Legislature:
Category:
Reset
Active:

kontijiet li qed joħorġu l-Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed joħorġu f’mod haphazard anki għall-perjodi li jvarjaw peress li hemm kontijiet fejn l-ewwel kien hemm min ġie invoiced mill-24 ta' Awwissu 2011 sal-10 ta' Marzu 2012 biex ftit wara irċieva kont ta' xahar biss mill-11 ta' Marzu 2012 sat-13 ta' April 2012 meta l-konsumatur huwa regolari ħafna fil-ħlas lill-ARMS Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ngaħrraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.

ITS Campus — informazzjoni dwar il-perit

Question

Tista' l-Ministru tgħid min kien il-perit li tqabbad biex jiddisinja l-proposti l-ġodda tal-ITS Campus? Fejn hu mistenni jsir eżatt dan il-proġett? Kemm mistenni li jiġi jiswa? Meta mistenni li jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni? Sal-lum kemm tħallas il-perit?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada bil-periti tagħha ġiet fdata biex tieħu ħsieb il-proġett tal-kampus tal-ITS kif ukoll biex tagħti ir-rakkomandazzjonijiet tagħha sabiex tistabblixxi fejn huwa l-aħjar sit għall-dan il-kampus. Kif jiġi stabblit is-sit tingħata l-istima u jibda il-proċess għall-applikazzjoni tal-permessi mill-MEPA. Il-binja m’għandix tieħu aktar minn sentejn minn meta jinħarġu l-permessi neċessarji.

applikazzjoni tal-Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-Housing tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu in kwestjoni ġiet ipproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva fis-16 ta’ Mejju, 2012 u l-ispezzjoni se ssir fil-futur qarib.

Korp tal-Pulizija — applikazzjonijiet għall-surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-gradi ta' surġent fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar eżerċizzju? Kemm minn dawn kienu nisa, u kemm kienu irġiel? Kemm minn dawk li applikaw fil-fatt għaddew? Meta huwa mistenni li jilħqu dawn is-surġenti futuri u kemm hemm vakanzi li jridu jimtlew?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 130 membru tal-Korp tal-Pulizija, 42 nisa u 88 rgiel li applikaw għal promozzjoni għal Surġent skont l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet. Minn dawk li applikaw, kien hemm 3 applikanti li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom, 4 ma kienux eliġibbli, filwaqt li 5 applikanti ma għaddewx mill-interview. Infurmat ukoll illi fil-preżent dawk li għaddew mill-ewwel parti ta’ proċess ta’ għażla, qed jattendu lectures fl-Akkademja tal-Pulizija bi preparazzjoni għat-tieni parti ta’ proċess ta’ għażla li jikkonsisti f’eżamijiet bil-miktub. Dawn l-eżamijiet huma mistennija li jsiru f’Lulju li ġej u wara jimtlew dawk il-vakanzi li jkun hemm bżonn u li fil-preżent jammontaw għal 44.

Korp tal-Pulizija — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm vakanzi fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta' Mejju 2012, u kif kienu mqassma dawn il-vakanzi grad/grad?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-complement fid-Distretti u Taqsimiet fil-Korp tal-Pulizija jinbidel minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet in ġenerali tal-Korp.

Breathyliser Tests

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna saritilha l-breathyliser test fis-sena 2011? Kemm minn dawn is-sewwieqa kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Kemm minnhom irriżultaw li kienu qabżu l-limitu ta' alkohol stabbilit mill-Liġi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is sena l-oħra 184 persuna li sarilha l-breathalyser test. Dawn kienu 11 nisa u 173 rġiel. Minn dawn kien hemm 106 li rriżulta li kienu qabżu l-limitu ta' alkoħol stabbilit mil-liġi, filwaqt li kien hemm 48 li rrifjutaw jew kellhom test mhux komplut.
Leg 11 PQ #35035 Sitting 483 2012-05-29 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi kontratti u maħruġa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34057 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti lil din il-Kamra l-pożizzjoni attwali fl-aħħar ta' Marzu 2012 dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea attwalment kontratti u maħruġa (disbursed) skont il-priority axis taħt l-Operational Programmes 1 and 2, allokati lil pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għad-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni barranin li ġew arrestati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna barranija ġiet arrestata fis-sena 2011? Kemm minn dawn kienu maskili? Kemm minn dawk kienu feminili? Kemm minn dawn kienu minorenni? Liema kienet l-età tal-iżgħar persuna arrestata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra, kien hemm 774 persuna ta’ nazzjonalità barranija li ġiet arrestata mill-Pulizija. Minn dawn 672 kienu tas-sess maskil u 102 tas-sess femminil. Fost dawn kien hemm 17 li kienu minorenni, bl-iżgħar persuna ta' 14-il sena.
Leg 11 PQ #35037 Sitting 483 2012-05-29 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pulizija li qassmu d-dokumenti tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il pulizija ġie assenjat sabiex iqassam id-dokumenti tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f'Marzu 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' pulizija assenjati sabiex iqassmu d-dokumenti tal-votazzjoni bieb-bieb fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f'Marzu 2012 kien ta' 81 (wieħed u tmenin).

