun ta' Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi liġi li timmulta lil dawk li jabbandunaw l-annimali jew rettili? Min jaħqar lill-annimali jista' jitressaq b'moħqrija ta' l-istess annimali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skond l-artiklu Dwar it-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali u b'mod partikolari l-artikolu 8 (2) ta' l-istess Liġi, ebda annimal ma għandu jiġi mġiegħel isofri uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn, u l-ebda annimal ma jista’ jiġi abbandunat. Tali aġir hu punibbli b’multa ta’ mhux anqas minn €232.94 u mhux aktar minn €46,587.47 jew priġunerija ta’ mhux iżjed minn sena, jew il-multa u priġunerija flimkien.
Leg 11 PQ #1240 Sitting 25 2008-06-30 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Plot tal-gvern — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' koppja li għandhom plot tal-Gvern li ilu mibni mill-1982 li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u issa se jifdu ċ-ċens u jixtiequ li jsir il-kuntratt fuq l-art? Peress li hemm ħafna plots li għamlu l-kuntratt, jista' jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar dan il-kuntratt?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar għad m’għandiex titolu legali fuq l-art indikata biex tkun tista’ tiffinalizza l-kuntratt.