Jista' l-Prim MInistru jgħid x'qed jagħmel bħala Ministru tat-Turiżmu flimkien ma' ministeri oħra kkonċernati biex isiru effiċjenti s-sistemi ta' ħruġ ta' visa għall-pajjiżi non-EU biex turisti jiġu minn dawk il-pajjiżi peress li operaturi ta' l-ivvjaġġar qed jilmentaw li qed jitilfu n-negożju għax pajjiżi oħra anki fl-EU qed ikunu iżjed effiċjenti minna biex jiġbdu turisti minn pajjiżi mhux mill-EU?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan is-suġġett jiġi diskuss regolarment bejn l-awtoritajiet turistiċi u dawk ta’ l-immigrazzjoni abbażi ta’ feedback li jinġabar mingħand operaturi fis-swieq konċernati. Ninsab infurmat li dan l-arranġament qiegħed jagħti l-frott u li l-maġġoranza ta’ l-ilmenti u teething troubles li seta’ kien hemm meta bdiet tiffunzjona s-sistema l-ġdida issa ġew indirizzati. Il-partijiet kollha jibqgħu impenjati li jsegwu l-iżviluppi f’dan il-qasam sabiex, fejn possibbli u prattiku, jintroduċu t-tibdil neċessarju sabiex il-ħruġ tal-visa għal turisti minn dawn il-pajjiżi jiġi simplifikat mingħajr ma nikkompromettu s-sistema Schengen.
Jista' l-Prim Ministru jgħid, sena b'sena, mit-twaqqif tal-kunsilli lokali fl-1993 'l hawn, x'kienu l-funzjonijiet, ir-responsabilitajiet eċċ li ngħataw? Hemm il-ħsieb li l-kunsilli lokali jingħataw xi funzjonijiet, responsabbiltajiet eċċ oħra? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma u meta se jingħatawlhom?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1465 li saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lili u jinvestiga l-każ ta' persuna li hija nieqsa mid-dawl u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex ma tibqax tirċievi kontijiet tat-televiżjoni, meta hi diġa' nfurmat lill-entita' relattiva li t-televiżjonijiet ma jiffunzjonawx?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tad-dipartiment tat-12 ta’ Settembru 2006, b’risposta għar-rikjesta tiegħu bil-miktub tat 3 ta’ Settembru, fejn ġiet indikata il-proċedura meħtiega fil-każ tal-persuna indikata fil-mistoqsija.
Ma dana kollu jekk tippersisti xi diffikulta huwa ġentilment mitlub jagħmel kuntatt dirett mad-dipartiment biex jingħata servizz immedjat..
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu s-sindki tal-lokalitajiet kollha fejn hemm il-kunsilli lolaki mit-twaqqif tagħhom 'l hawn? Kemm dam kull sindku fil-kariga u f'isem liema partit kien elett?
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu s-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali kollha mit-twaqqif tagħhom 'l hawn u kemm dam kull segretarju eżekuttiv fil-kariga?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1482 li oriġinarjament saret lill-Ministru Għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema awtorita' hi responsabbli li tara li l-kwalita' ta' l-ilma mtella' mill-ispieri privati għall-konsum tal-bniedem hi tajba għas-saħħa ta' l-istess bniedem? X'inhi l-proċedura li tintuża biex titkejjel il-kwalita' ta' l-ilma tax-xorb ta' l-ispieri privati? Kemm-il darba fis-sena din l-entita' tkejjel il-kwalita' ta' l-ilma tax-xorb li ġej minn spieri privati?
