Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jitbagħtu separatament ma ngħatax iċ-ċittadinanza Maltija skond il-liġi u agħar minn hekk, fit-3 ta' Ġunju ta' l-2008, f'ittra mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin mid-dipartiment taċ-ċittadinanza u ta' l-expatriates ġie infurmat li m'hux sejjer jibqa' indikat fir-rekords bħala exempt person status taħt l-Immigration Act chapter 217 meta dan hemm raġunijiet serji li jindikaw id-dritt tiegħu? Jaħseb li dan il-każ għandu jiġi mistħarreġ mill-ġdid?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appplikazzjoni dwar iċ-cittadinanza Maltija li għamlet il-persuna konċernata se tkun iffinalizzata dalwaqt.
Ninfurmah ukoll li r-rekords tad-Dipartiment taċ-Cittadinanza u ta' l-Expatriates juru li din il-persuna m'għadhiex aktar 'persuna eżenti' skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artikolu 4(1) (g) u (h) ta' l-Att ta' l-Immigrazzjoni (Kap 217).
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il bajja pubblika hawn fil-gżejjer Maltin? F'kemm minnhom isir tindif regolarment? Liema huma? F'kemm minnhom sar xogħol ta' manutenzjoni qabel dan is-sajf? Liema huma? Kemm minnhom huma aċċessibli għal:
i) persuni mingħajr bżonnijiet speċjali
ii) persuni bi bżonnijiet speċjali?
F'kemm minnhom hemm il-faċilita' ta' doċċa? Liema huma f'kull każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li dwar it-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu ix-xogħol li sar b’kollaborazzjoni ma’ l-MTA u l-Kunsilli Lokali hu kif jidher fil-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Nitlob l-Onor Membru li jirreferi l-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tibda' tiġi impurtata enerġija elettrika mill-grid Ewropea permezz tal-cable ta' Sqallija? Il-Koporazzjoni Enemalta għamlet studji dwar dan fl-aħħar erba' xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le, li l-Bord tal-Viżitaturi tal-Ħabs fil-fatt irriżenja? Jekk fl-affermattiv, minn meta ġiet effettiva din ir-riżenja? Jekk saret din ir-riżenja, x'kienet/kienu ir-raġuni/jiet wara tali riżenja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li qed jiġi ffinalizzat il-proċess biex jinhatar Board tal-Viżitaturi ġdid wara li l-membri ta’ qabel ikunu ressqu uffiċjalment l-offerta tagħhom ta’ riżenja, bħal ma jsir fil-bidu ta’ kull leġislatura ġdida. Ninsab infurmat li s'issa kien biss ic-Chairman ta’ qabel li ressaq ir-riżenja tiegħu ftit taż-żmien ilu, minħabba xi deciżjonijiet meħudha mill-amministrazzjoni tal-Faċilita’ Korrettiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1829 u jassigura li Palm Street, Santa Marija Estate, Mellieħa terġa' tiġi ripristinata u mogħtija t-tarmak fl-iqsar żmien possibbli? Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li r-residenti ta' din it-triq kienu għamlu t-tarmak mal-wiċċ tat-triq minn flushom u din tkissret biex jgħaddu xi servizzi xhur ilu u kollox tħalla mħarbat.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Billi issa f'xi lokalitajiet l-iskema ta' l-ispiżjar ta' l-għażla tiegħek ilha li ġiet introdotta numru ta' xhur, jista' l-Ministru jagħti ndikazzjoni dwar jekk il-konsum tal-mediċini f'dawn il-lokalitajiet naqasx jew żdied?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li ma kienet tinżamm l-ebda informazzjoni dwar il-konsum individwali qabel ma ddaħlet l-iskema ta' l-Għażla Tiegħek.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li l-mobile unit tal-Bank tad-Demm huwa bil-ħsara? Għaliex ma jistax jintuża? Kemm huwa ppjanat li jdum ma jerġa' jirritorna fis-servizz għall-komunita'? Kemm-il borża demm inġabret permezz ta' dan il-mobile unit fis-sena 2007? Kemm ilu għat-tiswija u kemm ġejja tiswa din il-manutenzjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-mobile unit tal-Bank tad-Demm qed issirlu rinnovazzjoni sħiħa biex joffri aktar kumdita, ikun aktar awtonomu u jassigura l-kwalita tal-prodotti li jinġabru fih. Ix-xogħlijiet bdew f’Novembru 2007 u mistennija jitlestew sa l-aħħar ta’ Ottubru 2008. Hu mistenni li l-ispiża titla’ għal madwar 100,000 ewro.
