Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun lesta t-triq maġġura ta' maġenb l-istadium f'Għawdex? Jista' jgħid għaliex infetħet għat-traffiku meta din it-triq għadha mhix lesta? Għaliex inżebgħat bis-sinjali tat-traffiku meta wiċċ it-triq għadu ma sarx?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Triq l-Imġarr li tinsab quddiem l-istadium f'Għawdex huwa pjanat li tkun lesta sal-aħħar ta' Lulju 2012 / bidu ta' Awwissu 2012. Din it-triq infetħet għat-traffiku fuq base course biex tintuża temporanjament bħala rotta alternattiva sakemm ikunu qed isiru ix-xogħlijiet f'partijiet oħra tal-istess proġett. Il-linji u s-sinjali tat-traffiku temporanji nżebgħu fuq dan il-wiċċ bħala miżura ta' sigurta għat-traffiku u sabiex jiġi llimitat l-lok għall-abbuż.
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk dawn il-kumpaniji sussidjari tal-MCAST hux qed joperaw bi profitt, u jekk qed jagħmlu qligħ x’qed isir minnu? Tista' tikkonferma jekk id-diretturi jew persuni f’karigi għolja f’dawn il-kumpaniji jew entitajiet humiex jieħdu parti mill-profitti jew qligħ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont ir-rapporti finanzjarji awditjati għall-perjodu li għalaq fil-31/12/09 u għas-sena li għalqet fil-31/12/10 il-kumpanija sussidjarja tal-MCAST, l-MCAST Gateway to Industry Ltd kellha profitt. Il-profitti kollha jiġu ttrasferiti fir-riservi tal-kumpanija. Qatt ma sar tqassim ta’profitti lid-diretturi jew persuni oħra f’karigi għolja f’din il-kumpanija.
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk dawn il-kumpaniji jew entitatjiet sussidjari tal-MCAST, kemm ilhom imwaqqfa kenux suġġetti għall-multi jew penali mid-Dipartimenti tat-Taxxa jew tal-VAT?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qegħda titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni fuq is-salarju kif ukoll kull kumpens finanzjarju inkluż fringe benefits, allowances, ħlas jew kwalunkwe kumpens finanzjarju jew ta’ xorta oħra li għandhom dawn il-persuni fl-MCAST:
a) Iċ-Chairman tal-Board of Governors tal-MCAST; u
b) Membri ohra tal-Board of Governors tal-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Minstru tgħid jekk tinżammx attendenza tal-laqgħat tal-Board of Governors tal-MCAST? Jekk tinżamm attendenza, tista' tingħata l-attendenza tal-membri preżenti tal-bord mid-data tal-appointment tagħhom sal-lum? Jekk ma tinżammx attendenza, tista' tingħata raġuni l-għala ma tinżammx?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-Minuti ta’ kull seduta tal-laqgħat tal-Bord tal Gvernaturi titniżżel l-attendenza.
Dawn huma l-attendenzi tal-Membri tal-Bord mill-02.11.10, l-ewwel seduta minn meta nħatar il-President il-ġdid tal-Bord.
Joseph Farrugia 100%
Tonio Portughese 75%
Helga Ellul 94%
Phyllis Farrugia 81%
Michael J Mallia 56%
Jonathan C Borg 81%
Anne Marie Callus 88%
Sue Vella 81%
Francis Fabri 69%
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-karigi u rimunerazzjoni - inkluż kull salarju, kumpens, allowance, fringe benefits u benefiċċji ta’ kull xorta li għandhom il-persuni, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament fl-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tinforma jekk fl-MCAST hemmx impjegati kemm fuq bażi full-time jew part-time jew li qed jagħtu xi forma ta’ servizz bi ħlas jew kwalunkwe kumpens li huma qraba ta’ dawn il-persuni, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament fl-Amministrazzjoni tal-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Hemm biss każ wieħed fejn instab li hemm impjegata li hija qariba ta’ wieħed mill-persuni msemmija fl-istess mistoqsija. Dan kien każ partikolari ħafna, fejn għalliema tal-Kulleġġ waqfet taħdem minħabba leave tal-maternita’ fl-aħħar 10 ġimgħat ta’ din is-sena akkademika.
