Jista' l-Ministru jindikalna kemm hu l-perċentaġġ ta' trabi li twieldu f'pajjiżna f'dawn l-aħħar tliet snin (2005-2007) li għandhom imniżżel fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom unknown father? (Vide pq 1421 Sitt 29)
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-perċentaġġ ta’ trabi rregistrati b’ unknown father huwa kif ġej:
2005 7.48%
2006 9.2%
2007 19.68%
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se tingħata prijorita' lill-lokalita' ta' Marsaskala sabiex ikun hemm ground tal-football jew inkella xi faċillita' sportiva oħra ħalli tkun tista' tintuża minn persuni li l-ewwel u qabel kollox jgħixu fl-istess lokalita' u dan anke fid-dawl li l-istess lokalita' kibret u qed tkompli tikber fil-popolazzjoni u li l-istess popolazzjoni hija ta' eta' żgħira?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport nieda skema li permezz tagħha l-entitajiet konċernati jistgħu japplikaw għal assistenża. Il-lokalita ta’ Marsaskala tista’ tapplika taħt din l-iskema.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet li ġejjin minn persuni b'diżabilita' li joqogħdu fid-dar fil-kommunita' u jixtiequ li jibdew jattendu fl-Adult Training Centres? Kemm daħlu fl-ATCs minn dawn il-persuni b'diżabillita' f'dawn l-aħħar sentejn?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li hemm 54 persuna li joqgħodu fid-dar fil-komunita' li jixtiequ jattendu ċ-Ċentri ta' Matul il-Jum għall-Persuni b'Diżabilita'.
Ninsab informat ukoll li f'dawn l-aħħar sentejn daħlu 12-il persuna minn din il-kategorija f'dawn iċ-Ċentri.
Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti mill-Iskejjel Speċjali se jiġu transferiti għall-Adult Training Centres f'Lulju li ġej? X'tip ta' transizzjoni saret biex dawn l-istudenti jintegraw ruħhom tajjeb u b'mod effiċjenti f'dawn iċ-ċentri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li m’hemm l-ebda studenti li ser jiġu trasferiti għall-Adult Training Centres f’Lulju li ġej.
Tista' l-Ministru tgħid kemm se jispiċċaw studenti mill-Form 5 fl-aħħar ta' din is-sena skolastika mill-iskejjel statali, indipendenti u tal-Knisja separatament? Kemm minnhom huma bniet u kemm subien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li n-numru ta’ studenti, subien u bniet, li ser jispiċċaw il-Form V fis-sena skolastika 2007 – 2008 mill-iskejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti hu kif ġej:
Subien Bniet Total
Skejjel Statali 1711 1759 3470
Skejjel tal-Knisja 808 679 1487
Skejjel Indipendenti 259 210 469
Total 2778 2648 5426
Jista' l-Prim Ministru jara li l-kunsilli lokali jingħataw il-possibilita' li jissellfu flus għal proġetti partikolari, li jkunu approvati minn qabel mill-gvern ċentrali, biex titjib lokali jkun jista' jsir ħafna qabel għall-benefiċċju ta' dawk li joqogħdu f'dawn il-lokalitajiet u fejn hemm ħafna viżitaturi jitgawdew minnhom ukoll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-possibiltà li Kunsill Lokali jissellef flus biex ikun jistà jwettaq proġetti partikolari diġà teżisti. L-Artikolu 3(2)(a) ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363) jipprovdi li Kunsill Lokali jistà jissellef flus bl-awtorità bil-miktub tal-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali bi ftehim mal-Ministru responsabbli għall-finanzi.
Teżisti policy li tinkludi d-dokumentazzjoni meħtieġa biex tiġi evalwata talba ta’ Kunsill qabel tingħata l-approvazzjoni. Kunsill Lokali li jrid jagħmel self irid jipproċedi permezz tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-tenders tax-xogħol marbut mat-toroq tal-villaġġ ta' Ta' Qali (Crafts Village) fil-fatt ġewx evalwati? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-kuntratturi li se jagħmlu x-xogħol fil-fatt intgħażlux?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-seba' offerti sottomessi għax-xogħlijiet ta' toroq tal-villaġġ ta' Ta' Qali għadhom fil-proċess ta' evalwazzjoni teknika mill-kumitat maħtur apposta mid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' concessions hemm validi bħalissa għal dawk li huma areas għat-tħaffir taż-żejt? Hemm xi ħsieb li jingħataw areas oħra għat-tiftix taż-żejt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li jista’ jieħu l-informazzjoni dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija minn fuq is-sit www.mri.gov.mt/default.aspx?MLEV=10&MDIS=48.
