Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żgħażagħ taħt it-18-il sena li jsuqu vetturi/muturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu żgħażagħ taħt it-18-il sena jsuqu vetturi/muturi matul is-sena 2007? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-liċenzja tal-mutur taħt l-100cc hijiex se titniżżel għall-eta' ta' 16-il sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena li għaddiet, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 23 persuna taħt it-18-il sena talli saqu vettura mingħajr ma kellhom il-liċenzja tas-sewqan. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-aħħar parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Postijiet Projbiti mit-Tipjip

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nies weħlu ċitazzjonijiet għax mhux suppost kienu qed ipejpu f'postijiet projbiti mit-tipjip? Kemm tiswa' ċitazzjoni meta tinqabad tpejjep f'postijiet fejn ikun projbit li tpejjep u tkun qed tagħmel dan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab unfurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 1085 persuni li nqabdu jpejpu fejn it-tipjip huwa projbit. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Karmra l-informazzjoni bi tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija.

Rapport tal-BAAI

Question

B'riferenza għar-rapport tal-BAAI li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra xi jiem ilu, billi hemm nota li xi ħadd għadda siltiet minn gazzetti kontra r-regoli, jista' l-Ministru jgħid lil min (mhux ismijiet) għadda dan ir-rapport qabel wasal il-Parlament ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jispiega li jekk ma jixtieqx jisma ismijiet, kif jixtieq li tkunlu kommunikata t-tweġiba li jixtieq?

Serq ta' vejikoli bil-mutur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm insterqu vejikoli bil-mutur din is-sena? Kemm minn dawn instabu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena ġew irrapurtati 195 vettura misruqa lill-pulizija, filwaqt li matul l-istess perjodu nstabu 96 vettura minn dawk li kienu ġew irrapurtati nieqsa.

Immigranti Illegali mressqin l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu immigranti illegali l-Qorti s-sena l-oħra u din is-sena? Għal xiex tressqu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra u matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kien hemm 14 l-immigrant illegali li tressaq quddiem il-Qorti fuq diversi akkużi fosthom ħrib u attentat ta’ ħrib u ksur ta’ bon ordni.

Persuni Barranin mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni barranin il-Qorti s-sena l-oħra u din is-sena u għaliex? Ta' liema nazzjonalita' kienu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Interpellant.Ninsab infurmat li bejn Jannar tas-sena l-oħra u Ġunju ta’ din is-sena, il-pulizija ressqet 507 persuna ta' nazzjonalita barranija quddiem il-Qorti. Fost in-nazzjonalitajiet kien hemm dawn il-pajjiżi: Alġerija, Awstralja, Belarus, Bulgarija, Cameron, Chad, Ċina, Kolombja, Kroazja, Eġittu, Eritreja, Etjopja, Franza, Ġermanja, Ghana, Ingilterra, Irlanda, Islanda, Italja, Kosta ta’ l-Ivorju, Gappun, Kazakstan, Liberja, Libja, Litwanja, Maċedonja, Marokk, Niġerja, Palestina, Panama, Filippini, Polonja, Rumanija, Russja, Senegal, Serbja, Skozja, Slovakkja, Slovenja, Somalja, Spanja, Stati Uniti, Sudan, Svezja, Sirja, Tunez, Turkija, Ukranja, Jugoslavia u Wales. L-akkużi kienu jinkludu, fost oħrajn, omiċidju, serq, offi¿a fuq il-persuna, frodi u falsifikazzjoni, pussess/traffikar ta' droga, theddid u inġurji, reżistenza fuq uffiċċjali pubbliċi, ħsara volontarja, offiżi sesswali, ħrib minn post ta’ kustodja, ksur tal-liġi tad-Dwana u tal-VAT u ksur tal-liġi ta' l-Immigrazzjoni.

MIDI

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1372,1159 u 933 u jgħid kemm kien l-ammont ta' flus f'bolol li ħallset il-kumpanija MIDI mal-iffirmar tal-kuntratt mal-Lands Department?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 933.