Naxxar — Triq Manuel Magri - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilità għal għoti ta' tarmac f'Triq Manuel Magri S.J. fin-Naxxar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mill-programm ta' toroq li jridu jinbnew mill-ġdid minn Transport Malta fis-sena 2012. Is-sejħa għall-offerti għal din it-triq ħarġet fit-18 ta' Mejju 2012.
Leg 11 PQ #35039 Sitting 483 2012-05-29 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Statistika ta' votanti fl-elezzjoni ġenerali

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tal-kummissjoni elettorali, jipprovdi statistika dwar kemm persuni (bejn l-età tat-18 u 30 sena) ħarġu jivvutaw fl-aħħar elezzjoni ġenerali? Kemm kien hemm persuni bejn l-età ta' 18 u 30 sena li kienu eleġibbli għal-voti? Jista' jipprovdi statistika dwar kemm persuni bejn l-età ta' 18 sa 30 sena ħarġu jivvutaw fl-aħħar elezzjoni mal-kunsilli lokali u kemm kien hemm persuni bejn l-età ta' 18 sa 30 sena li kienu eleġibbli għall-vot? Jista' jipprovdi statistika dwar kemm persuni bejn 18 u 30 sena ħarġu jivuttaw fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kemm kienu l-persuni bejn l-età ta' 18 sa 30 sena li kienu eleġibbli għall-vot?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni ta’ bejn l-età ta’ 18 u 30 sena, li kienu eliġibbli biex jivvotaw fl-elezzjoni ġenerali tal-2008, fl-elezzjoni għall-Membri Parlamentari Ewropej tal-2009 u fil-35 elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li saru fl-10 ta’ Marzu ta’ din is-sena kienu rispettivament ta’ 66,441, 66,888 u 38,911. Fir-rigward ta' informazzjoni dwar min attwalment ivvota, ninsab infurmat li, għalkemm il-Kummissjoni Elettorali żżomm statistika tan-numru totali ta’ votanti li jkunu vvotaw, maqsuma skont is-sess, ma żżommx statistika skont l-age group jew b’xi mod ieħor.

Investigazzjoni tas-serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk b'referenza għall-investigazzjoni tas-serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann, kienx hemm xi persuna jew persuni suspettati li ħarbu mill-pajjiż?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B'refernza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34951, ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm xi persuna jew persuni oħra suspettati li ħarbu mill-pajjż.

Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija — fondi u riżorsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żwiemel fit-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija? Jista' jgħid sena b'sena kemm ġew dedikati fondi u riżorsi għal din it-taqsima?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent it-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija għandha 18-il żiemel. Matul is-sena 2008 kienu nxtraw sitt żwiemel minn Franza u kien inxtara karru bil-kapaċita' li jġorr żewġ żwiemel, filwaqt li fis-sena 2010 kienu nxtraw 20 riding helmets, 20 par riding boots u 20 jodhpurs. Matul is-sena l-oħra din it-Taqsima ġiet mogħtija van għal-użu tagħha, filwaqt li matul din is-sena s’issa, inxtraw 20 saddlecloths, kif ukoll flourescent horse rugs u flourescent horse boots li jservu ta’ protezzjoni mill-elementi kif ukoll ta’ għajnuna viżwali għal fejn ikun hemm nuqqas ta’ dawl. Dan ovvjament barra l-ikel u affarjiet oħra meħtieġa ta’ kuljum għaż-żamma ta’ din it-Taqsima. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 18-il membru tal-Korp stazzjonati f’din it-Taqsima.

