Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu anzjani l-Qorti din is-sena u għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena kien hemm 274 persuna anzjana, ċioe' ta' 'l fuq minn 60 sena, li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija fuq diversi reati kriminali, fosthom reati kontemplati fil-Kodiċi Kriminali; fir-Regolamenti tat-traffiku; fir-Regolamenti dwar it-tipjip; u fir-Regolamenti dwar liċenzji tan-Negozju.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1380 u jgħid kemm ġew irrappurtati nies permezz ta' l-sms għax kellhom il-vettura tagħhom iddaħħan bejn Jannar u Diċembru 2007? Kemm min dawk li kienu rrappurtati fil-fatt kellhom il-vettura veru qed iddaħħan u kemm kienu rapporti foloz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma l-Onor Interpellant illi l-ammont ta' vetturi li ġew irrapurtati permezz ta SMS minn Jannar sa Diċembru 2007, bħala parti minn l-EMMISSIONS SMS ALERT SCHEME imnieda mill-ADT huwa ndikat hawn taħt:
Rapport b'sms 41,197
Avviżi mibgħuta lill-vetturi li rċevew numru sustanzjali ta rapporti 1,908
Vetturi li għaddew mit-test 756
Vetturi li weħħlu t-test 103
Niġbed l-attenzjoni li skond il-proċedura ta' din l-iskema, l-ADT tgħajjat għat-test ta' vettura li jkun ta' l-anqas irċieva tlett rapporti bl-sms minn tlett numri ta telephones differenti,
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1378 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti time frame ta' meta sejjer jibda x-xogħol fuq Triq l-Ortolan, il-Mosta, liema triq tinstab fi stat ħażin ħafna u qed tikkawża ħafna ħsarat fil-vetturi tar-residenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1458 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex jiġi mogħti lilha aċċess effettiv għal garage mibni lilha mid-Dipartiment ta' l-Artijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern talbet lid-Dipartiment għal-Bini u Tiswija ta’ Djar sabiex, wara li jeżamina l-każ, jieħu l-passi li jkunu xierqa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jiksru l-liġi dwar il-kaċċa u l-insib din is-sena? X'kien ir-reat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, sa l-aħħar ta' Lulju, tressqu l-Qorti 173 persuna bi ksur tar-Regolamenti dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ :- ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni ta' l-Għasafar Selvaġġi u l-Att dwar l-Armi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li żaru il-Mużew tal-Pulizija din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li numru kbir ta' persuni, inkluż tfal ta' l-iskola, izuru il-Mużew tal-Pulizija matul is-sena iżda, li ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' viżitaturi.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu t-tenders għall-ġardini li hemm fil-Housing Estate ta' l-Istabal, f'Hal Qormi minħabba li uħud minnhom jinsabu fi stat abbandunat? Jista' jagħti indikazzjoni meta dawn it-tenders se jinħarġu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi b’kollox hemm ħamsa u ħamsin (55) ġardini (side gardens) fil-Housing Estate ta’ l-Istabal f’Ħal Qormi. Disgħa (9) minn dawn il-ġardini m’humiex mikrija, iżda jista’ jagħti l-każ li hemm ġardini li huma mikrija u qed jinżammu fi stat ta’ abandun. It-Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern ser tara liema minn dawk mikrija huma fi stat ta’ abandun, filwaqt li ser tħaffef il-proċess sabiex toħroġ sejħa għall-offerti ħalli d-disgħa (9) li hemm vojta, jiġu mikrija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu d-depożiti fil-banek u s-self mill-banek f'Għawdex fl-aħħar ta' Diċembru 2007 u fl-aħħar ta' Marzu ta' din is-sena? Kemm kien hemm kontijiet ta' depożitu u ta' self rispettivament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Deskrizzjoni
Perjodu
31-Dec-07
Total deposits (€ 000’s)
577,097
Number of accounts (actual)
86,378
Total loans and advances (€ 000’s)
313,987
Number of accounts (actual)
5,268
Deskrizzjoni
Perjodu
31-Mar-08
Total deposits (€ 000’s)
584,586
Number of accounts (actual)
85,260
Total loans and advances (€ 000’s)
323,434
Number of accounts (actual)
5,992
