Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rappurtati lill-pulizija nies nieqsa sena, b'sena mill-1999 'l hawn? Kemm minn dawn instabu jew irritornaw u kemm baqgħu ma nstabux? Jista' jgħid jekk minn dawn kienx hemm persuni barranin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rrappurtati lill-pulizija delitti (qtil voluntarju ta' persuni) kull sena mill-1999 'l hawn, kemm minn dawn kienu solvuti, kemm każi għadhom qed jiġu nvestigati u kemm minnhom huma nvestigazzjonijiet magħluqa pero' l-pulizija ma tellgħetx persuni l-qorti minħabba nuqqas ta' provi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
It-tewġiba għal din il-mistoqsija parlamentari qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Ftuħ ta' negozji ġodda — Applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jingħataw permess ħalli jiftħu negozji ġodda f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn in-negozji beħsiebhom iħaddmu aktar minn 20 persuna u kemm minnhom lesti li jħaddmu inqas minn ħamsa? Dawn in-negozji ġodda huma ta' proprjetarji Maltin jew barranin? Kemm jieħu fit-tul l-proċess sabiex xi ħadd li jrid jinvesti f'xi negozju jinħarġulu l-permessi meħtieġa?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex meta l-pulizija jieħdu sehem f'xi attivita' biż-żwiemel jew klieb tagħhom, fil-fatt ikollhom magħhom persuni li jieħdu ħsieb inaddfu jekk kemm-il darba jkun hemm xi ħmieġ ta' dawn l-annimali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi hija l-poċedura viġenti li kull fejn tkun ser issir xi wirja kemm mill-klieb kif ukoll miż-żwiemel tal-Pulizija, isiru l-arranġamenti minn qabel mal-Kunsill tal-Lokal sabiex isir it-tindif f'każ li dawn l-annimali jħammġu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' electricity surge li kien irrappurtat lill-Enemalta mill-klijenti tagħhom għall-perijodu 2007 u 2008 sal-lum? Fl-istess perijodu kemm kien in-numru ta' surge li ġew irrappurtati mill-personel ta' l-istess korporazzjoni? F'liema lokalitajiet kienu? X'kunpens ingħata lil min sofra d-danni?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, li hi korretta sal-11 ta' Lulju 2008.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern mill-VAT fuq bejgħ ta' prodotti ta' diesel u petrol ta' kull kwalità fis-sena 2005, 2006, 2007 u sat-30 ta' Mejju 2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux l-informazzjoni mitluba fis-sistema tiegħu, għax il-figuri ta’ VAT miġbura u rrappurtati minn persuni rreġistrati li jbiegħu prodotti ta’ diesel u petrol ta’ kull kwalita’ jinkludi wkoll ammonti oħra ta’ VAT miġbura fuq provvisti ta’ servizzi u prodotti oħrajn li huma rrapportati kollha f’kaxxa waħda.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-pulizija dwar dawk il-persuni li allegatament huma responsabbli mill-isfreġju li wettqu fil-Qala fir-rigward ta' siġar tal-ħarrub li huma protetti bil-liġi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien ġie investigat mill-Pulizija. Infurmat ukoll illi nbdew proċeduri kriminali kontra sitt persuni, liema proċeduri għadhom pendenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet loġika d-deċiżjoni tal-MEPA li tapprova l-proġett ta' Fort Cambridge qabel ma tlestew formalment għadd ta' studji ambjentali relevanti marbutin mal-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar Environmental Impact Assessment dwar l-applikazzjoni ta' Fort Cambridge qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-permess.
Dan l-EIA kien jindirizza dawk l-impatti ambjentali kollha li rriżultaw li x'aktarx ikunu sinifikattivi wara li sar screening kif titlob Anness 3 tad-Direttiva ta’ l-UE dwar l-EIA. It-terms of reference għal dan l-EIA, kif ukoll ir-riżultati ta’ l-EIA innifsu, kienu soġġetta għal konsultazzjoni pubblika sħiħa skond kif titlob il-liġi u d-Direttiva. Il-proċess formali ta’ l-EIA għalhekk kien konkluż qabel ma’ l-applikazzjoni resqet għad-deċiżjoni tal-MEPA.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-ħruġ ta' tender li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jagħti indikazzjoni dwar meta se toħroġ din it-tender?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern għada qed tanaliżża t-talba għax-xiri ta’ din il-biċċa art. Id-deċiżjoni ma tirrigwardax biss din il-biċċa art iżda wkoll proprjetà oħra milquta b’esproprju. Qed isiru l-isforzi kollha meħtieġa biex fl-inqas żmien possibli jiġi deċiż x’inhu l-iktar konduġibbli għall-partijiet kollha nvoluti.
