Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa, Santa Marija Estate — Palm Street

Question

Jista' l-Ministru jassigura li Palm Street, Santa Marija Estate, Mellieħa terġa' tiġi ripristinata u mogħtija t-tarmak fl-iqsam żmien possibbli? Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li r-residenti ta' din it-triq kienu għamlu t-tarmak mal-wiċċ tat-triq minn flushom u din tkissret biex jgħaddu xi servizzi xhur ilu u kollox tħalla mħarbat.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1831 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Interim From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Chronic Labyrintitis — Terapisti

Question

Peress li hawn ħafna pazjenti jbatu minn chronic labyrintitis, jista' l-Ministru jiżgura li jiddaħħal biżżejjed staff biex id-dipartiment jkun jista' jlaħħaq ma' din id-domanda? Kemm hemm terapisti joffru dan is-servizz u x'tul ta' żmien hemm f'din il-waiting list bħalissa?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #1832 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Alzheimer's Disease

Question

Jista' l-Ministru jiżgura li jiddaħħlu l-mediċini li jaqgħu fil-klassi ta' Acetyl Co-A inhibitors fl-iskema tax-Schedule Five, biex pazjenti li jbatu minn Alzheimer's Disease ikunu jistgħu jgawdu/jibbenefikaw minn din il-kura? Jaf li minn fost il-pajjiżi membri fl-UE ċ-ċittadini li jgħixu Malta, Bulgaria u Latvia biss m'għandhomx dritt għal dan l-aċċess? Ta' min jinnota li dawn iċ-ċittadini anzjani huma fost l-aktar nies batuti u dipendenti fuq ħaddieħor.

Response (DALLI, JOHN)

Alzheimer's Disease m'hijiex inkluża fil-lista ta' kundizzjonijiet kroniċi li jaqgħu taħt l-iskeda V tal-Att tas-Sigurta' Soċjali jew kif inhi aħjar magħrufa bħala l-kartuna s-safra u għalhekk acetylcholinesterase inhibitors m'humiex inklużi fil-formularju tal-gvern. Bħalissa qed isir studju biex naraw kif jista’ jiġi rivedut il-formularju ħalli jirrifletti s-sitwazzjoni tal-lum, ikun aktar ekwu u jelimina d-diskrepanzi u l-ħela.
Leg 11 PQ #1833 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata l-attenzjoni meħtieġa għal post alternattiv, peress li hija marida u fl-istess waqt il-fond li bħalissa qed tabita fih huwa substandard?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li mill-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant la jirriżulta li l-persuna hi marida u lanqas li tgħix f’post substandard. Madankollu, l-applikazzjoni qed tingħata l-attenzjoni li tixirqilha.

Central Public Library — Fondi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienu l-fondi tas-Central Public Library għal din is-sena? Jidhrilha li l-fondi huma biżżejjed? Huwa minnu li l-fondi diġa' spiċċaw, u fil-każ kemm ilhom li spiċċaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-fondi allokati għal din is-sena kurrenti lil-Librerija Pubblika jammontaw għal 612,160 Ewro. S’issa ntefqu 336,583.83 Ewro biex baqa’ bilanċ ta’ 275,576.17 Ewro.L-allokazzjoni għal din is-sena tidher li hija sodisfaċenti għall-operat preżenti.

Qormi — Sqaq l-Għadira

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jinvestiga mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għaliex fi Sqaq l-Għadira f'Ħal-Qormi biswit Triq l-Għargħar 1979 qed ikun hemm riħa qawwija ta' drenaġġ fl-inħawi fejn diversi residenti qed jilmentaw dwar din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li qed jiġi nvestigat kif se tissolva din il-problema.

Manoel Island — Proprjeta' pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema partijiet, (inkluż mill-foreshore) ta' Manoel Island għadhom propjeta' pubblika u ma jaqgħux taħt il-Konsorzju Midi jew entita' oħra? Jista' jpoġġi pjanta fuq il-mejda tal-Kamra b'dawn id-dettalji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba tinsab fil-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-Konsortzju kkonċernat li kopja tiegħu kienet mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra fis-7 ta' Lulju 2000.

