Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni reġistrati bħala editur jew aġent editur tal-gazzetta "Il-Mument" mid-9 ta' Lulju, 1972 'l hawn u l-perjodu li damu f'din il-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid, sena b'sena, mit-twaqqif tal-kunsilli lokali fl-1993 'l hawn, x'kienu l-funzjonijiet, ir-responsabilitajiet eċċ li ngħataw? Hemm il-ħsieb li l-kunsilli lokali jingħataw xi funzjonijiet, responsabbiltajiet eċċ oħra? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma u meta se jingħatawlhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Intepellant illi mat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, ir-responsabbilitajiet elenkati f’Artikolu 33 ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali ġew mgħoddija lill-Kunsilli Lokali fuq medda ta’ tlett snin.
Barra minn hekk, matul iż-żmien żdiedu ukoll dawn il-funzjonijiet:
· Id-delega lill-Kunsilli Lokali ta’ l-infurzar ta’ kontravenzjonijiet relatati ma’ vetturi bil-mutur (Avviż Legali 128 ta’ l-1994);
· Id-delega tal-funzjoni li l-Kunsilli Lokali jiġbru, f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija, il-ħlas għat-tiġdid tal-liċenzji tal-Pulizija (AL 204 ta’ l-1996);
· L-introduzzjoni ta’ l-infurzar lokali ta’ kontravenzjonijiet bl-użu tas-servizzi ta’ Gwardjani Lokali (b’effett mill-1999);
· Il-kisi jew l-asfaltar tal-mogħdijiet u toroq, li ma jinkludux ir-rikostruzzjoni tagħhom (emenda fil-liġi li saret permezz ta’ l-Att XXI ta’ l-1999);
· Id-delega lill-Kunsilli Lokali ta’ l-infurzar tal-Bye-Laws (AL 32 ta’ l-2000);
· Id-delega ta’ l-infurzar dwar sinjali tat-traffiku (A L 32 ta’ l-2000) ;
· Id-delega ta’ l-infurzar relatati ma’ żibel u skart (AL 32 /2000);
· Id-delega ta’ l-infurzar relatati ma’ l-assentiżmu tat-tfal minuri mill-iskola (AL 32/2000);
· Id-delega ta’ l-infurzar relatati ma’ l-użu taċ-ċintorin tas-sigurezza (seat belt) (AL 32/2000);
· Id-delega ta’ l-infurzar relatati ma’ l-kontroll tal-klieb (AL 242/2000);
· Il-fakultà li kull Kunsill li jkun irid japplika l-Bye-Laws li jirregolaw it-tqegħid ta’ skips m’għandhomx il-ħtieġa li jagħmlu Bye-Laws partikolari iżda japplikaw il-Bye-Laws maħruġa b’mod ġenerali (AL 241/2000);
· Delega lill-Kunsilli Lokali għat-twaqqif u bdil tal-bus shelters u l-manutenzjoni tagħhom (AL 292/2001);
· Skemi ta’ ipparkjar kontrollat (controlled parking schemes) – 2001;
· Permessi li jinħarġu mill-Kunsilli Lokali għal attivitajiet fil-lokalitajiet tagħhom, fosthom (AL 119/2002):
§ Permessi għal kiddy ride machines u makni tal-bejgħ awtomatiċi;
§ Id-depożitu ta’ materjal tal-bini u materjal ieħor;
§ Id-depożitu jew użu ta’ krejn jew makkinarju goff;
§ Permessi għat-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet biex jingħata servizz ta’ ikel u xorb f’xi ġurnata jew ġranet speċifiċi (eż. festi, karnival, eċċ);
§ Twaqqif ta’ xi posta jew kjosk f’xi ġurnata jew ġranet speċifiċi;
§ Divertiment okkażjonali (eż tombla, fiera, esebizzjoni, logħob żgħir) f’xi ġurnata jew ġranet speċifiċi;
§ Delega tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni relatati ma’ kummerċ minn xi post jew xi suq fil-beraħ
· Delega tal-permessi relatati mal-ftuħ tal-uċuħ tat-toroq (AL 313/2002);
· Delega lill-Kunsilli Lokali dwar stallazzjonijiet u manutenzjoni tat-tidwil tat-toroq (AL 114/2002);
· Żieda mad-delega ta’ l-infurzar lokali, li permezz tagħha Gwardjan Lokali jista’ waqt xi attività jew okkażjoni partikulari li għaliha jkun inħareġ permess jew f’ċirkostanzi ta’ emerġenza, jikkontrolla, jidderieġi u jagħti kull ordni xierqa lil sewwieqa ta’ vetturi (AL 256/2002);
