Legislature:
Category:
Reset
Active:

kumpanija Arriva — sussidju mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34631 u jgħid kemm ta' sussidju jew għajnuna u fuq xiex ta susidju jew xi tip ta' għajnuna oħra lill-kumpanija tat-transport Arriva kemm ilha topera sal-aħħar ta April 2012 il-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li sas-17 ta' Mejju 2012, il-kumpanija Arriva Malta Ltd irċeviet sussidju ta’ €685,416 fix-xahar minn Lulju 2011 s’April 2012.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — nuqqasijiet fis-swieq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema swieq, minn mindu twaqqaf l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, qed jiġu analizzati mill-Uffiċċju bil-ħsieb li jiġu ddentifikati u rretifikati nuqqasijiet f'dawn is-swieq? Kemm minn dawn l-istudji tlestew u jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja, anke mhux kunfidenzjali, ta' dawk l-istudji li tlestew?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għamel eżerċizzji sabiex janalizza diversi swieq fosthom dak tal-banek bħala parti mis-Sweep 2011 u diversi taħditiet fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi tal-kommunikazzjoni liema taħditiet saru kemm mall-fornituri tas-servizzi kif ukoll ma’ entitajiet regolatorji oħra. L-iskop aħħari tagħhom kien il-benefiċċju tal-konsumatur. L-analiżi fuq il-banek għadha għaddejja u għandha titlesta f’Ottubru 2012 skont kif mitlub mill-Kummissjoni Ewropea u għaldaqstant ir-rapport finali jkun jista’ jingħata aktar ‘il quddiem. Fir-rigward tal-eżerċizzju l-ieħor ma sarux rapporti pero hemm kollox dokumentat. Ta’ min jinnota wkoll li dan l-Uffiċċju jagħmel parti mill- Consumer Markets Expert Group li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jassisti u jagħti parir lill-Kummissjoni fit-twettiq ta’ moniteraġġ ta’ swieq fis-Suq Intern fejn darbtejn fis-sena, wieħed fir-Rebbiegħa u l-ieħor fil-Ħarifa, jinħarġu rapporti - wieħed fuq il-kundizzjonijiet tal-konsumaturi msejjaħ il- Consumer Conditions Scoreboard u l-ieħor fuq is-swieq ta’ 50 prodott u servizz fis-Suq Intern u kif dawn ikunu qed joperaw għall-benefiċċju tal-konsumatur hekk imsejjaħ il- Consumer Markets Scoreboard . Dawn ir-rapporti, li għandhom aċċess għal kulħadd, jagħtu stampa ċara ta’ liema swieq qed jaħdmu sew jew li fihom hemm xi problemi.

Arriva — żieda fit-tariffi tat-trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta, diġà awtorizzatx, jew hemm quddiemha xi talba mill-kumpanija Arriva, sabiex ikun hemm żieda fit-tariffi tat-trasport pubbliku? Jista' jgħid jekk Transport Malta għandhiex xi informazzjoni li fi żmien qasir il-kumpanija Arriva se żżid it-tariffi tagħha? Jekk huwa l-każ, meta se tidħol fis-seħħ din iż-żieda u meta l-konsumaturi se jiġu infurmati dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Le.

Akkademija tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena twaqqfet l-Akkademija tal-Pulizija u kemm ġew dedikati fondi għall-istess akkademja sena b'sena fl-aħħar erba' snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Akkademja tal-Pulizija ġiet imwaqqfa fl-1988. Għalkemm ma jingħatawx fondi espressament għaliha, dawn jinħarġu mill-fondi tal-Korp kif ikun meħtieġ.

Reġistru għal Protezzjoni tal-Minuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni hemm reġistrati fir-Reġistru għal Protezzjoni tal-Minuri? Jista' jgħid dwar liema reati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju, 2012 ma kien hemm l-ebda persuna registrata fir-Reġistru għal Protezzjoni tal-Minuri. Infakkar illi hija l-Qorti li fid-decizjoni tagħha trid tordna, meta tinstab ħtija, li persuna titpoġġa fir-Reġistru.

pornografija — persuni akkużati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar disa' snin kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'reati konnessi mal-pornografija tat-tfal u x'kienu l-pieni li ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar disa’ snin, ċioe' mill-2004 sallum kien hemm 69 persuna li ġew imressqa l-Qorti b’konnessjoni ma’ pornografija tat-tfal. Għar-rigward il-pieni mogħtija lill dawk misjuba ħatja kienu jinkludu, sentenza ta’ priġunerija, sentenza ta’ priġunerija sospiża, probation, liberazzjoni kondizzjonata u kondizzjoni ta’ attendenza għal kura psikoloġika.

estradizzjoni ta' persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għall-estradizzjoni ta' persuni lejn Malta? Minn liema pajjiżi? Għal liema reati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talbiet ghall-estradizzjoni ta’ persuni lejn Malta pendenti hemm 3. Dawn huma lkoll mir-Renju Unit ghal reati ta’ frodi u traffikar f’ narcotici.