Child care centre facilities

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rebate fit-taxxa għal dawk li jibgħatu lit-tfal tagħhom f’Child Care Centre Facilities li tammonta għal Lm400 hijiex se tkun estiża anki lil dawk il-ġenituri li ma jaqilgħux dħul biżżejjed biex iħallsu t-taxxa? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm min ibbenefika minn din ir-rebate?

Response (FENECH, TONIO)

Kif jaf l-Onor. Interpellant, r-rebate minnha nfisha (li intrinsikament tfisser tnaqqis mill-piż tat-taxxa) ma tistax tiġi gawduta minn min ma jħallasx taxxa. L-informazzjoni dwar kemm kien hemm min ibbenefika minn din ir-rebate tkun tista’ tinġabar meta jkunu pproċessati l-formoli tat-taxxa għas-sena ta’ stima 2008 (sena bazi 2007).

Irziezet tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex isalvaw l-irziezet għat-trobbija tal-majjali f'Malta u f'Għawdex? Kemm inqatlu majjal lokali fil-Biċċerija xahar xahar minn Jannar 2007 sa Mejju 2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-gvern qiegħed jaħdem flimkien mal-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjal sabiex jiġi salvagwardjat u konsolidat is-settur tat-trobbija tal-majjal. F’dan il-qasam il-KIM u l-gvern fasslu strateġija. F’din hemm diversi miżuri li jridu jwasslu għal aktar produzjoni ekonomika mill-produtturi u tnaqqis ta’ spejjeż operazzjonali. Barra minn dan il-Gvern biex jgħin lill-produtturi jgħelbu sitwazjoni diffiċli, is-sena li għaddiet ta żieda lill-produtturi tal-majjal ta’ kważi 7 ewrocenteżmi kull kilo laħam maqtul minnhom aktar mill-għajnuniet li kienu maħsuba skond l-SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture) biex b’hekk l-ammont totali ta’ għajnuna kull kilo laħam tal-majjal issa hija ta’ 54.52 ewroċenteżmi. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika mitluba mill-Onorevoli interpellant.

MIDI

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus f'bolol li ħallset il-kumpanija MIDI mal-iffirmar tal-kuntratt mal-Lands Department?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija MIDI ġiet eżentata mill-ħlas ta’ bolol ma’ l-iffirmar tal-kuntratt mad-Dipartiment ta’ l-Artijiet, bħala parti mill-ftehim. Din l-eżenzjoni kienet parti mill-kuntratt (draft), annessa mar-Riżoluzzjoni li ġiet approvata mill-Parlament fil-25 ta’ Jannar 2000, waqt is-seduta numru 226. L-eżenzjoni ġiet iffirmata wara l-approvazzjoni tal-Parlament, mill-Ministru tal-Finanzi tal-ġurnata nhar id-9 ta’ Ġunju 2000.

Gozo Channel — Ġarr ta' merkanzija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 635 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni,u issa ġiet riferuta lilu, u jara li jittieħdu passi biex il-kumpannija Gozo Channel toffri servizz regolari ta' ġarr tal-merkanzija bejn Mġarr, Għawdex u Sa Maison, Malta peress li s-servizz kurrenti ta' darbtejn fil-ġimgħa mhux adegwat?

Response (FENECH, TONIO)

L-Gvern hu dejjem impenjat li jtejjeb is-servizz tal-Gozo Channel biex jaqdi il-ħtiġiet tal-Gżira Għawdxija. Sal-lum il-volum ta’ trakkijiet tal-merkanzija li jużaw dan is-servizz ma jiġġustifikax it-talba li jiżdied dan is-servizz. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi preżentament, is-servizz għal Sa Maison qed isir regolari bi tliet vjaġġi fil-ġimgħa, kif ilu jsir għal dawn l-aħħar snin. Isiru biss żewġ vjaġġi fil-ġimgħa meta jkun hemm xi vapur għat-tiswija fit-tarzna. Dan ma kienx il-każ f’dawn l-aħħar tliet xhur.