Jista' in oltre jgħid liema awtorita' hi responsabbli li tara li l-kwalita' ta' l-ilma mtella' mill-bjar fid-djar privati għall-konsum tal-bniedem hi tajba għas-saħħa ta' l-istess bniedem? X'inhi l-proċedura li tintuża biex titkejjel il-kwalita' ta' l-ilma tax-xorb tal-bjar tad-djar privati? Kemm-il darba fis-sena din l-entita' tkejjel il-kwalita' ta' l-ilma tax-xorb li ġej mill-bjar tad-djar privati?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mit-twaqqif tagħhom 'l hawn kemm kien hemm riżenji minn kull kunsill lokali, min kienu s-sindki jew kunsilliera li rriżenjaw u meta rriżenjaw?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1505 u jikkonferma li l-pjani tal-Gvern dwar it-tibdil fil-bands ta' l-income tax għadhom dawk imħabbra mill-Prim Ministru f'intervista ma' "The Malta Independent on Sunday" fit-30 ta' Marzu, 2008 u f'intervista mal-magazine The Commercial Courier ta' April-Mejju 2008, u ċioe' li din il-miżura tibda titwettaq sa mill-budget għas-sena d-dieħla 2009? Jekk kien hemm tibdil fil-pjani tal-Gvern, jista' l-Ministru jħabbar target date ġdida meta se jidħol fis-seħħ it-tibdil fil-bands ta' l-income tax?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1505.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1509 u jgħid jekk tlestiex ir-rapport li kellu jsir mill-ADT dwar dak li seta' tefa' l-proġett tal-pont Manwel Dimech lura fit-tlestija tiegħu u jekk ir-rapport huwa lest, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 1514, jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux qed jinżebgħu is-sinjali tat-traffiku b'mod regolari fit-toroq arterjali bħalissa, fosthom fi Triq l-Imdina f'Ħal-Qormi? Jaf li f'dawn il-ġranet kien hemm inċident serju minħabba li ttajret persuna fuq pedestrian crossing fi Triq l-Imdina Qormi li ma kenitx qiegħda tidher fit-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pedestrian crossings ta' Triq l-Imdina Ħal-Qormi se jkunu qed jinżebgħu mill-ġdid.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1501 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u cioe': B'referenza għall-Eurostar Programme ta' l-Unjoni Ewropea li huwa ntiż biex ikabbar l-investiment ta' l-SME's fir-riċerka, x'inhi r-raġuni li skond rapport maħruġ nhar il-25 ta' Ġunju, 2008 Malta ma tidhirx li hi parteċipi f'dan il-programm, minkejja li hemm bosta pajjiżi ġodda fl-UE inklużi bħal Ċipru u l-Istati Baltiċi kif ukoll pajjiżi mhux fl-UE bħall-Iżlanda, Izrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 897 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'qed jagħmel il-Gvern sabiex jieħu l-flus dovuti mill-gvern Russu dwar timber carriers li kienu mibnija għall-kumpannija Sudoimport? Kemm huwa l-ammont li huwa dovut lil Malta? Ġie jew qed jiġi kkunsidrat li minflok ma jingħataw flus jsir ftehim u pajjiż jingħata ħwejjeġ oħra li huma meħtieġa għall-pajjiż?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1142 u jgħid: Prevja l-fehma tal-Gvern li l-iskema ta' myPotential kienet suċċess, il-Gvern għandu l-intenzjoni li jestendiha f'setturi li jinħass li hemm bżonn ta' aktar riżorsi, bħal ma hu s-settur finanzjarju?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1142.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1096 u jgħid kemm huma l-multi li s'issa kellha tħallas Malta lill-Unjoni Ewropea? U kemm l-warning għandha u kemm-il każ hemm pendenti quddiem il-Qorti Ewropea? Jista' jagħti d-dettalji tal-każijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1096.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm-il spezzjoni għall-għarrieda u bla avviż saret ġo gambling halls sabiex jaraw jekk hemmx tfal minorenni jilgħabu fuq dawn il-magni tal-logħob? Jekk iva, kemm-il darba saret din bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġett li qed jirreferi għalih hu regolat mill-Att Dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor (Kap. 438) u għalhekk nitolbu jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ma laqax il-proposta tal-GWU sabiex issir task force nazzjonali biex isir pjan dwar il-futur tat-tarzna? Jista' jgħid x'għamel il-Gvern biex jgħin ħalli t-tarznara jsiru produttivi? Jista' jgħid kemm kellu involviment biex jiġi xogħol lejn dawn it-tarznari? Jekk iva, liema xogħol ġie lejn it-tarzna ta' Malta wara l-intervent tal-Gvern? Liema xogħol seta' ġie u ma ġiex għaliex ma konniex tajbin biżżejjed? X'seta sar aħjar f'dawn iċ-ċirkostanzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-politika li “l-Gvern iġib ix-xogħol” m’għadhiex tapplika għaż-żminijiet tal-lum. Illum pajjiżna jeħtieġ li jkollu azjendi li kapaċi jikkompetu fir-realtajiet tas-swieq li noperaw fihom.