Att dwar il-Ġustizzja Ripatraċi

Question

Peress li l-Att dwar il-Ġustizzja Ripatraċi ilu xhur li daħal fis-seħħ, però l-istruttura amministrattivi għadhom mhux f'posthom kompletament, jaħsibx il-Ministru li dan jista' jesponi l-Gvern għad-danni minn dawk il-persuni li minkejja li intolati għal parole ma jistgħux jużufruwixxu minn dan id-dritt?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-standing orders 27(5), Mistoqsija Parlamentari ma tistax tkun maghmula b’tali mod li l-Interpellant jitlob parir legali.

Korp tal-Pulizija — pulizija akkużat b'reati ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il pulizija tressaq il-Qorti akkużat b'reati ta' serq? Kemm minn dawn il-persuni ġew liberati? Kemm għadhom pendenti? Kemm ġew misjuba ħatja u x'kienu l-pieni? Jista' jgħid kemm minn dawk li nstabu ħatja baqgħu fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin, ċioe' mis-sena 2002 'l hawn kien hemm 7 membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’serq. Minn dawn 2 ġew liberati, filwaqt li 2 għandhom il-każ tagħhom għadu pendenti quddiem il-Qorti. 3 kienu misjuba ħatja, fejn wieħed gie mgħoti multa u tnejn ingħataw probation. Infurmat ukoll illi ħadd minn dawn it-tlieta ma għadu jservi fil-Korp tal-Pulizija.

San Pawl il-Baħar — toroq li għandhom bżonn it-tarmac

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34278, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32296 partikolarment għall-fatt li din it-triq għad m'għandhiex 70% tagħha li hi mibnija, u billi l-bini li hemm f'din it-triq hu kważi kollu mibni mill-Awtorità tad-Djar, jista' l-Ministru jikkordina l-ħidma neċessarja ma' din l-istess awtorità, biex ma nħallux persuni li ngħataw fejn joqogħdu mill-gvern innifsu ma jkunux jistgħu jidħlu f'darhom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ghar-risposta mghotija mill-Ministru Gatt ghall-mistoqsija 32296 fis-seduta tat-23 t'April 2012 (Numru 463). Inzid illi l-Awtorità tad-Djar m'għandha l-ebda responsabiltà li tibni toroq ġodda.

time share representatives

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' time share representatives li għandna liċenzjati/awtorizzati biex jaħdmu f'Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk tali liċenzji humiex ibbażati fuq operazzjoni f'xi lokalità partikolari? Kemm minn dawn ir-rappreżentanti huma Maltin u kemm huma barranin?

Response (DEMARCO, MARIO)

In-numru ta’ timeshare outside promotional contacts (OPC’s) li huma licenzjati mill-Awtorita’ Maltija ghat-Turizmu huwa 36. Minn dawn hemm hdax (11) il-persuna li huma ta’ nazzjonalita’ Maltija, 6 persuni li ghandhom cittadinanza “dual”, filwaqt li dsatax (19) il-persuna huma ta’ nazzjonalita’ barranija. It-timeshare OPC’s m’humiex restritti li jahdmu f’xi lokalita’ partikulari. Madankollu, huma obbligati li jharsu r-regolamenti stipulati f’Legislazzjoni Sussidjara 409.16 li fost ohrajn timplika li kull OPC ghandu joqghod 20 metru ’l boghod minn postijiet kummercjali.

San Pawl il-Baħar — irwejjaħ minħabba t-tindif tas-salini

Question

Billi waqt ix-xogħlijiet ta' restawr li qed isir fis-Salini, San Pawl il-Baħar, qed iġib miegħu rwejjaħ, riżultat taċ-ċaqliq ta' materjal li kemm fil-banjijiet tal-melħ, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li qed isir, għaliex anke dan ix-xogħol qed idejjaq lil ħafna nies? Jista' jinforma lir-residenti bix-xogħol li qed isir biex ma jibqgħux jiġu miżinformati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-irwejjaħ li preżentement qed ikunu esperjenzajati fis-Salini huwa riżultat ta’ proċess naturali ta’ dikompozizzjoni ta’ alka u fil-ħama. Preżenetemnt is-salini qed jiġu imbattla u mndaddfa mill-alka u l-ħama u għaldaqstant iċ-ċaqliq tagħhom jerħi fl-arja livell għola ta’ irwejjaħ. Qed isiru l-isforzi kollha sabiex l-kuntrattur li huwa responsabbli minn dan ix-xogħol jkompli bil-ħidma bl-ikbar ħeffa possibbli sabiex is-salini jiġu żvujtati mill-ilma u mnaddfa. Ta’ min jgħid ukoll li bħala riżultat tal-aħħar maltempata inġabret l-alka fis-sukkursu u din ukoll tiġġenera l-istess riħa. Qed issiru arrangamenti meħtieġa sabiex din l-alka li nġabret fis-sukkursu tiġi mnaddfa fl-iqsar żmien possibbli.