· Delega lill-Kunsilli Lokali, li fuq bażi volontarja, jagħmlu kuntratt ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ toroq għan-nom tal-Awtorità tat-Trasport (li għaliha dawn il-Kunsilli Lokali ingħataw is-somma ta’ Lm75,000 fuq medda ta’ 3 snin) – 2003;
· Id-delega ta’ kklampjar u tneħħija ta’ oġġetti ta’ ingombru (inklużi vetturi abbandunati u dawk li l-liċenzja tagħhom ma tkunx tħallsitilha liċenzja ta’ triq għal xi sena meta din tkun skadiet b’aktar minn 3 xhur) mill-Kunsill Lokali b’żieda mal-funzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija (AL 405/2003);
· Restrizzjoni ta’ dħul tal-vetturi fl-Imdina, liema delega ngħatat lill-Kunsill Lokali Mdina minflok il-Kummissarju tal-Pulizija (AL 359/2004);
· Id-delega ta’ l-infurzar lill-Kunsilli Lokali dwar it-tqegħid ta’ billboards fit-toroq (AL 518/2004);
Il-Kunsilli Lokali, permezz ta’ arranġamenti amministrattivi ngħatatilhom ukoll il-fakultà li:
· Jitolbu għad-devoluzzjnoi ta’ l-amministrazzjoni ta’ proprjetà pubblika b’titolu legali maqbul bejn il-Kunsill Lokali partikulari u d-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Dan sar possibbli permezz tal-Policy dwar “Devoluzzjoni Lokali” li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Marzu 1999 permezz ta’ ċirkulari maħruġa lill-Kunsilli Lokali kollha (Memo 24/1999). Din il-policy tagħti l-fakultà lil kull Kunsill Lokali li jitlob għall-amministrazzjoni ta’ proprjetà pubblika skond 3 kriterji prinċipali, u ċioe’, jekk il-proprjetà tkun:
·
i. Mitluqa u/jew mhux żviluppata
ii. Użata ħażin (misused) jew li tista’ tiġi żviluppata aħjar; jew
iii. B’xi mod relatata ma’ xi funzjoni tal-Kunsill Lokali skond il-funzjonijiet statutorji tal-Kunsilli Lokali (dawk stabbiliti fil-liġi tal-Kunsilli Lokali); u
· Jagħmlu arranġament mad-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji sabiex jamministraw Libreriji Reġjonali u Libreriji Friegħi.
Dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-Kunsilli Lokali jingħataw xi funzjonijiet u/jew responsabbilitajiet oħra, għadhom qed jidħlu l-proposti fid-dawl tar-riforma li qed isir fil-gvern lokali. Il-proċess għandu jiġi finalizzat lejn l-aħħar ta’ din is-sena fejn jiġi deċiż x’emendi u funzjonijiet ġodda, jekk ikun il-każ, għandhom jidħlu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu s-sindki tal-lokalitajiet kollha fejn hemm il-kunsilli lolaki mit-twaqqif tagħhom 'l hawn? Kemm dam kull sindku fil-kariga u f'isem liema partit kien elett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1800, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi s-Sindki ta’ kull Kunsill Lokali mit-twaqqif tagħhom sal-lum u f’isem liema partit kienu eletti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi trasferiment ta' proprjetà tal-Gvern saret lill-kunsilli lokali? Xi proprjetà ngħatat? X'kien l-użu tagħha (jekk fil-fatt kienet qed tiġi użata)? Lil liema kunsill lokali ngħatat u meta ngħatatlu? Hemm xi ħlas fuqha u għalxiex qed tintuża llum? Hemm xi talbiet għal xi trasferiment ta' proprjetà oħra? Xi proprjetà qed jitolbu? Liema huma dawn il-kunsilli lokali? Meta hemm il-ħsieb li jsir dan it-trasferiment? Il-kunsilli lokali li qed jitolbu tali proprjetà għalxiex se juzawha? Min-naħa tiegħu, il-Gvern għandu xi ħsieb li jittrasferixxi proprjetà tiegħu mhux użata jew mhux użata tajjeb lil xi kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi t-transferimenti jew id-devoluzzjoni ta’ proprjetà tal-Gvern li saret lill-Kunsilli Lokali. F’din il-lista hemm il-proprjetà li ngħatat, meta ngħatat u għalxiex qed tintuża. Nixtieq inżid li meta kienu ġew stabbiliti l-Kunsilli Lokali l-Gvern kien ħa wkoll ħsieb li jipprovdilhom il-bini ta’ l-uffiċċji minn fejn jiffunzjonaw.