Permessi għal tiftix taż-żejt f’
areas
oħra jistgħu jingħataw kull meta jkun hemm proposti serji u vantaġġjużi għal Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li jridu jirrapurtaw kuljum fl-għasses tal-lokal tagħhom, f'kull wieħed mill-ibliet/rħula tas-7, 11 u 12 -il distrett elettorali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqieghed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Billi minn din is-sena sar possibli li persuna tieħu l-pensjoni u tibqa' taħdem mingħajr ma titlef xejn mill-pensjoni tagħha, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hawn talbiet biex dawk li għalqu l-61 sena jibqgħu jaħdmu, jekk kellhom għalfejn jagħmlu tali talbiet?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li dawk il-persuni li kienu diġa’ qed jirċievu pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali għall-irtirar u reġu bdew jaħdmu wara l-5 ta’ Jannar 2008 ma kellhom bżonn jagħmlu ebda talba biex ma jitilfux il-pensjoni.
Ninsab infurmat li mill-2,474 persuna li applikat għall-pensjoni għall-irtirar, bejn l-1 ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ġunju 2008, 2,054 kien għadhom jidhru li kien għadhom jaħdmu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kollaborazzjoni teżisti bejn l-ETC u l-OHSA biex jiġi assigurat li s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol b'mod partikolari fuq siti ta' kostruzzjoni, fabbriki u lukandi tkun dejjem ta' l-ogħla livell?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħrig u l-Awtorita dwar is-Saħħa u Siġurta’ fuq il-Post tax-Xogħol priċipalment tikkonsisti f’ taħriġ, fil-qasam ta’ saħħa u sigurta’ fuq il-postijiet tax-xogħol, mogħti mill-Awtorita’ kemm lill-impjegati tal-Korporazzjoni kif ukoll lill-parteċipanti ta’ skemi organizzati mill-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jindika:
i) kemm kien l-ammont ta' żewġijiet bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-1 ta' Ġunju 2008
ii) kemm kien l-ammont ta' annullamenti ċivili bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-1 ta' Ġunju 2008?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-ewwel ta’ Ġunju 2008 kien hemm sitt mija u erbgħa u erbgħin (644) żwieġ, waqt li n-numru ta’ Annullamenti Ċivili reġistrati fir-Reġistru Pubbliku bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-ewwel ta’ Ġunju 2008 huwa ta’ sebgħin (70).
Jista' l-Ministru jindika jekk il-Gvern huwiex se jħejji White Paper biex jirregola l-konkubinaġġ? Jekk iva, meta? Jista' jindika x'inhuma l-punti ewlenin li l-Gvern beħsiebu jitratta f'din il-White Paper?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru huwa kommess li jipproponi leġislazzjoni bil-għan li jiġu mħrsa minn kull sfruttament persuni li jgħixu flimkien bara mir-rabta taż-żwieġ u beda l-ħidma sħiħa u neċessarja. Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant sabiex titħejja White Paper ser tittieħed in konsiderazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi studji dwar l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żidiet fil-prezz tal-fuel u partikolarment tal-fatt li d-diesel issa sar jiswa iktar mill-petrol bla ċomb? F'każ li saru studji bħal dawn, jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jieħu l-gvern minħabba li wara li ġie pubblikat rapport li juri li l-Criminal Justice Data Collection Mechanism dwar racist crime huwa limitat u available only on request u mhux għall-informazzjoni tal-pubbliku? Jaħseb li biex tiġi miġġielda x-xenofobja u anke r-razziżmu hemm bżonn atteġjament aktar proattiv f'dan ir-rigward?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar detalji dwar ir-rapport li qed jirreferi għalih.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Enemalta diġa' daħlet għal kuntratti għax-xiri taż-żejt matul is-sena d-dieħla, bi prezzijiet li huma 40% irħas mill-prezz kurrenti taż-żejt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li il-Korporazzjoni Enemalta għandha xiri ta’ żejt bil-quddiem għas-sena 2009 huwa madwar 40% irħas mill-prezz internazzjonali kurrenti taż-żejt, iżda xorta għola mill-prezz taż-żejt li bħalissa trid tħallas l-Enemalta. Dan ikopri parti miż-żejt li jinxtara s-sena d-dieħla għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku u mhux ix-xiri kollu taż-żejt previst għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku għas-sena dieħla.