Issa li għadda żmien konsiderevoli mill-mawra uffiċjali tal-Prim Ministru fl-Awstralja, jista' jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1532,1156 u 1101 u jagħti rendikont finanzjarju tan-nefqa totali fuq id-delegazzjoni kollha, inkluż biljetti ta' l-ajru, akkomodazzjoni, ikel u spejjeż oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iż-żjara fl-Awstralja swiet €159,897.22 (Lm68,625.42). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ mill-Housing Authority għal sussidju fuq stair lift li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba bżonn u urġenza?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-familja li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant fil-fatt infurmat bil-miktub lill-Awtorita’ tad-Djar li kienet qed tirtira l-applikazzjoni peress li mhiex interessata aktar fl-iskema.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-anzjani ħadux iż-żieda sħiħa ta' l-għoli tal-ħajja? Kif tqassmet din, ċioe' kif ingħatat iż-żieda? Kollha f'daqqa, kull xahar jew mod ieħor?
Response (DALLI, JOHN)
Kif kien wiegħed dan il-Gvern, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena 2008 ingħatat sħiħa lil pensjonanti kollha.
Informat li żewġ terzi ta’ din iż-żieda huma nkużi fir-rata tal-pensjoni li titħallas kull erba’ ġimgħat, filwaqt li t-terz l-ieħor, li kien ikopri s-sena 2008 kollha, tħallas f’pagament wieħed aktar kmieni din is-sena.
Billi f'xhieda fil-qorti, uffiċjal għoli tal-MEPA maħtur mill-Ministru xehed li kienet saritlu pressjoni qawwija dwar il-każ tad-diskoteka tal-Mistra, jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġiex mgħarraf dwar dan u jekk iva, x'passi ħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan huwa każ li għadu sub-judice u mhux floku li jsiru kummenti.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-Ministru preċedenti għall-Ambjent kienx talab spjegazzjoni formali mill-MEPA dwar dak kollu li deher fil-media dwar il-każ tad-diskoteka tal-Mistra fil-leġislatura l-oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif taf tajjeb il-Gvern mill-ewwel kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-allegazzjonijiet mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ta’ dakinhar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni uffiċjali tiegħu għall-allegazzjoni serja tal-kumitat tal-ġurnalisti u ta' l-istitut tal-ġurnalisti Maltin li l-inċident marbut mal-press release dwar l-approvazzjoni tal-proġett Fort Cambridge tefa' dubju serju fuq it-trasparenza u l-integrita' tal-laqgħa tal-bord tal-MEPA u ċ-chairman il-ġdid tagħha?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1760 u jgħid meta se jinħarġu t-tenders għall-ġardini li hemm fil-Housing Estate ta' l-Istabal, f'Hal Qormi minħabba li uħud minnhom jinsabu fi stat abbandunat? Jista' jagħti indikazzjoni meta dawn it-tenders se jinħarġu?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1760.
Billi matul l-aħħar ġimgħat numru sostanzjali ta' sinjali tat-traffiku dehru mgħawġa, u għandi għax nemmen li dan sar b'riżultat ta' atti vandali, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn it-tabelli jiġu rranġati jew fil-fatt jinbidlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa d-Direttorat qiegħed jipprepara tenders ġodda biex ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ fuq tabelli u sinjali tat-traffiku li ġew imkissra jew vandaliżżati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet lid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili biex minbarra t-titjiriet regolari li qegħdin isiru bis-sea plane bejn il-Port il-Kbir u l-Imġarr, Għawdex isiru wkoll titjiriet regolari, jew bi prova, minn portijiet oħra f'Malta jew Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li m'hemmx talbiet biex isiru titjiriet minn portijiet oħra f'Malta jew Għawdex.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-fażijiet li fihom se jinqasam l-iżvilupp propost (in parti diġa' komplet) fl-inħawi ta' Kennedy Grove, Salini u l-Qawra? Jekk se jkun hemm xi forma ta' kiosk, jista' jgħid meta hu mistenni jibda jitħaddem u minn min?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li l-iżvilupp propost fl-inħawi ta' Kennedy Grove, Salini u l-Qawra huwa maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi hija l-parti ta’ fuq li diġà nfetħet għall-pubbliku u li fiha hemm l-ikbar area rikreattiva tal-fażijiet kollha. Inkluż f’din il-fażi se jkun hemm kiosk li ser jinħareġ tender għalih mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet. It-tieni fażi hija dik ta’ madwar il-monument ta’ Kennedy Grove li tinkludi wkoll ir-restawr tal-monument. It-tielet fażi hija r-rijabilitazzjoni tas-Salini (salt pans).
Billi m'hemm l-ebda dubju li l-għaqdiet sportivi ta' kull tip li għandna f'Malta u f'Għawdex qed jaħdmu għal kawża ġusta, jista' l-Ministru jikkonsidra li parti (xi perċentwali fissa) mill-flus fil-fond għall-kawżi ġusti tintuża biex titqassam bħala kontribuzzjoni tal-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li individwi jew organiżżazzjonijiet jistgħu jitolbu għal għajnuna finanzjarja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti fir-rigward ta’ proġetti speċifiċi. Għaldaqstant dawn il-fondi ma jistgħux jintuzaw għal spejjeż rikorrenti.