ġibjuni għall-ilqugħ tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jinbnew xi ġibjuni għall-ilqugħ tal-ilma mit-toroq arterjali li qed jinbnew bejn il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa? Jista' jagħti tagħrif dwar fejn se jinbnew dawn il-ġibjuni jekk se jinbnew? Min se jkun jista' juża dan l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-Mellieħa Bypass ser jinbnew żewġ ġibjuni għall-ilqugħ tal-ilma mit-triq. Dawna ser jinbnew wieħed fir-roundabout li tieħdok lejn il-Manikata u l-ieħor fil-junction li tieħdok lejn Triq il-Prajjiet (Anchor Bay). F'Marfa Road, Ċirkewwa ser jinbnew tlett ġibjuni għall-ilqugħ tal-ilma mit-triq. Dawna ser jinbnew wieħed viċin il-Paradise Bay Hotel, l-ieħor ftit il-ġewwa mir-roundabout li tieħdok lejn ir-Ramla tal-Bir u l-ieħor viċin it-triq bla isem li tagħti għal Wied Musa. Hu ppjanat li l-ELC jużaw l-ilma miġbur f'dawn il-ġibjuni għat-tisqija tas-siġar, pjanti u fjuri fit-triq.

Mellieħa — Mains tal-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x-xogħol ta' mains ġodda sar/qed isir bħala parti mix-xogħol fuq it-toroq arterjali li qed tagħmel Transport Malta mill-Mellieħa saċ-Ċirkewwa? Kemm tlaħħaq l-ispiża involuta f'dan ix-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf illi l-Onor. Interpellant illi f’dawn it-toroq qed isir upgrade ta’ mains tal-ilma biex tissalla id-distribuzzjoni tal-ilma. Peress li l-proġet huwa ta’ Transport Malta, l-ispiża qed tiġi monitorata minnhom.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar u Trejqet Għar Berbaħ - xogħlijiet marbuta ma' servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol marbut mas-servizz tal-ilma u tad-drenaġġ fit-Toroq: Simar, u Trejqet Għar Berbaħ f'San Pawl il-Baħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi parti sostanzjali ta’ dan il-proġett huwa ta’ Transport Malta. Huwa pjanat li x-xgħolijiet min naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma jkunu lesti sas-sajf.

Sptar Mater Dei — pazjenti fil kurituri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33495 u 33113 u jgħid kemm irriżulta li kien hemm pazjenti li spiċċaw fil-kurituri tas-swali fl-Isptar Mater Dei, kawża li ma kienx hemm kmamar fejn jakkomodawhom matul l-2008, 2009 u 2010 ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont il-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei, pazjenti bdew jiġu rreġistrati li ddaħħlu fil-Paediatric Corridor minn Frar tal-2010. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008 u 2009 ma tistax tingħata. Wara li saret analiżi dettaljata, anke b’mod manwali, fuq kull sodda li ntużat sa minn Frar 2010, jirriżulta hekk. Għas-sena 2010 kien hemm 283 pazjent iddaħħlu fil-Paediatric Corridor. 1,433 pazjent ddaħħlu fl-Area 2 li hija sala oħra fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Għas-sena 2011, u b’referenza għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31551, tajjeb jiġi ikkjarifikat li minn numru ta’ pazjenti li jdher fit-Tweġiba msemmijja, kienu 2,583 il-pazjenti li ddaħħlu fil-Paediatric Corridor, filwaqt li l-4,865 l-oħra iddaħħlu fis-Sala msejjħa Area 2.

Tenders għall-parkings u riforma tal-parkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu t-tenders għall-parkings fil-kuntest tar-riformi tal-parkers? Jista' jgħid jekk fit-tender hux se tkun stabilita rata minima u massima li se jkollhom iħallsu s-sewwieqa? Jekk iva, x’se jkunu dawn ir-rati u kif se jiġu determinati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dettalji mitluba jkunu jistgħu jingħataw wara li jingħalqu d-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-parkeġġi skedati mar-rappreżentanti tal-car park attendants.

Ikel tal-Unjoni Ewropea — lista

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu n-nies li kwalifikaw għall-ikel tal-Unjoni Ewropea sena b'sena mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti l-lista, lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ikel tal-Unjoni Ewropea — lista

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienu n-nies li kwalifikaw għall-ikel tal-Unjoni Ewropea sena b'sena mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti l-lista, lokalità b'lokalità?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #34510 Sitting 483 2012-05-29 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — triq maġenb l-istadium

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tkun lesta t-triq maġġura ta' maġenb l-istadium f'Għawdex? Tista' tgħid għaliex infetħet għat-traffiku meta din it-triq għadha mhix lesta? Għaliex inżebgħat bis-sinjali tat-traffiku meta wiċċ it-triq għadu ma sarx?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li dan ix-xogħol qed isir mill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.