Nieħu din l-okkazzjoni biex infakkar lill-Kamra li kontrarjament għal dak li qal il-Kap tal-Partit Laburista nhar il-Hadd li għadda:
1. li ma kienx għall-kuntratti simili li saru bejn tmien l-2007 u l-bidu tal-2008 is-surcharge illum suppost hi 160% u mhux 95% u ghalhekk u ovvju ghal min irid ikun ragonevoli li l-Gvern u l-Enemalta ħadmu b’mod għaqli hafna u ddefendew l-interessi tal-konsumaturi kemm setgħu;
2. kien biss minhabba xiri bil-għaqal mill-Enemalta u għaliex il-Gvern żied is-sussidju li s-surcharge setgħet tinzamm sa 95% u l-qabża min 50% tidher kbira għax il-Gvern għazel li min Awissu 2007 sa Gunju 2008 (11 il-xahar) iżomm is-surcharge stabbli; skond Dr Joe Musct kien ikun ahjar li ghollejna s-surcharge qabel biex b’hekk il-qabza ma tidhirx kbira!
3. is-social impact assessment li talab Dr Joe Muscat gie publikat mal-stqarrija relattiva;
4. Dr Joe Muscat messu jaf - għax ilha tiġi ripetuta s-snin – li s-surcharge hi maħduma biss fuq il-prezz attwali taż-żejt mixtri mill-Enemalta u fil-kalkolu ma jidħol xejn aktar – la kemm għandha haddiema l-Enemalta, la inefficenza u l-ebda ħaġa oħra;
5. il-Kap tal-Partit Laburista messu jaf ukoll li l-proċess tal-kalkolu tas-surcharge kien maqbull tliet snin ilu fl-MCESD u min dak in-nhar ma tbiddilx. Għalhekk ma kien hemm ebda raġuni ghaliex kellhom isiru diskussjonijiet ulterjuri la hu car li l-prezz taz-zejt li bih qed tixtri l-Enemalta llum hu għola min dak ta’ Lulju 2007;
6. rigward il-proposta ta’ Dr Joe Muscat tal-capping fuq it-taxxa tas-sisa għad-diesel kont nistenna li Dr Muscat bhala Ewro Parlamentari jaf li t-taxxa tas-sisa hi prezz fiss u mhux persentaġġ u allura l-Gvern ma jdaħħalx aktar flus f’taxxa għax jgħola l-prezz taz-zejt!
7. kont nistenna wkoll li Dr Joe Muscat jaf li l-Unjoni Ewropea timponi regoli kemm fuq il-livelli ta’ VAT kif ukoll SISA applikabbli;
8. li ghogbu jinsa jsemmi Dr Joe Muscat hu kif kien jaghmel hu biex josserva l-weghda li ghamel il-Kap ta’ qabli u jaqta s-surcharge bin-nofs, mizura li mill-elezzjoni sal-ahhar tas-sena – u bil-prezzijiet tal-lum biss – hi kalkolata li tiswa lill-pajjiz €79 miljun!
Il-paroli zgur jiswew ħafna anqas miż-żejt!
Billi l-MTA għadha kif ikkonfermat li m'għandha x'taqsam xejn ma' l-attivitajiet li qed jiġu organizzati fil-pjazza Spinola ħdejn it-Tiguglio, u li qegħdin jikkawzaw inkonvenjent kbir u noise pollution għal bosta residenti fl-inħawi, jista' l-Ministru jgħid min qed joħroġ il-permessi meħtieġa għall-programm li allegatament sejjer ikun mifrux sa tmiem Awwissu? Il-permessi qegħda toħroġhom il-Pulizija nnifisha minn jeddha jew qed tagħmel dan fuq rakkmandazzjoni tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li nħarġu permessi mill-Pulizija għal xi programm li sejjer ikun mifrux sa tmiem Awissu kif imsemmi mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-imħallfin li ġew appuntati biex jippresjedu fil-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja ġo Lussemburgu? Jista' jiddefinixxi l-inkarigi li huma jokkupaw, jgħid meta ġew appuntati u għal kemm-il sena?
Response (BORG, TONIO)
l-ex Avukat Ġenerali Dr Anthony Borg-Barthet u Dr Ena Cremona ġew appuntati membri tal-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta' Prim Istanza rispettivament. Ġew appuntati fl-2004. It-terminu tagħhom hu regolat bl-Istatut tal-Qorti stess.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskema ta' l-Equity Sharing ma reġgħetx infetħet mill-ġdid f'nofs ix-xahar ta' Ġunju kif kien imwiegħed? Jista' jgħid meta huwa maħsub li din l-iskema tinfetaħ mill-ġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru responsabli.