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1393 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lili u cioe' jekk ir-riforma fuq id-dazju ta' l-importazzjoni tal-vetturi ssir, jista' jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħti refund lill-importaturi ta' l-istess vetturi second hand jekk dawn jinqabdu b'numru ta' vetturi fl-imħażen tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi vetturi li ġew importati jew li ġew irreġistrati wara 1 ta’ Jannar 2008 għandhom l-għazla li jiġu rreġistrati taħt is-sistema ta’ reġistrazzjoni u liċenzjar il-ġdida u l-Gvern jirrifondi it-taxxa tar-reġistrazzjoni li tkun tħallset żejda. Din ir-rifużjoni tkun tikkonsisti fi krediti li jingħataw kontra l-ħlas annwali tal-liċenzja.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1391 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se ssir ir-riforma fid-dazju tal-karozzi second hand li jiġu mportati? Id-dazju minn fuq l-importazzjoni tal-karozzi se jonqos jew le? Jekk se jonqos, hemm il-ħsieb li jsiru xi tip ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra li jaffettwaw il-prezz tax-xiri tal-vetturi?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1390 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi,l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex il-pagi u l-arretrati ta' ħaddiema f'aġenziji tal-gvern bħal Appoġġ u Sedqa, u l-ħaddiema fis-settur ta' aġenziji soċjali ma tħallsux fil-ħin? Dan kien xi żball amministrattiv jew ġara minħabba xi nuqqas ieħor?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li d-dewmien li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kien kawża ta’ diffikultajiet minn naħa tal-kuntrattur li jaħdem il-payroll wara li s-sistema komputerizzata l-antika nqalbet għal waħda ġdida.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1501 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u cioe': B'referenza għall-Eurostar Programme ta' l-Unjoni Ewropea li huwa ntiż biex ikabbar l-investiment ta' l-SME's fir-riċerka, x'inhi r-raġuni li skond rapport maħruġ nhar il-25 ta' Ġunju, 2008 Malta ma tidhirx li hi parteċipi f'dan il-programm, minkejja li hemm bosta pajjiżi ġodda fl-UE inklużi bħal Ċipru u l-Istati Baltiċi kif ukoll pajjiżi mhux fl-UE bħall-Iżlanda, Izrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-waqt li għalissa huwa minnu li Malta tinvesti inqas minn pajjiżi oħra fir-Riċerka u l-Iżvilupp, fl-aħħar snin l-impenn tagħna f'dan il-qasam, permezz ta' l-MCST (il-Malta Council for Science and Technology) u entitajiet oħrajn, kiber b'mod sostanzjali u b'impatt pożittiv fuq l-ekonomija. Parti importanti minn dan l-impenn ittieħed mill-Malta Enterprise li permezz tagħha, f'dawn l-aħħar sentejn, Malta pparteċipat fil-programm EUREKA. Ma nistgħux nitkellmu fuq il-EuroStars mingħajr ma nifhmu l-ewwel x’inhu l-programm EUREKA, li Malta qiegħda diġa’ tieħu sehem fih, u b’suċċess kif ħa naraw. L-għan ewlieni tal-EUREKA, li m'huwiex programm ta'l-UE, huwa biex jiżdied il-produttivita' u l-kompetittivita' ta' l-industrija fl-Ewropa, l-iktar permezz ta' innovazzjoni teknoloġika.
Minn mindu beda dan il-programm, fl-1985, fondi sostanzjali, kemm pubbliċi u kemm mill-privat, ġew investiti fir-riċerka u fl-iżvilupp permezz ta' proġetti tal-EUREKA. Illum f'dan il-programm jieħdu sehem 38 pajjiż bħala membri sħaħ. Malta ssieħbet f'Ġunju ta' l-2006. Il-fondi pubbliċi tal-EUREKA huma fondi li jiġu mill-
budgets
tal-Gvernijiet tal-pajjiżi membri u jingħataw direttament minnhom. Ta' min jgħid ukoll li m'hemmx obbligu li l-pajjiżi membri jiddedikaw fondi ghal EUREKA, u fil-fatt mhux kull pajjiż jagħmel dan. F'Malta għandna baġit iddedikat għal EUREKA, amministrata kif għidna mill-
Malta Enterprise
.
Il-burokrazzija fil-programm EUREKA tinżamm fl'livell minimu u fl-aħħar sentejn Malta kkommettiet 350,000 Euro li magħhom żdiedu 1.2 miljun Euro f'proġetti ta' riċerka u żvilupp investiti mis-settur privat. Dan minħabba li l-programm EUREKA ma jħallix li proġetti jigu ffinanzjati 100% minn fondi pubbliċi. Il-valur miżjud u l-benfiċċju ekonomiku ta' dawn il-proġetti żgur jista' jitqies bħala ħafna akbar mill-ammonti li ġew investiti. F’Malta hemm 9 kumpanniji li qed jibbenefikaw mill-fondi ddetikati għal EUREKA mogħtija mill-
Malta Enterprise
. Dawn il-kumpanniji qed jżidu il-fondi tagħhom ma dawn, kif ukoll il-fondi ta’ msieħba barranin peress li l-programm EUREKA jeħtieġ kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra membri.