Budget allokat għat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1374 u 1091 u jgħid kemm mill-budget allokat għat-toroq ġodda u għal irranġar ta' toroq għas-sena 2008 ġew komessi? Kemm tħallsu u x'baqa' x'jitħallas? Kemm hemm penalitajiet għal xogħol li sar ħażin jew tard?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1091.
Leg 11 PQ #1672 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Interim From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Blata l-Bajda — Public Convenience

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-public convenience li hemm Blata l-Bajda taħt il-kioskjiġu mnaddfa għax hemm abbandun totali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Unjoni Ewropea — Proġetti tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1375 u1093 u jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus li s'issa rċeviet Malta mill-Unjoni Ewropea? Kemm minn dawn il-flus kienu għal proġetti tal-Gvern u kemm għal individwi jew organizazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1674 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtoritajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1373, 1163 u 905 u jgħid kemm hemm awtoritajiet? Liema huma? Kemm nies kienu jimpjegaw fl-1 ta' Jannar 2008 u kemm fl-1 ta' April, 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1664.

Kumpanija MIDI

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 1396 u 1052, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm huwa t-total ta' art li ngħatat il-kumpanija MIDI u kemm minn din l-art kellha tinbena ma' l-iffirmar tal-kuntratt oriġinali? Kemm-il darba ġie emendat dan il-kuntratt u x'kundizzjonijiet ġodda ġew introdotti fuq il-kuntratt oriġinali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1685 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bajja tax-Xemxija

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li l-MTA tikkonsidra l-possibilita' li l-bajja tax-Xemxija wara l-breakwtaer tal-Veċċja tiġi żviluppata f'bajja bir-ramel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Malta Tourism Authority diġà qed tikkunsidra attivament li l-bajja tax-Xemxija tiġi rijabilitata. Dan is-sit hu wieħed minn ħamsa fiż-żona ta’ San Pawl il-Bahar / Buġibba / Qawra li qed ikunu studjati għal dan il-għan.
Leg 11 PQ #1687 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Petrol Stations

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' petrol stations li hemm applikati quddiem il-MEPA preżentament? Fejn jinsabu? Kemm petrol stations oħra ġew approvati mill-MEPA matul l-2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha tmintax-il (18) applikazzjoni għal petrol stations ġodda jew relokazzjoni ta’ petrol stations eżistenti. Matul is-sena 2007, il- MEPA m’approvat l-ebda petrol station ġdida u l-ebda relokazzjoni ta’ petrol station eżistenti. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni mitluba.

Avukat ta' fiduċja waqt l-interrogazzjoni ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jiskatta l-liġi li tagħti d-dritt lill-persuna arrestata li jkollha l-assistenza ta' avukat ta' fiduċja tagħha waqt l-interrogatorju?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' ġie dikjarat, huwa għaqli li f'dan l-istadju wieħed jistenna l-eżitu ta' l-Inkjesta Pubblika mnedija fid-29 ta' April 2008 qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq id-dħul fis-seħħ tal-artikoli 355AT, 355AU, paragrafi (b) u (ċ) tas-subartikolu 2 u s-subartikolu (3) u (4) ta' l-Artikolu 355AX u l-Artikolu 355AZ ta'-l-Artikolu 74 ta' l-Att III ta' l-2002.

White Paper dwar l-Introduzzjoni tal-Parole

Question

Jista' l-Ministru jekk hux beħsiebu fi żmien qasir joħroġ White Paper jew jagħti proposti dwar l-introduzzjoni tal-parole f'pajjiżna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma neċessarja sabiex il-parole tifforma parti mis-sistema ġudizzjarja qed issir u ma huwiex eskluż li jkunu hemm White Paper fuq is-suġġett.

Avukat Ġenerali — Kawżi farmed out

Question

Peress illi ftit snin ilu wara ir-riorganizzazzjoni ta' l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali l-istess Avukat Ġenerali ngħata d-dritt li jagħmel farming out ta' kawżi, jista' l-Ministru jgħid jekk attwalment l-istess Avukat Ġenerali huwiex jużufruwixxi minn dan id-dritt u jekk fl-affermattiv jagħti dettalji ta' kemm kawżi ġew hekk farmed out?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda kawża li ġiet farmed out mill-Avukat Ġenerali.

Kummissarji għall-Ġustizzja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Kummissarji għall-Ġustizzja, min huma u kemm qed jiswew flus wieħed wieħed lill-Gvern bħala salarji u jagħti spjega b'liema rati dawn jitħallsu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Intepellant fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #1696 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunali Lokali — Prosekuturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm prosekuturi quddiem it-tribunali lokali, min huma u kemm qed jiswew flus lill-Gvern wieħed wieħed bħala salarji u jagħti spjega b'liema rati dawn jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm għaxar prosekuturi kif imniżżlin fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-ħlas ta’ dawn l-uffiċjali ma jsirx mill-Gvern iżda mill-Kumitati Konġunti rispettivi skond l-offerta li tkun ingħatat minnhom.