Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 404 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilu u ċioe': Billi l-Awtorita' Marittima hi l-awtorita' regolatorja tal-Gozo Channel, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-istess awtorita' tatx xi direttivi li ma jistgħux jitgħabbew iktar minn 25 passiġġier meta jkun hemm xi trakkijiet fuq l-istess vapuri?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-limitu ta’ ġarr ta’ 25 passiġġier japplika meta abbord il-vapur ikun hemm xi merkanzija perikoluża. Dan jirriżulta mis-survey u ċertifikazzjoni tal-bastiment skond ir-regoli applikabbli u mhux minn xi direttiva partikolari maħruġa mill-Awtorita’ Marittima. Din hija in-norma fl-industrija marittima.
Ta’ min jinnota li wara applikazzjoni mill-kumpanija ‘Gozo Channel’, l-Awtorita’ Marittima wara li fliet iċ-ċirkustanzi kollha fis-16 ta’ Mejju 2008 tat permess biex in-numru ta’passiġġieri f’dan il-każ jitla min 25 għal 50.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 947 u jispjega:
(a) Min hu s-sid ta' l-art privata li fuqha nbniet il-Lukanda Jerma Palace?
(b) Jekk l-awtur tas-sid ta' l-art privata li fuqha nbniet il-Lukanda Jerma Palace kien il-gvern ta' Malta u b'liema titolu dan is-sid akkwta l-art de quo?
(c) Jekk kienx hemm kondizzjonijiet fil-kuntratt tat-trasferiment li bih is-sid ta' l-art privata li fuqha eventwalment inbniet il-Lukanda Jerma Palace akkwista l-art de quo, u jekk iva, x'kienu?
(d) Dwar l-art esproprijata li fuqha nbniet parti mil-lukanda u li għadha tal-Gvern, xi proċeduri se jintużaw biex isir l-eventwali trasferiment?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 947.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm-il persuna, xahar b’xahar, fl-ewwel ħames xhur ta’din is-sena talbu l-għajnuna taċ-Ċentru tad-Detox minħabba dipendenza fuq id-droga? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu barranin u ta’ liema nazzjonalita’ huma? Kemm kien hemm persuni li kienu għadhom m'għalqux it-18-il sena li talbu l-għajnuna?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u April ta’ din is-sena kien hemm sitt persuni taħt it-18-il sena li rċevew għajnuna miċ-Ċentru Detox.
Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub, minbarra dak għax-xahar ta’ Mejju li għadu qed jinġabar, hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’għajuna tingħata mill-Gvern lill-għaqdiet volontarji li jieħdu ħsieb dawk li jridu jagħmlu programm biex ifiequ mid-droga? Liema huma dawn l-għaqdiet u x’għajnuna tingħata lil kull waħda?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-Kumitat għall-Għażla ta' Proġetti mill-Għaqdiet Volontarji fil-Ministeru għall-Politika Soċjali joħroġ sejħa annwali sabiex għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam soċjali jissottomettu proġetti li għalihom jingħataw għotjiet mill-gvern. Min-naħa tiegħu dan il-kumitat jevalwa l-proġetti li jkunu tressqu u jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Ministru għall-Politika Soċjali.
L-għaqdiet li jieħdu ħsieb dawk li jridu jagħmlu programm biex ifiequ mid-droga u li matul l-2008 se jkunu bbenefikaw mill-għotjiet li jingħataw mill-Ministeru għall-Politika Soċjali (Vot Rikorrenti 22, Item 5070), huma dawn li ġejjin:
Caritas (New Hope): EUR 349,406
Caritas (Shelter): EUR 69,887
OASI: EUR 139,762
Segretarjat Privat tal-Ministeru — Prinċipali tal-Kulleġġi
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 733, filwaqt li nifhem u naqbel li għandu jkun hemm sinerġija sħiħa għall-ġid ta' kulħadd, tista' l-Ministru tagħti tweġiba għall-mistoqsija oriġinali dwar jekk il-Prinċipali tal-Kulleggi għandhomx jieħdu ordnijiet mingħand impjegati fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mhix prassi li mpjegati fis-Segretarjat Privat jagħtu ordnijiet lill-Prinċipali tal-Kulleġġi u ma jirriżultax li ingħataw ordnijiet lill-Prinċipali tal-Kulleġġi minn membri tas-Segretarjat Privat tal -Ministeru.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 730,tista' l-Ministru tgħid meta huwa maħsub li jiġi ppubblikat ir-riżultat? F'hiex wasal il-proċess dwar l-għażla ta' l-Uffiċjali Edukattiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-pubblikazzjoni tar-riżultat huwa f’idejn il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 731, tista' l-Ministru tara li l-prassi u/jew is-sistema li qed tiġi addottata f'ċertu skejjel titwaqqaf u ma jibqgħux jesiġu li ċerti affarijiet jixtruhom bilfors mingħand ċertu ħwienet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-politika dwar l-uniformijiet hija li toħroġ tender pubblika b’mod uffiċjali u min jirbaħ it-tender ikun hu li jissuplixxi.