Dwar talbiet pendenti għat-trasferiment ta’ proprjetà oħra qed inpoġġi fuq il-Mejda, Tabella B li fiha l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Id-Devoluzzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ propjetà pubblika lill-Kunsilli Lokali issir permezz ta’ ftehim ta’kiri, liema ftehim jiġi ffirmat mid-Direttur ta’ l-Artijiet, is-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kunsilli lokali ngħataw jew għandhom id-delega ta' amministrazzjoni, tmexxija jew ħarsien tal-librerija pubblika lokali jew regjonali? Meta kull kunsill lokali ingħata din id-delega? Hemm xi talbiet pendenti? Xi progress sar fejn ingħatat id-delega u x'inhi l-policy tal-Gvern f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-libreriji kollha, kemm dawk friegħi, kif ukoll dawk Reġjonali, li ġew devoluti lill-Kunsilli Lokali u bid-data ta’ meta seħħ dan.
Preżentament hemm interess mill-Kunsilli Lokali ta’ Santa Venera, Marsaxlokk u Ħal-Tarxien għad-devoluzzjoni ta’ libreriji.
Nixtieq inżid li d-Dipartiment għal-Gvern Lokali jalloka ammont ta’ flus kull sena speċifikament lill-Kunsilli Lokali, ħalli dawn ikunu jistgħu jintużaw għal dawn il-libreriji. Isiru ukoll donazzjonijiet ta’ kotba minn diversi entitajiet, inkluzi ambaxxati, għal-libreriji tal-Kunsilli Lokali.
Il-
policy
tal-Gvern hija dik li jappoġġa talbiet għat-twaqqif ta’ libreriji reġjonali jew friegħi. Id-Dipartiment tal-Libreriji jassisti f’għajnuna fl-ixkaffar kif ukoll fil-
mentoring
u l-ħlas tal-librara kif ukoll klassifikazzjoni tal-kotba. Hi wkoll il-
policy
tal-Gvern li l-libreriji lokali joffru faċilitajiet ta’
photocopying
u riċerka permezz ta’ l-
Internet
.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet, sena b'sena, l-allokazzjoni finanzjarja diretta u indiretta li ngħata kull kunsill lokali mit-twaqqif tagħhom 'il hawn? Hemm il-ħsieb li jinbidel il-mod ta' kif tinħadem l-allokazzjoni? Jekk fl-affermattiv, kif se tinħadem u minn meta?
Jista' l-Ministru jara jekk l-anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandux jieħu arretrati ta' meta kien jaħdem mal-Gvern Ingliż?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew iċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1417 u jagħti tagħrif dwar liema huma l-iskemi differenti li għalihom jistgħu japplikaw il-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi litteratura partikolari li tista' tingħata lil dawn is-setturi biex kulħadd ikun infurmat dwar dawn l-iskemi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Bħalissa l-unika skema li hemm miftuħa hija l-miżura Ad Hoc għar-raħħala u l-bdiewa full-time. Ma l-applikazzjoni hemm it-tagħrif kollu meħtieġ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk u meta l-gassijiet li qed/se jiġu jinġabru mill-engineered landfill taż-Żwejra/Magħtab se jibdew jintużaw biex dawk li joqogħdu fl-inħawi jibdew igawdu mill-enerġija pprovduta minn dawn il-postijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Interpellant li hu maħsub li l-enerġija tibda tiġi ġġenerata mill-engineered landfill għal ħabta ta’ l-aħħar ta’ din is-sena, din tintefa’ fuq il-grid nazzjonali.
