Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — Kunsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iridu jdumu jistennew pazjenti biex isirilhom appuntament ma' kull konsulent li qed jaħdem fl-Isptar Mater Dei? X'inhi l-ispeċjalita' ta' kull konsulent inkwestjoni?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Swali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm swali ta' l-operazzjonijiet fl-iSptar Mater Dei? Kemm minn dawn qed jintużaw? Għaliex mhux qed jintużaw kollha?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li fl-iSptar Mater Dei hemm 25 sala ta’ l-operazzjonijiet u sala oħra li tuntuża għal-Labour Ward. Bħalissa qed jintużaw bejn 13 u 15 il-sala kuljum. Il-Labour Ward Theatre jintuża kuljum skond il-bżonn. Ta’ min ifakkar li l-għan primarju wara l-migrazzjoni ta’ l-isptar kien li nimxu għal-sevizz aħjar u mhux għal tkabbir. Iżjed swali ta’ l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jinfetħu malli jkun hemm il- personnel neċessarju bħal nurses, support staff u impjegati fi gradi oħra.
Leg 11 PQ #1601 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Hal Luqa — Bus Shelter

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1304 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jassigura li fl-iqsar żmien possibli t-talba għall-bus shelter f'Ħal Luqa fit-tarf tar-raħal inti u dieħel min-naħa ta' l-ajruport tiġi milqugħa u esegwita? Ir-residenti ilhom xhur jistennew tali bus shelter u bħalissa s-sħana u l-qilla tax-xemx toħloq inkonvinjent kbir għal min ikun qed jistenna s-servizz ta' trasport pubbliku.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kunsill Lokali Luqa ilu konxju ta’ din il-problema u ilu jipprova jagħmel arranġamenti mal-kuntrattur li għandu ir-responsabbiltà li jagħmel dawn il-bus shelters imma jidher li kien hemm xi diffikultajiet biex dan isir. Il-Kunsill qiegħed anke f’taħditiet ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (li kienet għamlet kuntratt għal bus shelters għan nom tal-Kunsilli Lokali kollha) kif ukoll ma’ l-Awtorità dwar it-Trasport biex din il-problema tissolva mill-aktar fis possibbli.

Bejgħ ta' alkoħol lit-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni ibiegħu alkoħol lit-tfal?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li s'issa, din is-sena, kien hemm żewġ persuni li nqabdu jbiegħu alkoħol lil persuni taħt is-16 il-sena.
Leg 11 PQ #1608 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Time-in-Lieu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx xi ftehim mas-suldati tal-Forzi Armati Maltin li jibdew jitħallsu għax-xogħol li jaħdmu flok jieħdu time-in-lieu? Jekk hu hekk,meta se jibdew jitħallsu s-suldati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol f’dak li għandu x’jaqsam mas-salarji tas-suldati daħlu fis-seħħ b’effett mill-ewwel ta’ Jannar 2008. Fost oħrajn dawn il-kundizzjonijiet jikkonsistu fi skali ġodda, on call duty allowances, ħlas bir-rata ta’ siegħa/siegħa u nofs għal xogħol li jsir fi btajjel pubbliċi u allowances ġodda oħra għal xogħol speċjalizzat. Dawn kollha ġew miżjuda mal-kundizzjonijiet li kienu jgawdu minnhom is-suldati qabel daħlu fis-seħħ dawn l-istess kundizzjonijiet. Il-kundizzjonijiet il-ġodda ma jinkludux ħlas flok time off – in lieu.

MTV Concert — Tfal jixorbu l-alkoħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal jixorbu l-alkoħol gol-MTV Concert din is-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li kien hemm żgħażagħ taħt l-eta' li nqabdu mill-Pulizija jixorbu l-alkoħol waqt il-kunċert imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Leg 11 PQ #1636 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xogħol ta' Kostruzzjoni- Storbju