Fis-sena 2007 inġabru 3,501 borża demm minn fuq il-
mobile unit
.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1212 u jgħid jekk isirx moniteraġġ ta' x'tip ta' annimali u bhejjem jidħlu minn barra l-pajjiż, f'Malta? Jista' jagħti lista ta' x'tip ta' annimali daħlu f'Malta u Għawdex bejn Jannar u Diċembru 2007?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li d-dħul ta’ annimali għall-kummerċ minn pajjiżi terzi kollha jkunu nklużi fi program Ewropej imsejjaħ TRACES. Din ir-reġistrazzjoni tasal qabel il-wasla tal-bhejjem. Fil-perjodu mitlub ma kienx hemm importazzjoni ta' bhejjem minn pajjizi terzi.
Il-movimenti ta’ annimali li jidħlu mill-Ewropa mhux bil-fors jkunu mdaħħla minn min ser jibgħathom fit-TRACES. Pero d-dħul tagħhom f’Malta jiġu rrapurtati u mdaħħla fl-Istatistika (NSO). Fil-perijodu msemmi t-tip ta’ annimali li daħlu f’Malta kienu; Żwiemel, Tiġieġ, Għawwietaq, Fniek, Rettili, Għasafar u Ħamiem.
Kien hemm ukoll dħul ta’ klieb u qtates li pero jiċċaqalqu permezz ta' sistema ta' passaporti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk huwiex minnu li se tiġi stabbilita skema bejn il-Ministeru u l-kunsilli lokali biex dawn ta' l-aħħar jamministraw ir-rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Interpellant li għadu qed jiġi evalwat kif l-aħjar li tiġi mwettqa din il-miżura.
Jista' l-Ministru permezz ta' l-ADT jieħu l-passi neċessarji biex ħdejn il-ground tal-football f'San Pawl il-Baħar (fejn id-daħla ta' Buġibba) jiġu nstallati pelican lights minħabba l-fatt li t-tfal li jattendu l-ground huma fil-periklu li jintlaqtu mill-karozzi li jgħaddu mill-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-traffic lights hija approvata minn naha tal-ADT u bħalissa qed jinħadmu l-istimi biex din tkun tista’ ssir.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1257 minkejja l-fatt li l-esportazzjoni ġiet liberalizzata fl-2004, jista' l-Ministru jagħti t-totali kkonċernati għaliex kieku jiġi aċċettat il-prinċipju msemmi fir-risposta, qatt ma ngħataw risposti dwar il-bejgħ ta' prodotti li jsir fil-Pitkalija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni dwar bejgħ mill- pitkalija, li taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-gvern, tirrigwardja prodotti mibjugħa minn hemmhekk għas-suq lokali. L-informazzjoni li qed tintalab dwar bejgħ ta’ patata tirrigwarda bejgħ li jsir minn individwi privati lill-entitajiet barranin u l-patata ma tgħaddix mis-sistema tal-pitkalija. Dawn it-transazzjonijiet għalhekk huma ta’ natura kummerċjali.
Pero, l-Onor Membru jista’ jirreferi partijiet mid-domanda tiegħu, lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex numru ta' globi li hemm ħdejn il-pitch tas-Sirens Aquatic Sports Club, li ilhom maqtugħa numru ta' xhur jiġu rranġati, għaliex qed iservu ta' nkonvenjent kbir għal dawk li jattendu din il-faċilita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li tlieta mill-arbli li hemm ħdejn il-pitch tas-Sirens Aquatic Sports Club huma responsabbilta' tal- Enemalta u ħa jiġu mibdula fil-jiem li ġejjin.
Rigward il-bqija tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għar-risposta li ġejt mogħti dwar pjanta li turi s-siti storiċi ta' San Pawl il-Baħar (three dimensional) li fiha rreferietni għall-MEPA, tista' l-Ministru tara li fil-fatt tagħti l-għajnuna ta' Heritage Malta biex din il-pjanta, li diġa' hija ppreparata minn volontarji, tiġi stampata u użata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex il-volontarji konċernati jagħmlu talba formali lill-Heritage Malta sabiex tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1146, li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u mistoqsija parlamentari 1410 li saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa qed jiġu riferuta lilu u jgħarrafni bil-pagamenti li għadda lill-PPP tal-landscaping matul dawn l-aħħar 3 snin, sena b'sena? Liema kienu l-proġetti li saru abbażi ta' dawn il-fondi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li jitneħħew wires antiki (saħansitra hemm wires tar-redifusion) li hemm fi 8, Paola Road Tarxien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-linji ta' l-Enemalta huma miġbuda skond is-sengħa u m'għandhomx għaliex jitneħħew.