Korp tal-Pulizija — taqsima tal-klieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investiment sar sena b'sena fl-aħħar erba' snin fit-Taqsima tal-Klieb fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2009, diversi membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fil-Ġermanja, ir-Rumanija u l-Litwanja. Fis-sena 2010 kienu nxtraw 9 klieb mill-Ingilterra u kien ukoll inġieb instructor mill-Ingilterra li ta' taħriġ lill-membri ta’ din it-Taqsima għal 3 xhur, filwaqt li żewġ membri tħarrġu u kwalifikaw bħala instructors fit-taħriġ tal-klieb. Matul l-istess sena din it-Taqsima ngħatat ukoll van u anke nxtraw diversi ċineg, filwaqt li għal darb’oħra membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fir-Rumanija. Matul is-sena l-oħra kien sar tibdil fl-uniformi tas-sajf sabiex il-patrol fuq ix-xtajtiet isir b’aktar kumdita' filwaqt li aktar membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fil-Polonja, is-Slovenja, il-Ġermanja u r-Rumanija. Matul din is-sena, s’issa, din it-Taqsima ngħatat 24 portable radio ġdid, filwaqt li reġgħu nxtraw aktar ċineg. Dan ovvjament barra l-ikel u affarjiet oħra meħtieġa ta’ kuljum għaż-żamma ta’ din it-Taqsima.

Persuna li tokkupa kariga f'dipartiment jew ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament x'kariga okkupa f'dipartimenti jew ministeri li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministru? Għal liema perjodu? Jista' jgħid teżistix relazzjoni ta' konsagwinità jew affinità bejn il-Ministru u l-persuna msemmija? F'liema grad?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li għaliha qed jirreferi jokkupa l-kariga ta' konsulent u ma teżisti ebda relazzjoni ta' konsagwinita' jew affinta' bejni u l-persuna msemmija.

Korp tal-Pulizija, ingaġġ ta' pulizija ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2010 u fis-sena 2011 rispettivament: a) kemm ġew ingaġġati pulizija ġodda fil-Korp; u b) kemm telqu membri mill-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2010 u 2011 ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija 131 u 93 persuna rispettivament. Matul is-sena 2010 spiċċaw mill-Korp 59 membru, filwaqt li matul is-sena l-oħra spiċċaw 88.

persuni akkużati bi vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'vjolenza domestika? Jista' jgħid il-pulizija kemm-il rapport ta' vjolenza domestika investigat? Jista' jgħid minn dawk imressqa kemm ġew liberati, kemm għandhom pendenti u kemm instabu ħatja u x'kienu l-pieni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: Kazi ta’ vjolenza domestika 2008 2009 2010 2011 2012 Persuni mressqa l-Qorti 752 651 720 1010 406 Persuni misjuba hatja 114 51 99 134 32 Persuni liberati 119 101 81 136 40 Persuni dikjarat procediment ezawrit 519 499 540 740 271 Persuni li l-kaz ghadu pendenti Xejn Xejn Xejn Xejn 63 Għar-rigward il-pieni mogħtija, dawn kienu jinkludu priġunerija, sentenza ta’ priġunerija sospiża, multa, ordni ta’ protezzjoni, probation, ordni ta’ trażżin, ordni ta’ trattament, liberazzjoni kundizzjonata, ċanfira jew twiddiba u garanzija.

Mosta — ħwienet tal-logħob

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34436, jista' l-Ministru jinvestiga kif fil-Mosta ħarġu l-permessi mill-awtorità kompetenti għal żewġ ħwienet tal-logħob li qegħdin fil-viċinanza ta' inqas minn 75 metru ta' każin tal-banda li skont il-leġislatura regolatorja fuq dan is-settur tistipula li ħwienet tal-logħob ma jistgħux ikunu fil-viċinanza ta' special schools peress li l-Ministru kien ta lil min jifhem li każini tal-banda għandhom ikunu kkonsidrati bħala special schools fejn it-tfal u żgħażagħ ikunu qed jiffrekwentaw dawn il-postijiet biex jitgħallmu l-mużika? Jista' l-Ministru jara li dawn il-permessi jkunu mwaqqfa immedjatament u meħuda lura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngaħrraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.

rapport tal-bord tal-inkjesta dwar il-Forensic Unit

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-bord tal-inkjesta li twaqqaf lejn nofs is-sena 2011 u li kkonkluda x-xogħol lejn l-aħħar tal-istess sena, dwar il-Forensic Unit?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi r-rapport imsemmi wasal għal diversi konkluzjonijiet u għamel diversi rakkmandazzjonijiet li d-dipartiment qiegħed fil-proċess li jwettaq.