Il-proġetti ta' dawn il-kumpanniji Maltin se jgħinu biex il-prodotti ġodda tagħhom jkunu, mhux biss kummerċjalment vjabbli, iżda li jkollhom ukoll iżjed possibilitajiet li jikkompetu fi swieq internazzjonali.
Niġu issa għall-programm EuroStars, li mhu xejn ħlief estensjoni tal-EUREKA u parti mill-istess programm! Is-sena l-oħra il-Kummissjoni ta' l-UE u l-EUREKA, ħolqu mekkaniżmu biex il-Kummissjoni jkun jista' jiffinanzja parzjlament proġetti tal-EUREKA (niftakru li l-programm EUREKA mhux programm ta' l-UE). Din hija l-ideja wara l-programm EuroStars, Proġetti biex jikkwalifikaw taħt il-EuroStars iridu, fost kundizzjonijiet oħra:
· Ikollhom bħala msieħeb ewlieni kumpannija ta' daqs zgħir jew medju (
SMEs
), skond id-definizzjoni ta' l-UE, li tagħmel riċerka u żvilupp.
· Jiġu minn pajjiz li qed jieħdu sehem fil-programm EUREKA; u
· Jkollhom imsieħba li qed jinvestu 10% jew iktar mit-turnover annwali tagħhom f'attivitajiet ta' riċerka.
Din il-kundizzjoni ta' l-aħħar tista' teskludi ħafna SMEs Maltin, jekk mhux kollha. Huwa fil-fatt diffiċli li f'Malta insibu kumpanniji li jinvestu 10% mit-turnover annwali tagħhom f'ricerka. Dan diġa' ġie kkommunikat b'mod uffiċjali lill-Kummisjoni ta' l-UE.
MINKEJJA DAN, il-
Malta Enterprise
xorta waħda diġa' kkomunikat ukoll, lill-Kummissjoni, li fil-baġit tagħha tas-sena d-dieħla se taħseb biex tinkludi ammont biex tkopri l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-programm EuroStars. Sadanattant se nkomplu għaddejjin bis-suċċess li ksibna s'issa fil-EUREKA. Mill-2006 'l hawn il-fondi EUREKA kollha li ġew allokati minn Malta kienu utilizzati b'suċċess mill-kumpanniji li ħadu sehem fil-programm.
Nikkonkludi billi ngħid li anki issa, peress li aħna membri fil-EUREKA, kumpanniji Maltin diġa’ jistgħu jieħdu sehem fil- EuroStars, dejjem jekk jridu jipproponu proġetti li huma eliġibbli. Kumpanniji li huma interessati jistgħu jmorru għand il-
Malta Enterprise
għal parir, kif ukoll għal assistenza finanzjarja.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kif qed jintnefaq id-dħul tal-Gvern li jkun ġej mit-taxxi ambjentali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li €15.5 miljuni li jidħlu mill-eko-kontribuzzjoni fis-sena jagħmlu tajjeb għall-bicca l-kbira ta’ l-ispiża li l-Gvern joħroġ għall-implimentazzjoni ta’ l-immaniġjar ta’ l-iskart kollu ta’ Malta u Ghawdex, li tammonta għal xejn anqas minn €17.5 miljun fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid in vista taċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru f'Lourdes fi Franza, l-Air Malta din is-sena żieditx it-titjiriet tagħha chartered għal dan il-pajjiż? Jista' fil-fatt jgħid kemm hu maħsub li se jkunu saru titjiriet u kemm bejn wieħed u ieħor se jkunu ġarrew passiġieri? Kif in-numru ta' titjiriet u passiġġieri hu maħsub li se jipparaguna ma' dak ta' snin oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-okkażjoni tal-150 sena anniversarju mill-ewwel dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes, din is-sena id-domanda tal-pubbliku għal żjarat ġewwa Lourdes hija ikbar minn ta’ snin ta’ qabel.