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1353, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jistgħux jinbidlu r-regolamenti biex xogħol ta' kostruzzjoni qalb ir-residenti u t-turisti jibda wara s-7.00a.m. biex ma jkunx hemm inkonvenjent ta' storbju li qed iħalli lmenti serji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant ser jittieħed in konsiderazzjoni fit-tfassil ta’ emendi li jistgħu jsiru ’il quddiem fir-regolamenti rigward xogħol ta’ kostruzzjoni qalb ir-residenti.
Leg 11 PQ #1637 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti f'Pembroke

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 1331, meta hu ppjanat li jkun konkluż il-proċess imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1639 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li rebħu l-każ tagħhom quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji u baqgħu ma ngħatawx ir-rimedju deċiż favur tagħhom? Jista' jagħti wkoll il-lista ta' dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1639, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm tlettax-il rakkomandazzjoni favorevoli tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji li għadhom ma ġewx implimentati. Ir-raġunijiet prinċipali għal dan jinkludu: 1. Numru ta’ rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal qed jiġu kkontestati quddiem il-Qorti, in vista li kumpaniji li llum m’għadhomx tal-Gvern u oħrajn naqsu milli jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal; 2. F’ċerti każi, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ma qablitx mar-rakkomandazzjonijiet mogħtija mit-Tribunal. Ma narax li huwa floku li npoġġi lista ta’ l-ismijiet fuq il-Mejda tal-Kamra iżda m’għandhiex diffikultà li nagħti din l-informazzjoni lill-Onorevoli Interpellant b’mod privat jekk jixtieqha.

Post tax-xogħol — Diżugwaljanza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1350 u jgħid x'tagħrif għandu l-gvern dwar diżugwaljanza li għadha teżisti fuq il-post tax-xogħol għan-nisa f'dak li għandu x'jaqsam ma' livell ta' dħul u kundizzjonijiet oħra ta' xogħol? X'differenza hemm fis-salarji bejn irġiel u nisa għall-istess xogħol u fl-istess grad?

Response (DALLI, JOHN)

Fis-settur pubbliku, is-salarji huma bażati fuq sistema ta’ skali u gradi u għalhekk kull impjegat fl-istess grad u skala jirċievi l-istess salarju irrispettivament jekk hux mara jew raġel. Għal dak li jirrigwarda s-settur privat, ninsab infurmat li t-tagħrif dwar il- gender pay gap joħrog mill- Labour Force Surveys ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.

Pażjenti — Viżti fid-djar u Trasport

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1058 u cioe': B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 785, jista' jgħid kemm saru visti fid-dajr mid-diversi terapisti skond it-tliet kriterji msemmija matul Mejju 2008? Matul Mejju 2008, kemm kien hemm talbiet għal trasport minn pażjenti li ġew eżaminati minn: i) Dieticians ii) Occupational Therapists iii) Physcotherapists iv) Optometrists v) Speech Therapists vi) Chiropodists fiċ-ċentri tas-saħħa u fl-isptarijiet tal-gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li matul Mejju 2008 saru 147 visti fid-djar ta’ pazjenti mid-diversi terapisti li jaħdmu fis-servizzi kollha tas-saħħa. Matul l-istess perjodu kien hemm 142 talba għal trasport minn pazjenti li ġew eżaminati minn xi kategorija ta’ impjegati elenkati mill-Onorevoli Interpellant.

Servizzi Pubbliku — Ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1069 u jgħid kemm huma l-impjegati (a) full time u (b) part time mas-Servizz Pubbliku: (i) Dietician (ii) Occupational Therapist (iii) Physiotherapist (iv) Optometrist (v) Speech and Language Therapist (vi) Chiropodist (vii) Psychologist? F'liema dipartimenti jaħdmu f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ impjegati fil-gradi mitluba mill-Onorevoli Interpellant huma kif jidhru hawn taħt: Grad Full-Time Part-Time Total Dietician 1 1 2 Occupational Therapist 74 0 74 Physiotherapist 135 1 136 Optometrist 2 0 2 Speech Therapist 62 0 62 Podologist ( fis-Servizz Pubbliku l-grad huwa Podologist u mhux Chiropodist) 25 0 25 Psychologist 11 0 11 Total 310 2 311 L-informazzjoni dwar kif dawn l-impegati huma mqassma fid-dipartimenti tinsab fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 803 u jgħid kemm hemm mediċini li għadhom jiġu manifatturati li kienu jiġu mpurtati f'pajjiżna fl-2006 u li ma baqgħux fl-2007? Kemm minn dawn kienu jiswew anqas minn €7 (Lm3) kull pakkett? Kemm minn dawn qed jiġu provduti mill-ispiżeriji tal-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li mill-2005 sallum kien hemm 29 prodott li ġew itirati mis-suq Malti mill-“marketing authorization holders”. Kien hemm prodott wieħed biss li ġie rtirat mis-suq Malti u li l-Gvern qed jixtrih minn sorsi oħra barra l-pajjiż. Dwar prezzijiet tal-medicini nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lil Ministru konċernat.