Meta nħolqot din il-ħtieġa, il-Kulleġġ analizza l-lista tal-għalliema kollha li wieġbu għas-sejħa għal applikazzjonijiet li nħarġet pubblikament biex jinstabu għadd ta’ għalliema ‘part-time’ f’suġġetti differenti. Madankollu, l-uniku wieħed minnhom li seta’ jagħti sigħat ta’ xogħol matul il-ġurnata (fil-ħinijiet tal-lezzjonijiet tal-korsijiet ‘full-time’) fis-suġġett involut, ikkonferma fl-applikazzjoni tiegħu li ma kellux l- esperjenza meħtieġa fit-tagħlim tas-suġġett involut.
Meta kien konfermat li ħadd minn dawk li applikaw ma seta’ jiġi impjegat għal dan it-tagħlim, ġew avviċinati xi persuni li għandhom ir-rekwiżiti neċessarji għal din il-ħidma temporanja fil-ħinijiet meħtieġa. Kien hawnhekk li ġiet avviċinata l-persuna imsemmija, li hija għalliema irtirata b’esperjenza kbira fis-suġġett, biex fuq insistenza tal-Kulleġġ tagħti dawn il-lezzjonijiet sakemm tispiċċa s-sena akkademika u b’hekk l-istudenti ma jiċċaħdux mit-tagħlim li kellhom bżonn biex itemmu s-sillabu tagħhom fil-ħin u joqogħdu għall-ezamijiet tal-aħħar tas-sena.
L-impjieg ‘part-time’ temporanju ta’ din il-persuna jintemm fl-aħħar ta’ Ġunju, hekk kif tispiċċa s-sena akkademika.
Mcast Raħal Ġdid — Childcare Centre - numru ta' ommijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx aktar post fiċ-Childcare Centre li hemm fl-Mcast Raħal Ġdid minħabba li hemm numru ta' ommijiet fl-istaff ta' l-Mcast stess li għadhom qed jistennew li jkunu nklużi t-tfal tagħhom u qed jingħad lilhom li ma jistax isir dan minħabba li m'hemmx staff biżżejjed?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Iċ-‘Childcare Centre’ tal-MCAST għandu l-kapaċita’ li jżomm sa 25 tfal, kull siegħa. Normalment, dan l-ammont ikun biżżejjed biex jilqa’ għad-domanda ta’ staff u studenti li jkunu jixtiequ jużaw dan is-servizz. Madankollu, ftit taż-żmien ilu kien hemm żewġ ‘child care assistants’ li ma baqgħux jaħdmu f’dan iċ-Ċentru, u sakemm jiġu ngaġġati żewġ impjegati oħrajn, inħass il-bżonn li temporanjament jitnaqqas l-ammont ta’ tfal li ċ-Ċentru jista’ jilqa’. Dan sar biex jiġi żgurat li t-tfal jibqgħu jingħataw l-aħjar attenzjoni possibli. Għaddejja ħidma biex l-ingaġġ tal-impjegati jsir malajr kemm jista’ jkun biex dan is-servizz jerġa’ lura għan-normal mill-aktar fis possibli.
Billi l-latrina pubblika f'Misraħ il-Bajja Bugibba ilha magħluqa aktar minn 4 snin u billi ukoll dalwaqt jibda l-istaġun tas-sajf fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jara li immedjatament tiġi rispettatat talba tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar sabiex din il-latrina tgħaddi lill-kunsill ħalli titranġa bla aktar telf ta' żmien?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.