Il-metodu kif ir-residenti li joqogħdu viċin l-inħawi jibdew jibbenefikaw minn din l-enerġija għadu qed jiġi diskuss u eventwalment jiġi mfisser.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' programmi ta' għajnuna qed jiġu kkunsidrati biex flimkien mal-kunsilli lokali jitfassal programm ta' bini ta' ħitan tas-sejjieħ fil-kampanja tagħna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-Mistoqsija Nru 1543
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għat-tkabbir, jew bini ġdid, ta' ċimiterji f'Malta u f'Għawdex? F'liema lokalitajiet huma ċ-ċimiterji li qed jiġu proposti li jiġu estiżi? Fejn hemm talbiet pendenti biex jinbnew ċimiterji ġodda, skond il-MEPA?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali, fi ħdan il-Ministeru għal Politika Soċjali, irċieva żewġ applikazzjonijiet għall-bini ta’ ċimiterji ġodda f’Malta. Waħda mill-applikazzjonijiet hija għall-bini ta’ ċimiterju f’Tar-Raddieni, Birkirkara u l-oħra għall-bini ta’ċimiterju ġdid f’Tal-Brija, limiti tas-Siġġiewi.
Dan id-Dipartiment qiegħed jistenna wkoll il-ħruġ tal-permess tal-MEPA sabiex ikun jista' jiżdied in-numru ta’ oqbra fiċ-ċimiterju Omm il-Hniena, fil-Mellieħa.
Applikazzjoni oħra li dan id-Dipartiment jaf li għadha trid tiġi kkunsidrata mill-MEPA, għaliex intalbu il-veduti tad-Dipartiment dwarha, hija l-applikazzjoni għat-tkabbir taċ-ċimiterju tal-Lhud fil-Marsa.
F’Għawdex, m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għall-bini ta’ ċimiterju ġdid jew għall-estensjoni ta’ xi ċimiterju eżistenti. Madankollu, ċimiterju ġdid qiegħed jinbena f’Għajn il-Qasab, fin-Nadur. Dan il-bini għadu fl-ewwel stadji. Għaddej ukoll ix-xogħol fuq l-estensjoni ta’ parti miċ-ċimiterju tal-parroċċa tax-Xagħra.
Għal aktar dettalji dwar xi applikazzjonijiet oħra pendenti li jista' hemm għall-konsiderazzjoni tal-MEPA, l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-accounts tal-Malta Drydocks mill-1967 - 1971 sena b'sena? Jista' l-Gvern jippubblika cabinet minutesand documents ta' aktar minn 30 sena ilu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2004,2005,2006 u 2007 kemm kien hemm impjegati barranin jaħdmu l-ħabs? Jista' jagħti dettalji dwar x'tip ta' kuntratti dawn ingħataw u r-raguni għaliex ġew hekk ngaġġati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda barrani jaħdem fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin matul is-snin 2004, 2005, 2006 u 2007.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid jekk l-kwestjoni dwar il-visas għat-turisti mill-Ukranja għadhiex kif kienet sa ftit tax-xhur ilu? Jekk iva, hemm xi ħsieb li dawn jitranġaw fix-xhur li ġejjin?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 772 waqt is-Seduta numru 18 tat-Tlieta, 17 ta' Ġunju 2008 liema Mistoqsija kienet tittratta l-istess suġġett.