MIDI

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 933 u jgħid kemm kien l-ammont ta' flus f'bolol li ħallset il-kumpanija MIDI mal-iffirmar tal-kuntratt mal-Lands Department?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 933.

Biċċerija — Inċineratur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswa fil-preżent l-inċineratur tal-biċċerija tal-Marsa? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż u tal-kwantita ta' tunellaġġ li qed jiġi inċinerat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-ispiża tvarja skond l-użu u l-immaniġjar ta’ l-impjant u tajjeb li jingħad ukoll li l-impjant għadu fil-fażi ta’ commissioning u għaldaqstant l-ispiża rikurrenti għadha qed tvarja. L-ammont ta’ skart li ġie ttrattat matul din is-sena huwa : 1 Skart tal-biċċerija u slaughter houses privati jammonta għall-1,158.11 tunnellata, ekwivalenti għal 73% 2 Skart ta’ l-isptarijiet jammonta għall-102.86 tunnellata, ekwivalenti għal 6% 3 Injam u siġar imqattgħin jammonta għal 315.40 tunnellata, ekwivalenti għall-20% 4 Skart ieħor li jinkludi skadenza jammonta għal 15.94 tunnellata, ekwivalenti għal 1%

Gozo Channel — Garr ta' Merkanzija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 959 u jara li jittieħdu passi biex il-kumpannija Gozo Channel toffri servizz regolari ta' ġarr tal-merkanzija bejn Mġarr, Għawdex u Sa Maison, Malta peress li s-servizz kurrenti ta' darbtejn fil-ġimgħa mhux adegwat?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 959.

Għawdxin li jaħdmu Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1074, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm huwa stmat li hu n-numru ta' Għawdxin li jaħdmu f'Malta? Kemm minnhom fis-settur pubbliku? Kemm fis-settur privat?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

MIDI

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1159 u 933 u jgħid kemm kien l-ammont ta' flus f'bolol li ħallset il-kumpanija MIDI mal-iffirmar tal-kuntratt mal-Lands Department?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 933.

Annulamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw annullamenti mill-qrati Maltin, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqeighed fuq il-mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Nixtieq inżid illi l-informazzjoni fit-tabelli ma tindikax kemm minn dawn il-kawżi ġew milqugħa. Din l-informazzjoni tista' tinkiseb mir-Reġistru Pubbliku li ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Manuel Dimech Bridge — Solidbase Laboratory Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-ħtieġa li l-kumpanija Solidbase Laboratory Ltd tqabbdet tagħmel xogħol fuq il-pont Manuel Dimech tul il-proċess li kien qiegħed jinbena mill-ġdid? Biex sar dan ix-xogħol, il-Ministeru ta' dan iż-żmien ħareġ sejħa għall-offerti u jekk fl-affermattiv, min kienu l-kumpanniji li tefgħu l-offerta tagħhom? Jekk fin-negattiv, min kien responsabbli biex ix-xogħol ingħata b'direct order? Kemm kien jammonta x-xogħol li sar mill-kumpannija in kwestjoni? F'dawn l-aħħar erba' snin, kemm-il biċċa xogħol ingħatat din il-kumpannjia mill-ministeru preċedenti u kemm kien jammonta l-ħlas totali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Studenti — Talba biex jispiċċaw l-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti li jinstabu fil-Form 5 talbu li jispiċċaw qabel it-tmiem tas-sena skolastika jew qabel jilħqu l-eta' ta' 16-il sena? Tista' tagħti din l-informazzjoni separata għall-iskejjel statali, indipendenti u tal-Knisja u kemm huma bniet u kemm subien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li kien hemm 7 subien u 6 bniet li talbu biex jispiċċaw s-sena skolastika qabel għalqu is- 16-il sena , waqt li kienu hemm 11 subien u 5 bniet li għalqu is-16-il sena iżda li talbu li jispiċċaw is-sena skolastika qabel it-tmiem tagħha. Dawn kollha ġejjin minn skejjel ta’ l-istat. Ma kienx hemm każijiet simili li ġejjin mill-qasam ta’ l-iskejjel indipendenti u tal-knisja.