Billi l-latrina pubblika f'Misraħ il-Bajja Buġibba ilha magħluqa aktar minn erba' snin u billi ukoll dalwaqt jibda l-istaġun tas-sajf fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jara li immedjatament isir il-kordinament meħtieġ bejn il-Ministeru u l-Lands Department sabiex tiġi rispettatat talba tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar sabiex din il-latrina tgħaddi lill-kunsill ħalli titranġa bla aktar telf ta' żmien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Billi l-latrina pubblika f'Misraħ il-Bajja Bugibba ilha magħluqa aktar minn 4 snin u billi ukoll dalwaqt jibda l-istaġun tas-sajf fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jara li immedjatament tiġi rispettatat talba tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar sabiex din il-latrina tgħaddi lill-kunsill ħalli titranġa bla aktar telf ta' żmien?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor Membru illi lattrini pubbliċi ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru għaldaqstant nitolbu biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34448 u jgħid liema awtorità hija responsabbli biex tagħmel is-sinjali tat-toroq kif ukoll il-kaxxi l-bojod u s-sofor li fihom jipparkjaw il-karozzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-linji kollha tal-karreġġjati u kaxxi ta’ parkeġġi fit-toroq, sewwa jekk bojod kif ukoll sofor, jiġu mplimentati għall-ewwel darba minn Transport Malta. Sussegwentament, il-manteniment tal-linji tal-karreġġjata u kaxxi ta’ parkeġġ fuq toroq arterjali u distributorji jsir mill-istess Transport Malta u l-manteniment ta’ tali linji u kaxxi fuq it-toroq l-oħrajn kollha jsir mill-kunsilli lokali rispettivi.
Jista' l-Ministru jara li jinħareg iċ-ċekk tar-relief ta' missier b'erbat itfal li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu kif għamel operazzjoni u jinsab bla ebda dħul?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Inteprellant li l-persuna ndikata minnu giet infurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l- Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u ilma tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu ma joħroġ madwar sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31739 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni ta' kemm qed jiswew lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar l-uffiċċji taċ-chairman, tas-CEO u tal-erba' diretturi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-gradi, il-paga, il-perkaċċi u l-overtime li tħallsu lil kull impjegat f'dawn l-uffiċċji? Tista' din l-informazzjoni tkun maqsuma sena b'sena mil-1998 sal-lum u tingħata spjegazzjoni ta' kif telgħu l-ispejjeż fuq kull individwu?
Response (DEMARCO, MARIO)
Infurmat illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara għaliex l-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kellha 4 siegħat sevizz ta' home help, issa naqsulha dan is-servizz għal 3 siegħat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma kellha 4 siegħat fil-ġimgħa approvati. Din il-klijenta kienet approvata sagħtejn fil-ġimgħa fl-10 ta' Lulju 2007 u fuq talba tagħha stess il-Bord ta' Allokazzjoni fl-24 ta' Awissu 2010 approva siegħa fil-ġimgħa addizjonali. Għaldaqstant fil-prezent din il-klijenta qed tibbenefika minn 3 siegħat fil-ġimgħa.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal- Kamra lista dettaljata tas-sejħiet għall-offerti li saru mill-bidu ta' din is-sena, inkluż in-numru tas-sejħa, għall-proprjetajiet tal-gvern biex jingħataw b'kera, lista ta' dawk li saru għal għotjiet b'ċens u lista ta' dawk is-sejħiet li saru għal bejgħ ta' proprjetà tal-gvern? Jista' jgħid kemm fil-fatt minn dawn il-proprjetajiet ġew mikrija, mogħtija b'ċens jew mibjugħa, lil min u għal kemm?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex jopera l-equipment il-ġdid li ġie investiet fl-Isptar Boffa, liema equipment, l-Ministru qal li se jiswa €1.3 miljun, u li huwa maħsub li jagħti 4 tipi ta' trattamenti u li b'hekk kien se jikkonsolida l-informazzjoni medika tal-pazjenti, bħal CT Scans, 3D image għat-tumuri u jassigura li l-x-ray jingħata b'aktar preċiżjoni u b'intensità għola? Jekk beda jopera, kemm pazjenti ġew ittratti b'dan l-equipment sal-lum?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-apparat ta’ treatment planning stations beda jintuża u sa issa saru sebgħin plan għal sebgħin pazjent biex ikunu jistgħu jagħmlu t-trattament fuq l-linear accelerators.