Fil-fatt, l-Air Malta għamlet żieda fil-pjanijiet għal titjiriet diretti lejn Lourdes fit-tliet xhur tas-sajf Lulju sa Settembru li jgħoddu għal 41 titjira, sabiex tieħu u ġġib lura passiġġieri, u li tfisser żieda ta’ 10 titjiriet iktar fl-istess tliet xhur tas-sajf ta’ 2007. Huwa mistenni li jkun hemm madwar 4,400 passiġġieri li jitilqu minn Malta fuq dawn it-titjiriet u għalhekk madwar 1,300 passiġġier iktar mis-sajf ta’ l-2007. Ta’ min isemmi li s-sena l-oħra kien hemm numru kbir ta’ pellegrini li marru Ruma fit-3 ta’ Ġunju 2007 għal kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca li seta’ ħalla mpatt fuq in-numru ta’ passiġġieri li marru Lourdes is-sena l-oħra. Din is-sena huwa magħruf ukoll li passiġġieri oħra jmorru Lourdes fuq ġiti li jinkludu wkoll titjiriet lejn Toulouse, Pariġi jew Barċelona, ukoll ma’ l-Air Malta.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Air Malta bdiet it-titjiriet chartered tagħha għal Lourdes fi Franza? Minn dak inhar 'l hawn dawn it-titjiriet saru kull sena? U jekk fl-affermattiv, kemm-il titjira saret kull sena u kemm-il passiġġier ġarret? X'inhuma l-prospetti għall-futur u kif l-Air Malta tipparaguna ma' kumpaniji oħra li jorganizzaw titjiriet chartered għal dak il-pajjiż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-titjiriet ta’ L-Air Malta lejn Lourdes bdew f’Marzu ta’ l-1988. Dawn it-titjiriet charter diretti lejn Lourdes saru kull sena minn dakinhar l’hawn, u kabbar in-numru ta’ passiġġieri li jmorru lejn Lourdes tant li din saret rotta stabbilita’ u popolari mal-Maltin. It-titjiriet isiru l-iktar fi żmien l-Għid, f’Mejju, bejn Lulju u Settembru, u anke f’Diċembru. L-Air Malta tista’ u rnexxielha toffri wkoll dan il-prodott bħala ‘daytrip’ jew bħala ġita ta’ ġurnata għal dawk il-pellegrini li jridu jmorru fuq viżita’ qasira, imma dan jiddependi mid-disponibilita’ ta’ l-ajruplani.
Dawn l-aħħar snin it-traffiku għal Lourdes (imorru u jiġu) kien hekk:-
Total ta’ passiġġieri 2004 – 7,930
Total ta’ passiġġieri 2005 – 8,997
Total ta’ passiġġieri 2006 – 9,214
Total ta’ passiġġieri 2007 – 7,863
Total ta’ passiġġieri 2008 – 11,240 (stima)
Ta’ min iżid li, l-Air Malta din is-sena irnexxielha tieħu xogħol ġdid għal titjiriet bejn Manchester u Lourdes darbtejn fil-ġimgha fil-perjodu bejn Mejju u Settembru 2008 għal
tour operator
Ingliż, u tuża l-ajruplan li għandha fil-bażi ta’ Manchester. Għalhekk, dan mistenni iżid il-preżenza ta’ l-Air Malta fl-ajruport ta’ Lourdes għal din is-sena biss.
Għas-sena 2009, l-Air Malta se tagħmel l-istess pjanijiet bħal ta’ din is-sena għas-suq Malti, u għandha żżomm il-kompettitivita’ tagħha f’dan is-suq u tikkompara tajjeb ma’ kumpaniji oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu permess li jkun l-użin tal-ħobż Malti skond l-aħħar ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-furnara u x'passi qed jittieħdu biex ikun assigurat li qed jinżamm dan il-piż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Ordni Numru 1 tal-20 ta’ Mejju, 2008 tistabilixxi li l-piż ta’ ħobza kbira tal-Malti m’għandhux ikun anqas minn 540 gramma waqt li dik żgħira mhux anqas minn 270 gramma.
L-Awtorita’ Maltija dwar l-iStandards matul l-aħħar snin, irċeviet diversi rapporti mingħand id-Dipartiment tal-Konsumatur fil-konfront ta’ fran differenti fuq il-piż tal-ħobż. Il-policy tal-Awtorita’ hi, illi f’każijiet ta’ din in-natura, jittieħdu passi fil-konfront ta’ fran illi dwarhom isir numru ta’ rapporti, ripetutament u minn sorsi differenti.
Jista' l-Ministru jgħid hux isir xi studju, eċċ., dwar kemm hu l-compliment ta' l-infermiera fis-swali ta' l-isptarijiet, ċentri tas-saħħa, bereġ eċċ? Kemm suppost għandu jkun in-numru ta' infermiera fihom? X'inhuma r-riżultati u x'passi hu maħsub li jittieħdu biex tali nuqqas jinmtela jew jiġi rimedjat?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-numru ta' infermieri li attwalment qed jaħdmu huwa hekk :-
Sptar Mater Dei - 1245 + 128 qwiebel
Ċentru tas-Saħħa - 175
Sptar Monte Carmeli - 230
Residenza San Vincenz de Paul - 298
Informat ukoll li l-kunċett tal-complement m'għadux rikonoxxut. Il-livell ta' staff huma ibbażati fuq il-ħtiġijiet tas-servizz minn żmien għal żmien. Madankollu, bħalissa qed isir proċess ta' reviżjoni ta' dawn il-ħtiġijiet. Dan huwa proċess kumpless ħafna.