Rigward il-bqija tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara każ ta' armla, li d-dettali tagħha qed jintbagħtu separatament, li qiegħda tgħid li qed tieħu pensjoni nieqsa? Tista' tiġi vverifikata din it-talba u l-armla tkun infurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew iċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa każ ta' anzjana ta' 73 sena, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tgħix weħidha u li xahrejn ilu talbet għal home helpu qalulha li sitt ġimgħat oħra se jagħtuha s-servizz, imma din għadha bla risposta minkejja ċ-ċertifikati mediċi kollha li għandha?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-applikazzjoni waslet għand id-Dipartiment fit-8 ta' April 2008 iżda kien hemm xi dokumenti nieqsa. Id-dokumenti kollha ġew ippreżentati lid-Dipartiment fit-23 ta' April 2008. Wara li saru il-proċeduri kollha biex tiġi analizzata l-applikazzjoni, il-każ tressaq quddiem il-Bord u ttieħdet deċiżjoni dwar l-għajnuna li ser tingħata lil din l-anzjana.
Jista' d-Dipartiment tat-Taxxi Nterni jieħu ħsieb li jagħti l-flus li huma dovuti lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-talba għar-revużjoni ta’ flus magħmula mill-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu mill-Onorevoli Interpellant, intlaqgħet u ser jintbagħtulha l-flus dovuti fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' food poison matul is-sena 2008? X'jiġri f'każijiet bħal dawn? Jittieħdu passi kontra l-istabiliment li tkun saret il-food poison minnu? Kemm kien hemm rapporti ta' food poison matul is-sena 2007 kollha? Kien hemm xi kawża komuni li kkawżat dan l-avvelinament? Kien hemm xi stabilimenti li ngħalqu minħabba f'hekk?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2008 sa l-aħħar ta’ Ġunju 2008 it-Taqsima tal Kontrol u Prevenzjoni tal-Mard fi ħdan id-Dipartiment ta’ Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard irċeviet 139 il-rapport ta’ avvelenament ta’ l-ikel.
F’kull każ jimtela kwestjonarju f’kollaborazzjoni mal-persuni koncernati. Tali każi jiġu nvestigati n’ kollaborazzjoni mad-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali, billi uffiċċjali ta’ dan id-Dipartiment jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post, isir rapport dwar l-iġiene u jekk ikun possibbli jittieħdu kampjuni ta’ fdalijiet ta’ l-ikel,
swabs
ta’ ħaddiema u makkinarju. Il-pazjenti jintalbu kampjun ta’ l-ippurgar u fejn ikun il-każ, jiġu eżentati mix-xogħol jekk dawn ikunu jaħdmu fil-maniġġ ta’ l-ikel. Fejn jinstabu nuqqasijiet, jinħarġu avviżi biex isir ix-xogħol immedjatament waqt li f’ċertu ċirkostanżi jittieħdu passi legali dwar kundiżżjonijiet partikulari. Kull każ jibqa jiġi segwit sakemm in-nuqqasijiet jiġu kollha rremedjati. Il-liġi f’każijiet fejn hemm riskju imminenti għas-saħħa tal-bniedem, tippermetti wkoll li l-post jingħalaq sakemm jitneħħa r-riskju, kif rikjest, skond il-liġi.
Mhux faċli li tipprova li avvelenament ta’ l-ikel kien minħabba tali stabbiliment. Ħafna drabi jista’ jkollok indikazzjonijiet fondati għalkemm mhux biżżejjed biex tieħu azzjoni legali, peress li ‘l-Att dwar is-Sigurta’ fl-ikel’ hija legislazzjoni Kriminali fejn irid ikollok provi bla ebda dubju biex tipprova l-każ. Ikun għalhekk li stabbilimenti jitresqu il-Qorti fuq nuqqasijiet li jinstabu waqt l-investigazzjoni jew fuq rizultati tal-kampjuni li jkunu ttieħdu w mhux speċifikament fuq avvelenament ta’ l-ikel.
Matul is-sena 2007 kien hemm 317-il rapport fuq avvelenament ta’ l-ikel. Ma kien hemm l-ebda kawża komuni, għalkemm f’ħafna mill-każi wara l-investigazzjoni, ġie stabbilit li l-kawża seta’ kien riżultat ta’ negligenza fid-dar u mhux minn stabbiliment speċifiku.
F’każ partikolari kien ingħalaq l-istabbiliment u ġie mressaq il-persuna responsabbli il-Qorti fuq riskju ta’ kontaminazzjoni minħabba l-kundiżżjoni ta’ l-istabbiliment u ngħatat xhieda kif seta kien konness ma’ avvelenament ta’ l-ikel. Il-każ għadu subjudiċe għalkemm il-post reġa’, infetaħ wara li ttieħdu il-miżuri u prekawzjonijiet neċessarji.