Assenteiżmu

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlametari 1028 u cioe' b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 531, fost is-651 student li fallew l-iskola mingħajr raġuni valida, tista' tagħti aktar informazzjoni dwar: i) l-eta' ii)is-sess iii)kemm minhom ġa rrepetew sena skolastika iv)kemm minnhom huma aħwa v) kemm mill-ġenituri tagħhom ġew avviċinati mis-servizzi tas-social work u kemm fil-fatt attendew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #1657 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunal għat-Talbiet Żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti f'Għawdex quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar? Kemm ġew deċiżi kawżi quddiem l-istess tribunal xahar b'xahar minn Jannar 2007 sal-lum? Kemm saru seduti quddiem l-istess tribunal xahar b'xahar minn Jannar 2007 sal-lum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li bħalissa quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar t'Għawdex hemm 72 kawża pendenti. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fl-aħħar żewġ partijiet tal-mistoqsija.
Leg 11 PQ #1661 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kumpilazzjonijiet u inkjesti pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpilazzjonijiet u inkjesti pendenti maġistrat b'maġistrat f'Għawdex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Assistenza medika reċiproka

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex jikkonsisti l-ftehim li hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż li jwassal assistenza medika reċiproka liċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi? Kemm qed jiswa dan il-ftehim lill-ispiża pubblika? Kemm hu l-valur ta' servizzi relevanti (mediċi/kirurġiċi) li qed jirċievu l-Maltin fir-Renju Unit?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ftehim reċiproku li hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż jipprovdi għall-kura b’xejn ta’ persuni mir-Renju Unit li huma residenti jew turisti f’Malta u għall-kura b’xejn ta’ persuni Maltin li jkunu qegħdin fir-Renju Unit bħala turisti. Il-ftehim jipprovdi wkoll għall-kura b’xejn kull sena ta’ 180 pazjenti Maltin fir-Renju Unit li jingħataw kura specjalizzata li ma ssirx f’Malta. Il-Gvern jalloka madwar €1 miljun kull sena għal spejjeż konnessi ma’ safar u kura ta’ pazjenti barra minn Malta (vide Estimi Health, Programmes & Initiatives Vote Recurrent 39, Item 5055). Informat ukoll li dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni ma tistax tingħata peress li jintbagħtux kontijiet mir-Renju Unit.
Leg 11 PQ #1671 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Restawr ta' djar — Inċentiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' inċentivi li jeżistu fil-preżent biex individwu jitħajjar jakkwista dar storika/ta' valur arkitettoniku mhux tas-soltu u jniedi proġett ta' restawr biex jikkonserva din it-tip ta' proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1676 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' ex-membri parlamentari/ex-ministri u ex-segretarji parlamentari, li ġew appuntati f'bordijiet governattivi jew direttorati f'korporazzjonijiet parastatali jew ambaxxaturi, jew fl-Universita' (kunsill/senat/amministrazzjoni)? Jirċievu kumpens finanzjarju tal-kariga? Kemm huwa f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent m’hemm ebda ex-membru parlamentari jew ex-ministru jew ex-segretarju parlamentari li jservi fuq bordijiet li jaqgħu fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fir-rigward tal-parti l-oħra ta’ l-informazzjoni mitluba, nitlob lill-Onorevoli Interpellant tpoġġi l-mistoqsija lill-Ministri rispettivi.