Jista' Prim Ministru jgħid raħal b'raħal kemm ittieħdu passi kontra individwi għaliex ikunu għadhom ma tellgħux ħitan mad-dawra ta' l-għelieqi tagħhom bħala boundary wall matul is-sena 2007? Min huwa responsabbli li jiġbed l-attenzjoni tal-proprjetarju jekk il-ħajt madwar l-għalqa/plot ikun għadu ma sarx sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Avviżi tat-Twettieq skond l-Artikolu 55 ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp (Kap 356) u li nħarġu sal-lum mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-2007 kienu 6 jiġifieri:
Attard (1);
Belt Valletta (2);
Żabbar (3).
Dan però ma jirriflettix in-numru kbir ta’ każi dwar siti vakanti f’diversi rħula ta’ Malta u Għawdex li ġew irrapurtati mill-Kunsilli Lokali u minn ammont ieħor kbir ta’ siti li ġew magħluqa mis-sidien rispettivi fuq inizjattiva personali tagħhom wara li tħabbret l-Inizjattiva dwar Siti Vakanti mill-Awtorità f'April 2007.
Ir-responsabbiltà li tinnotifika lill-proprjetarji dwar dak ix-xogħol li għandu jsir hija tal-MEPA. Peress li dalwaqt ser jitħabbru xi emendi għall-Inizjattiva oriġinali, il-ħruġ t'iżjed Avviżi tat-Twettieq ġie temporanjament sospiż. Każijiet pendenti baqgħu jiġu investigati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'logħob bħal lottu, tombla u Super 5 matul is-sena 2005, 2006 u 2007? Jista' jgħid jekk teżistix statistika ta' fejn sejra t-trend? Jekk iva, l-poplu Malti sar jilgħab aktar flus fil-lottu, tombla, Super 5, eċċ jew naqqas il-logħob?
Tista' l-Ministru tgħid kemm issellfu kotba mil-libreriji pubbliċi matul is-sena 2007? Kemm minn dawk li ssellfu l-kotba kienu tfal taħt 16-il sena u kemm kien hemm adulti? Minn liema librerija pubblika l-aktar li ssellfu kotba? Kemm hija l-ispiża tal-Gvern kull sena sabiex iżomm dawn il-libreriji aġġornati bl-aħħar kotba fis-suq?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul l-2007 issellfu 747,050 ktieb mill-Libreriji Pubbliċi. Dan is-self sar minn libreriji diversi skond tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-iktar librerija pubblika li minnha ssellfu kotba hi l-Librerija tal-Furjana. L-aktar librerija li selfet kotba minn fost il-libreriji reġjonali kienet dik ta’ Birkirkara. Minnha sselfu 68,503 ktieb.
Mill-banda l-oħra l-aktar librerija li selfet kotba minn fost il-libreriji friegħi kienet dik tal-Fgura. Minna sselfu 18,564 ktieb.
L-ispiża tal-Gvern kull sena biex iżomm dawn il-libreriji aġġornati tvarja minn sena għal oħra. In-nefqa fis-sena 2006 kienet ta’ Euro 18,635 (Lm 8000). Fis-sena 2007 intefqu Euro 15,374 (Lm 6600). Filwaqt li din is-sena diġa’ ntefqu Euro 12,500 (Lm 5366).
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw permessi barra miż-żona ta' żvilupp, sena b'sena, mis-sena 2000 'l quddiem, mill-MEPA?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tliet tabelli li jagħtu l-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.