Indipendentement mill-proċess ta' privatizzazzjoni li l-Gvern beħsiebu jniedi dwar it-Tarzna, ma jħossx l-Prim Ministru li huwa opportun li jordna inkjesta indipendenti dwar il-conversion contract tal-Fairmount fit-Tarzna ta' Malta?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28493 tal-leġislatura l-oħra li kienet ġiet mwieġba mill-Ministru ta' dakinhar responsabbli mill-MEPA, x'qed iżomm lill-MEPA milli tieħu l-passi meħtieġa dwar il-fond, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn allegatament qed jiġu akkomodati persuni barranin f'basement li dwaru suppost ittieħdet direct action, li jinsab taħt żewġ basements oħrajn?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kunsiderazzjoni finanzjarja li qed tadotta l-MEPA dwar riklamar fil-ġurnali? Jekk dawn inbidlu milli kienu sa ftit żmien ilu, meta nbidlu u meta ġew fis-seħħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità tippubblika żewġ tipi ta’ riklami fil-ġurnali, riklami li l-Awtorità hija marbuta legalment li tippubblika (kif speċifikat fl-Att dwar l-Ippjannar ta’ l-Iżvilupp) u riklami oħra li minn żmien għal ieħor l-Awtorità tippubblika bħala parti minn xi kampanja ta’ informazzjoni.
L-ewwel tip ta’riklami huma direttament marbuta ma’ l-avviż ta’ l-applikazzjonijiet il-ġodda ta’ l-iżvilupp li l-Awtorità tirċievi ta’ kull ġimgħa. Dawn sa minn meta twaqqfet l-Awtorità ta’ l-Ippjanar sal-ġurnata ta’ llum dejjem ġew ippubblikati fil-gazzetta ta’ nhar ta’ Sibt
The Malta Independent
. F’Mejju tal-2007, l-Awtorità xtaqet tesplora l-possibilità li tibda tippubblika dawn l-avvizi f’gazzetta bil-Malti. Għalhekk l-Awtorità daħlet f’kuntratt mal-
Management
tal-gazzetta Illum għal perjodu ta’ sitt xhur. F’Ġunju 2008, l-Awtorità evalwat jekk dan l-avviz fuq din il-gazzetta kienx qed jilħaq il-mira tiegħu għal prezz li kienet qeghda tħallas. Fl-24 ta’ Ġunju l-Awtorità ddeċidiet li twaqqaf dan ir-riklam minħabba raġunijiet finanzjarji.
It-tieni tip ta’ riklami, huma dawk ir-riklami li l-Awtorità tippubblika sabiex tinforma lill-pubbliku fuq xi inizzjattiva li tkun qegħda tipprommwovi jew għal xi kampanja ta’ informazzjoni li tkun qegħda tagħmel. F’dawn il-każi l-Awtorità timxi fuq il-prattika li tipprova tifrex ir-riklami fil-ġurnali kollha biex twassal il-messaġġ tagħha. Hawnhekk il-MEPA qegħda marbuta mad-daqs tal-kampanja kif ukoll il-finanzi li jkunu allokati għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bl-istqarrija li ħarġu l-Pulizija dan l-aħħar dwar każ ta' użu eċċessiv tal-forza li allegatament kellu riħa qawwija ta' razzizzmu marbuta miegħu? X'passi qed tieħu l-Pulizja biex l-membri tagħha jevitaw każi oħra simili fil-ġejjieni, kif allegatament sar f'dawn l-aħħar jiem?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qieghed jirreferi għall-allegazzjonijiet li saru dwar l-arrest ta’ raġel ġewwa Paċeville kmieni fil-għodu nhar id-29 ta’ Ġunju, ninsab infurmat li l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi nuqqas da parti ta' xi uffiċjal/i tal-Pulzija għadha mhix konkluża, u għaldaqstant ma nħossx li għandi nikkumenta dwar dan il-każ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni liċenzjati biex jaħdmu bħala gwidi turistiċi u f'liema lingwi huma liċenzjati biex jagħmlu dan? X'inhu l-impenn tal-Gvern biex jikkontrolla l-abbużi f'dan il-qasam u cioe' biex Maltin u barranin li m'humiex liċenzjati bħala gwidi ma jkomplux jagħmlu dan ix-xogħol?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bajjiet u x-xtut dikjarati għall-għawm biss u f'dan il-każ xi spezzjonijiet isiru minn impjegati ta' l-Awtorita' Marittima biex ikun assigurat li f'tali bajjiet u xtut m'humiex isiru abbużi minn dgħajjes, eċċ.? X'kienu r-riżultati s'issa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.