Dwar affarijiet oħra meħtieġa għall-iskola, m’inix infurmata li hawn xi skejjel li jiddettaw mingħand min jinxtraw.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 732, tista' l-Ministru twieġeb l-aħħar mistoqsija u cioe' jekk il-policy addottata hijiex konformi ma' dik li qed tiġi addottata mill-bqija tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-prattika tal-Gvern hija li tinvestiga rapporti anonimi meta dan ikun prudenti u neċessarju. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jsegwi l-istess prassi.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex id-dawl tat-triq bejn Ta' Ħemsija u r-roundabout Rabat/Attard/Żebbuġ li ilu maqtugħ diversi ġimgħat jiġi rranġat għaliex bil-lejl qed ikun ta' periklu kbir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1229 u ċioe': Peress li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma żammitx mal-ftehim ta' ħlas bin-nifs tal-kont ta' l-ilma u d-dawl u issa ġiet imwissija li se jaqtgħulha s-servizz, jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex tingħata ċans ieħor u tibda tħallas regolarment u ma jaqtgħulhiex is-servizz għax qed issibha diffiċli tlaħħaq ma' l-ispejjeż tal-ħajja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onorevoli Interpellant ingħatat l-opportunita fit-18 ta’ Ġunju biex tagħmel ftehim ieħor biex tkun tista tibda tħallas għas-servizzi tad-dawl u ilma. Dan il-ftehim intlaħaq u huwa iffirmat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1230 u jgħid b'liema mod konkret qed jaħseb il-Gvern li jgħin lis-sajjieda lokali li ġew milquta ħażin ħafna miż-żieda qawwija fil-prezz tal-fuel?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor. Membru li bħalissa għaddejin diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni kemm mar-rappreżentanti tas-sajjieda kif ukoll ma entitajiet oħra governattivi konċernati. Irid jingħad ukoll li l-problemi kkawżati miż-żieda qawwija fil-prezz tal-fuel kienu diskussi l-ġimgħa l-oħra mill-Kunsill tal-Ministri ġewwa l-Lussemburgu.
Fl-istess waqt l-Unjoni Ewropea ppubblikat dokument ta' informazzjoni dwar miżuri li jistgħu jkunu mplimentati mill-Istati Membri sabiex itaffu l-piżijiet li l-għoli tal-
fuel
ħoloq lis-settur tas-sajd. Il-Ministeru qed jistudja kif dawn il-miżuri jiġu mplimentati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1232 u jgħid x'servizz ta' trasport pubbliku għandhom bħalissa r-residenti ta' Pembroke u minn liema rotta jgħaddu, għax qed jasluli ilmenti minn ċerti naħat li m'humiex moqdija adegwatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-residenti ta’ Pembroke huma moqdija bis-servizzi tar-Rotta 66 li f’ ċertu ħinijiet tal-ġurnata tinħadem bin-numru tar-Rotta 671.
Infurmat ukoll li r-Rotta 66 li taħdem fuq bażi ċirkulari titlaq mill-Belt u tgħaddi rotta normali lejn tas-Sliema, tasal fi Triq St. Andrews imbagħad titla’ għall-Pembroke billi tgħaddi minn Triq Normandy, Triq Almein, Triq Anzac, Triq Madre de Brincat, Triq Gabriele Henin, Triq il-Mediterran u terġa’ toħroġ lejn Paceville, tas-Sliema u tkompli bir-rotta normali lejn il-Belt Valletta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1096 u jgħid kemm huma l-multi li s'issa kellha tħallas Malta lill-Unjoni Ewropea? U kemm l-warning għandha u kemm-il każ hemm pendenti quddiem il-Qorti Ewropea? Jista' jagħti d-dettalji tal-każijiet?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1098 u jgħid kemm huwa l-ammont totali ta' kontribuzzjonijiet li Malta sal-lum tat lill-Unjoni Ewropea? Kemm minn din il-kontribuzzjoni hija mill-customs u kemm mill-VAT?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1000 u jagħti time frame ta' meta sejjer jibda x-xogħol fuq Triq l-Ortolan, il-Mosta, liema triq tinstab fi stat ħażin ħafna u qed tikkawża ħafna ħsarat fil-vetturi tar-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirrefri l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1001 u jagħti time frame meta sejjer jibda x-xogħol ta' asfalt fi Triq Ta' Mlit, fil-Mosta li tinstab wara l-ground tal-football, liema triq tinstab fi stat ħażin ħafna u qed tikkawża ħsarat fil-vetturi tar-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati nies permezz ta' l-sms għax kellhom il-vettura tagħhom iddaħħan bejn Jannar u Diċembru 2007? Kemm min dawk li kienu rrappurtati fil-fatt kellhom il-vettura veru qed iddaħħan u kemm kienu rapporti foloz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx waiting list għal persuni li jixtiequ jattendu l-kors ta' riabilitazzjoni mid-droga? Il-gvern għandu ħsieb li jiftaħ aktar ċentri minn dawn?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija Sedqa għandha seba’ talbiet pendenti minn persuni li jixtiequ jattendu kors residenzjali ta’ riabilitazzjoni mid-droga. F’dan l-istadju m’hemmx ħsieb li l-Aġenzija tiftaħ ċentri oħra għal dan l-iskop.
Ta’ min jgħid li l-Aġenzija tipprovdi programmi oħra ta’ riabilitazzjoni li mhumiex residenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux studji fejn juri kemm hija kbira l-popolazzjoni li hija dipendenti mid-droga f'Malta llum? Liema tip ta' droga hija l-aktar użata minn din il-popolazzjoni? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern f'dan ir-rigward?
Response (DALLI, JOHN)
Dwar l-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Rapport Nazzjonali dwar il-Qagħda tad-Droga f’Malta, ippubblikat fl-2006 mill-Punt Fokali Nazzjonali fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, Alkoħol u Dipendenzi Oħra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument dwar il-Politika Nazzjonali dwar id-Droga, li ġie ppubblikat f’Jannar ta’ din is-sena, wara li kien inħareġ abbozz għal konsultazzjoni pubblika fl-Lulju 2007.